Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imtarfa — Skola primarja - trasport

Question

Jista’ il-Ministru jara jekk tistax tinstab soluzzjoni aħjar għat-trasport tat-tfal tal-kindergarten u l-primarja ta’ l-Imtarfa minhabba li l-private li fil-preżent hemm mhux possibbli li tidħol qalb il-bini minħabba t-toroq dojoq li hemm? Jista’ jkun hemm numru ta’ mini buses li jagħmlu x-xogħol minflok il-private?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tfal li jużaw it-trasport huma moqdijin tajjeb għax informat li fejn ma jidħolx il-coach qed tidħol il-van. Il-problema kienet inqalgħet meta t-tfal tat-toroq laterali kellhom mixja. Min nhar l-Erbgħa, 10 ta' Novembru 2004 il-coach reġa beda jaħdem regolari. Informat ukoll li issa kulħadd jidher moqdi.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Safar

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm kienet in-nefqa globali tas-safar matul l-ewwel disgħa xhur tas-sena 2004 tal-ministeru u tad-dipartimenti, entitajiet, awtoritajiet, korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? Jista' jinformani kemm hu kkalkulat li se titla' din l-ispiża sa l-aħħar tas-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba għal-Mistoqsija numru 9155.

Skola Lily of the Valley — Għalliema tat-Taljan

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola Lily of the Valley minn meta bdiet l-iskola sal-lum ċertu għalliem tat-Taljan tliet darbiet biss għamel lezzjoni u dan b'detriment għall-istess studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliem tat-Taljan fl-iskola sekondarja Lily of the Valley li qed issir referenza għalih jinsab marid. L-iskola ħadet il-passi meħtieġa sakemm tiġi solvuta din is-sitwazzjoni.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Direttur

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huwa d-direttur ta' l-eżamijiet fi ħdan id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Fil-każ li jirriżulta li direttur għad m'hemmx, jista' jgħid kif u meta se jiġi magħżul, meta kulħadd diġa' qed isemmi isem ta' ċertu senior principal fl-education division stess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mit-28 ta' Ottubru 2004, Is-Sur Alfred Zaffarese inħatar bħala d-Direttur il-ġdid tad-Dipartiment ta' l-Eżamijiet bil-proċess komplut tal-kummisjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Studenti — Stipendji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm nefaq flus s'issa matul din is-sena għall-istipendji? Jista' jagħti din l-informazzjoni maqsuma skond l-istituzzjonijiet edukattivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-Gvern ħallas dawn l-ammonti bħala għotjiet ta' manteniment lill-istudenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet edukattivi: SENA 2004 (S’ISSA) Isem ta’ Istituzzjoni Educattiva Ammonti University of Malta Lm 2,838,854.62 Junior College Lm 755,576.67 Malta College of Art, Science and Technology Lm 533,046.81 Giovanni Curmi HSS Lm 211,143.82 M A Refalo Upper Lyceum Lm 136,313.09 St. Aloysius College Lm 129,774.98 De La Salle College Lm 60,339.17 St. Edwards College Lm 19,878.86 Total Lm4,684,928.02

ETC — Impjiegi barra minn Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna qed tingħata mill-ETC lil dawk il-persuni li jkunu jixtiequ jsibu xogħol barra minn Malta, b'mod partikolari f'pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea? Huwa minnu li fil-preżent l-ETC kulma tagħmel f'dan ir-rigward huwa li tqassam leaflet tal-EURES?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig (ETC) tgħaddi l-informazzjoni lil individwi interessati kif ukoll għandha leaflets ta’ informazzjoni. Din l-informazzjoni tingħata bit-telefon, personali, kif ukoll permezz ta’ posta elettronika. L-ETC għandha uffiċċju tal-EURES f’Ħal Far li jiftah bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mid-9.00am sa 12.00am. Meta d-domanda għal vakanzi tax-xogħol barra minn Malta tkun konsiderevoli, l-ETC torganizza open days u tistieden lil min hu interessat kif ukoll lill-employer barrani li jkun qed jirreklama din il-vakanza biex jiġi hawn Malta. Dan ġara fil-każ ta’ Shamrock bus drivers ġewwa Wales fejn telgħu madwar erbgħin bus driver Malti. L-ETC għenet ukoll biex tagħti lezzjonijiet ta’ bus driver Licence D lil dawk li ma kellhomx din il-liċenzja. Dan għamlitu bla ħlas għal min kien qed jirreġistra. F’każ ukoll bħal dak ta' First Impressions, li hija private employment agency ġewwa l-Ingilterra (fil-catering), l-employer ukoll ġie Malta u għamel l-intervisti bl-għajnuna ta’ l-ETC. Fiż-żewg każi t’hawn fuq msemmija l-ETC għenet personalment lil xi individwi biex jimlew l-applikazzjonijiet. Naturalment l-ETC tixtieq li tkun f’posizzjoni li tinvolvi ruħha aktar biex tgħin lil individwi nteressati biex jaħdmu barra minn Malta b’mod aktar attiv. Tajjeb jingħad ukoll li l-ETC għandha żewg EURES Advisors imħarrga u tnejn oħra dalwaqt jingħataw it-taħrig. Il- Kummissjoni Ewropeja tat somma ta’ flus lill-ETC biex tkun tista’ toffri s-servizz tal-EURES f’Malta.

