Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' impjegati totali maqsuma skond id-dipartimenti u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għax-xahar ta' Settembru minn 1995 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew adottati tfal is-sena l-oħra? Min liema pajjiż kienu? Jista' jgħid kemm hemm familji jistennew li jagħmlu dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul is-sena l-oħra ġew iffinaliżżati mill-Qrati Maltin l-adozzjonijiet ta' ħamsa u ħamsin tifel u tifla. Minn dawn, tnejn u tletin kienu mir-Rumanija, ħmistax minn Malta, seba' mill-Pakistan, u wieħed mill-Albanija.
Ninsab infurmat ukoll li hemm pendenti quddiem il-Qorti l-adozzjoni ta' tifel minn Georgia, żewġt itfal mill-Pakistan u tnejn oħra mill-Albanija u tifel mill-Kenja.
Preżentement hemm b'kollox 107 applikazzjoni pendenti biex jadottaw.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li nqabdu jabbużaw minn xi forma ta' għajnuna soċjali jew children allowance u li issa qed jintalbu jirrifondu xi flus? Kemm hu l-ammont mitlub lura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 22878 f'Seduta 478.
Peress li l-eżerċizzju biex jiġi stabbilit l-ammont imħallas żejjed għadu fil-bidu tiegħu, għad mhux magħruf kemm hu l-ammont li ser jiġi mitlub lura.
Jista' l-viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn single parent families illum? Kemm minn dawn huma single parents għax mhux miżżewġa, separati, divorzjati jew minħabba mewt tal-ġenitur? Billi f'mistoqsija simili li jien għamilt, il-Ministru wieġeb illi d-dekasteru tiegħu ma jżommx statistika fuq din il-materja, insaqsi kif fil-passat dejjem irċevejt rispota fuq in-numru mitlub, għaldaqstant jekk għadha ma tinżammx statistika fuq din il-materja, jista' jgħid meta waqfet tinżam u għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant jara sew it-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija simili tiegħu Numru 12956, f'Seduta 243, jinnota li jien kont għedt li l-informazzjoni mogħtija kienet meħuda minn pubblikazzjoni ta' l-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika.
Dan l-Uffiċċju ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti breakdown tan-numru tal-każi separtament, eżempju SKA, children allowane, etċ. li matul Jannar ta' din is-sena intalbu jagħtu lura pagamenti ta' benefiċċji soċjali lid-dipartiment, peress li skond it-tagħrif li għandu d-dipartiment irriżulta li ħadu pagamenti żejda? Kemm minn dawk il-persuni oġġezzjonaw u kemm huwa n-numru ta' oġġezzjonijiet li għadhom pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul Jannar bdew jinħadmu l-każijiet ta' l-Allowance tat-Tfal u dawk ta' l-Allowance Supplimentari li kienu hekk:
Allowance tat-Tfal 193 każ
Allowance Supplimentari 100 każ
Jidher li ħafna minnhom qiegħdin imorru jħallsu għalkemm ma nżammitx statistika ta' dawk li oġġezzjonaw. Min ma jaqbilx ma' l-ammont mitlub għandu kull dritt jiċċara s-sitwazzjoni tiegħu jew ma' l-Uffiċċjal Distrettwali tal-lokal tiegħu jew fl-Uffiċċju Prinċipali ġewwa l-Belt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma l-Kamra xi pjani hemm min-naħa tal-Gvern għal bini li ilu abbandunat is-snin hekkk imsejjah s-Sisters Quarters ġewwa l-Imtarfa?
Jista' jgħid ukoll l-art li tinsab ma ġenb dan il-bini, hux minnu li ser jinbnew l-appartamenti jew maisonettes? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta kif ġie sottomessa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għad ma ttieħdetx deċiżjoni dwar il-fond indikat fl-ewwel parti tal-Mistoqsija.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar għamlet applikazzjoni ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal bini ta' appartamenti, maisonettes u garages, liema applikazzjoni għadha pendenti. Ninsab infurmat li n-numru kbir ta' pjanti relatati ma' dan il-proġett huma esposti għal wiri fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament jingħatalu helper għax ilu ħmistax bla helper waqt li anzjani oħra għad għandhom sigħat ta' helpers?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata ser ikollha l-helper f'qasir żmien għax il-Board diġa' approva sagħtejn fil-ġimgħa u l-appuntament mas-supervisor ser isir dalwaqt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-adult training centres għal persuni b'diżabilita' hux se jkunu f'qagħda li jieħdu l-istudenti li s-sena d-dieħla se jispiċċaw mill-special schools? Hemm xi pjani ġodda kif dawn l-adult training centres jistgħu jiżviluppaw programmi li jhejju aħjar lil dawn iż-żgħażagħ, kemm għal qasam tax-xogħol kif wkoll għall-oqsma oħra fil-ħajja? X'inhuma dawn il-pjani, jekk iva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma ġara s-sena l-oħra, l-Adult Training Centres qegħdin jippreparaw biex ikunu f'qagħda li jieħdu l-istudenti li s-sena ddieħla ser jispiċċaw mill-Ispecial Schools. Bdew il-preparamenti biex titwettaq it-tranżizzjoni ta' dawn l-istudenti għal dawn iċ-Ċentri ta' Matul il-Jum.
Sabiex jitwettqu programmi ġodda, il-Ministeru ser iwaqqaf Ċentri żgħar fil-komunita' kif ukoll jingaġġa aktar "support workers" kif ukoll "professional support workers".
Biex is-servizzi jkomplu jitjiebu, qiegħed jitkompla t-taħriġ mogħti minn professjonisti lill-Care Workers kollha.
Jita' l-Viċi Prim Ministru jara li tingħata attenzjoni għall-installazzjoni mill-ġdid tas-servizz tat-telecare lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tingħata attenzjoni lill-każ tal-housing tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li toqgħod f'post substandard u ilha irreġistrata mal-housing 20 sena (Ref. HD 514/81)
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ qiegħed ikun ikkunsidrat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tingħata kunsiderazzjoni għall-każ ta' housing ta' single mother, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li qed toqgħod mal-ġenituri tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ qiegħed ikun ikkunsidrat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna li taħdem part-time hix intitolata għal injury on duty? Jekk fl-affermattiv, xi drittijiet tkun intitolata għalihom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond Artiklu 3 ta' Avviż Legali 61/86, impjegat part-time ikollu dritt għal injury leave, kemm il-darba dan l-impjieg ikun l-impjieg prinċipali tiegħu, skond kif imfisser fl-istess Avviż Legali, u l-impjegat ikun jaħdem għal mhux anqas minn għoxrin siegħa fil-ġimgħa.
Impjegat part-time li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, ikollu dritt għal perijodu ta' injury leave, pro rata ta' l-anqas perijodu ta' injury leave li jkunu ntitolati għalih l-impjegati full-time li jaħdmu ma' l-istess prinċipal u suġġett għall-istess kundizzjonijiet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkunsidra l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex tiġi ikkunsidrata għall-xogħol ta' computer data clerk mill-ETC minħabba li ilu jirreġistra xi żmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li d-dettalji tagħha ġew mibgħuta separatament, preżentament qiegħda tirreġistra bħala Data Entry Operator kif ukoll għal xogħol ta' Telephone & Switchboard Operator. Għaldaqstant il-Korporazzjoni kull meta jkollha xi vakanza għal dawn ix-xogħolijiet tissottometti l-isem ta' din il-persuna. Hekk ġara u din il-persuna ġiet referuta għal-xogħol ta' Data Entry Operator mal-Gozo Channel Co. Ltd. u għal xogħol ta' Operations Clerk mal-Malta Freeport Corporation.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħati ir-raġunijiet li wasslu biex is-Sur Victor Sciberras Grioli tkeċċa jew ġie mġiegħel jirreżenja mill-impjieg tiegħu ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Jista' jgħid ukoll jekk hu bħala Ministru kienx involut f'din id-deċiżjoni jew jekk kienx ikkonsultat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant reġgħet lura mas-servizz pubbliku wara deċiżjoni unanima tal-Bord ta' l-Awtorita' li kellu jiġi terminat is-secondment ma' l-istess Awtorita'.
Jien ġejt infurmat bid-deċiżjoni li ttieħdet mill-Bord u li din kienet waħda unanima.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 23751, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nisa attendew għal dawn il-programmi ta' taħriġ minn kemm ilhom isiru? Jista' jgħid kull meta jsiru dawn il-korsijiet? Jista' jgħid kemm hu twil kull kors?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-programm ta' Small Business Management ilu jsir fil-Valletta Training C entre minn Novembru 1998.
Għall-programmi li ġew organiżżati f'dan il-perjodu, attendew disgħa u ħamsin (59) mara.
Dawn il-korsijiet jiġu miftuħa hekk kif ikun hemm numru adekwat ta' applikazzjonijiet. L-applikazzjonijiet għal dan il-kors huma dejjem miftuħa.
Il-kors ta' Small Business Management hu magħmul minn dawn il-korsijiet:
Starting a Business 15 hrs
Negotiating Skills 15 hrs
Managing Finance 50 hrs
Managing People 15 hrs
Managing Markets 30 hrs
Managing Operations 30 hrs
Entrepreneurship 15 hrs
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga u jara x'inhi r-raġuni wara l-fatt li l-lift stallat fi Ent D, fi Triq Widnet il-Baħar, Żurrieq sa mill-ġurnata li ġie stallat qatt ma ħadem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt dan il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga.
B'referenza għall-mistoqsija nru. 23773, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-istess persuna jiġi terminat is-secondment tiegħu? F'liema dipartiment qed jaħdem issa l-istess persuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 23956 f'din l-istess Seduta.
Ninsab infurmat li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qiegħda taħdem fil-Management and Personnel Office.