Riċerka/Żvilupp u Innovazzjoni — Infiq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa l-budget jew l-infiq fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni? Jista' jgħid ukoll x'persentaġġ tal-GDP huwa dan l-ammont?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond figuri riċenti miġbura mill-uffiċju ta' l-Istatistika, b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija (MCST), l-infiq Pubbliku kien ta' Lm3,196,798 u l-infiq Privat kien ta' Lm1,643,000, b'total ta' Lm4,839,798. Informat li dan l-ammont hu ta' 0.28% tal-GDP.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Karozzi tal-Kiri

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq kiri ta' karozzi mill-impjegati fis-segretarjat privat tiegħu bejn Jannar u Ottubru 2004? Min huma l-impjegati li huma intitolati għal karozza tal-kiri fl-istess segretarjat privat? Kemm hu n-numru ta' karozzi mikrija għall-membri tas-segretarjat privat tiegħu? Minn fejn inkrew dawn il-karozzi u b'liema rata nkrew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-karozzi jinkrew wara proċess ta' tender pubbliku minn Sundrive Rentals. Nitlob lill-Onor. Membru biex jirreferi għall-Mistoqsija numru 8355, f'Seduta 188 għall-kumplament tal-Mistoqsija.

Dipartiment tal-Psikjatrija — Lecturers

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li hemm xi lecturers fid-dipartiment tal-psikjatrija li għandhom pożizzjoni ta' lecturer l-Universita' fil-fakulta' tal-mediċina mingħajr ma għandhom appointment bħala psikjatra fl-isptarijiet pubbliċi bħal Monte Carmeli jew San Luqa? Jekk dan hu minnu, jista' lecturer f'dipartiment kliniku jgħallem lill-istudenti tal-mediċina mingħajr ma jkollu pazjenti fi sptar pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, informat li hemm lecturer part-time jgħallem il-psikjatrija li qabel kien konsulent anzjan mal-Gvern kif ukoll Kap ta' Dipartiment fl-Universita' b'ħafna esperjenza. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, jekk persuna hi lecturer allura tista' tgħallem.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Ħaddiema msiefrin fuq xogħol

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8905 u cioe' jista' jagħti lista tas-safar li sar minn impjegati tad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu bejn Jannar 2004 sal-lum? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra u fejn siefru? Min kienu l-persuni li siefru? Xi grad għandhom (jew taħt liema skala ta' salarju jaqgħu) il-persuni li siefru? Min awtorizza kull safra? Min mar business class jew first class?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li tipprovdi informazzjoni dwar safar uffiċjali li sar minn impjegati tad-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi bejn Jannar u Ottubru 2004, id-destinazzjoni ta' dan is-safar kif ukoll l-ispiża fuq kull safra. F'dawk il-każijiet fejn il-kont tas-safra għadu ma ngħalaqx, naturalment l-informazzjoni dwar l-ispiża ma tistgħax tingħata. Ma naħsibx li huwa l-każ li noqgħod nagħti l-ismijiet individwali tal-persuni nvoluti f'dan is-safar. Fil-każ tas-Servizz Pubbliku, ir-regolamenti dwar is-safar uffiċjali, inkluż dwar minn għandu jawtorizza dan kif ukoll min għandu d-dritt li jsiefer Business Class jinsabu f'sezzjonijiet 8.5 - 8.11 tal-Public Sevice Management Code. Peress li t-tagħrif mitlub dwar l-Universita' ta' Malta għadu ma wassalix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kunsill Nazzjonali ta' l-Isport — Players Barranin

Question

Jista' il-Ministru jinformana x'passi ħadu l-kunsill nazzjonali ta' l-isport inquantu ta' players barranin li ma jitħallux jaħdmu u jilagħbu hawn Malta bi ksur tad-drittijiet umani u dritt għax-xogħol bħalma tgħid l-istess Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li l-Kunsill Malti għall-Isports qed jivverifika l-pożizzjoni uffiċjali fir-rigward ta' sportivi barranin li jixtiequ jaħdmu f'Malta.

Art għal skopijiet rikreattivi

Question

Fid-dawl tal-konċessjonijiet li ngħataw min-naħa tal-gvern għal skopijiet rikreattivi bħal sports u scouts, peress li min talab l-art spjega għalxiex iridha, jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jagħmel impact assessment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull għaqda li titlob li tingħata t-titolu legali t'art biex tiġi żviluppata minnha tiġi mitluba mill-Kunsill Malti għall-Isport biex :- -Tibgħat dettalji tal-proġett propost inkluż l-istam tal-periti u pjanti, -Feasibility study fuq kif ser jiġi l-finanzi tal-proġett, -Approvazzoni tal-MEPA fuq il-proġett.

Proġetti filantropiċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid mill-1987 sal-ġurnata tal-lum kemm ingħataw siti (mibnija u artijiet) biex jiġu żviluppati għal proġetti filantropiċi, bħal sport centres, scouts, boat and sailing clubs, u clubs oħra u kemm minnhom ġew effettivament imwettqin? Qabel ma jingħataw, il-gvern ra li l-partijiet kellhom finanzi biex il-proġetti jseħħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Nissuġerixxi li l-Onor. Kollega jirreferi din il-Mistoqsija lil sieħbi l-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja u Intern li taħtu jaqgħu s-siti msemmija fil-Mistoqsija.

Universita' il-qadima — Sala tal-librerija

Question

Jikkonsidra l-Ministru li s-sala tal-librerija ta' l-Universita' l-Qadima, illi tkun għal ħafna żmien mhux attivata, tintuża għal-lectures ta' l-istudenti ta' l-Universita' tat-terza eta' u b'hekk ikun qed jintwera rispett ġenwin u pożittiv għal dawn l-anzjani peress li fejn qed jattendu llum mhu xejn addattat biex jinħoloq ambjent tabilħaqq tajjeb?

Response (GALEA, LOUIS)

Nassigura l-Onor. Membru li napprezza tassew il-fatt li fakkritni fl-imħabba ġenwina u rispett għall-anzjani meta flimkien mal-Profs. John Rizzo Naudi, allura l-ewwel segretarju Parlamentari għall-Anzjani, u jien, allura Ministru għall-Politika Soċjali, waqqafna l-Universita' tat-Tielet Eta'. Fraħna tassew meta l-attendenza żdiedet tant li l-faċilitajiet attwali ma baqgħux aktar biżżejjed tajba għal din il-ħidma fejjieda. Il-Ministeru tiegħi ilu issa jikkonsidra sit alternattiv għal din l-Universita' jew faċilitajiet aħjar.

ETC — Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex mas-settur pubbliku u mas-settur privat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-aħħar ta’ Ġunju 2004 kien hemm 5,213 residenti Għawdxin jaħdmu ‘full time’ jew ‘part time’ ma’ ditti privati Għawdxin u 27 residenti Għawdxin jaħdmu ma’ Kunsilli Lokali f Għawdex. Informat ukoll li kien hemm ukoll 947 residenti Għawdxin jaħdmu ‘full time’ jew ‘part time’ ma’ ditti privati Maltin u 634 residenti Għawdxin jaħdmu ma’ Korporazzjonijiet / entitajiet pubbliċi Maltin. M’ahniex infurmati jekk il-lokalita tal-post tax-xogħol tagħhom huwiex f’Għawdex jew f’Malta. Nixtieq ninforma lil Onorevoli interpellant biex jirreferi l-mistoqsija rigward ħaddiema mas-settur pubbliku lill- Ministru responsabbli mis-Servizz Pubbliku.

Skejjel — tipjip

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena minn meta ddaħħlet il-liġi li tipprojbixxi għal kollox it-tipjip fl-iskejjel, kien hemm xi rapporti ta' tipjip mill-istaff jew studenti fl-iskejjel? Jekk iva, jista' jagħti l-informazzjoni rilevanti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul din is-sena minn meta ddaħħlet il-liġi li tipprojbixxi għal kollox it-tipjip fl-iskejjel, kien hemm disa' (9) rapporti ta' tipjip mill-istaff jew studenti fl-iskejjel. Għal kull każ ittieħdu l-passi meħtieġa li jinkludu riferenza lit- Taqsima tal-Guidance, dixxiplina ma' l-istudenti, konfiska ta' sigaretti, esklużjoni ta' ġurnata. L-istaff ġie mwissi li jittieħdu l-passi dixxiplinari kontemplati mir-regolamenti.

Skejjel primarji — Istallazzjoni ta' computers

Question

Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid kemm ġew istallati computersfi skejjel primarji b'kollox mis-sena 2000 'il hawn, maqsuma sena b'sena? Kemm intnefqu flus kull sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-introduzzjoni tal-kompjuters fl-iskejjel primarji ġiet imnieda fis-sena 1996 u ġiet finalizzata fis-sena 2001. Dan il-proġett beda billi fin-1996 ġew istallati il-kompjuters fl-ewwel sena tal-primarji, filwaqt illi fl-2001 il-proġett kollu ġie finalizzat bit-tqassim tal-kompjuters fis-sitt sena tal-primarja. Wara s-sena 2001 tqassmu xi kompjuters kemm f'sitwazzjonijiet fejn żdiedu xi klassijiet jew s'siti fejn il-kompjuters kienu 'beyond economical repair'. Fejn in-numru ta' klassijiet naqsu il-komjuters reġgħu ġew allokati skond il-ħtiġijiet tal-ġurnata. Sena Nru ta' Kompjuters Total (Lm) 2000 (Year 5) 720 355,123 2001 (Year 6) 744 245,064 2002 (klassijiet varji) 52 22,620 36(re-allocated) - 2003 (klassijiet varji) 23 9,085 8(re-allocated) - 2004 (klassijiet varji) 16 6,080 14(re-allocated) - 1,613 kompjuters Lm637,972

Edukazzjoni — Vot Kapitali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-ewwel disa' xhur tas-sena 2004 in-nefqa fil-vot kapitali ta' l-istess ministeru naqset Lm1.1 miljun? Jista' jgħid xi proġetti kapitali kien hemm ippjanati għal matul din is-sena? X'sar minnhom u x'xogħol għadu għaddej? Kemm huwa stmat li jqum kull proġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor.Membru fl-Estimi Finanzjarji 2004, taħt il-Vot Kapitali III, 7162 Foundation for Tomorrow's School - Capital Schools Programme kienet ġiet allokata is-somma ta' Lm3.1 miljun. F'April il-Ministeru tal-Finanzi irreveda din l-allokazzjoni għal Lm2 miljuni, iżda bl-arranġamenti finanzjarji miftiehma bejn l-FTS, l-APS Bank Ltd. u l-Ministeru tal-Finanzi l-investiment kapitali f'bini u immodernizzar ta' skejjel tal-Gvern għal din is-sena hu kommess li joqrob il-Lm5 miljun lira. It-tagħrif dwar l-aħħar tlett partijiet tal-mistoqsija għad irid jinġabru u jiġu verifikati.

Fakulta' tal-Mediċina u Kirurġija — Lecturer

Question

Jista' il-Ministru jivverifika jekk hux minnu li wieħed mil-lecturers fil-Fakulta' tal-Mediċina u Kirurġija fid-Dipartiment tal-Psikjatrija - ismu qed jintbagħat separatament - ilu ma jaqdi l-funzjonijiet tiegħu ta' lecturer ma' l-istudenti tal-kors tal-mediċina fil-ħames sena għal dawn l-aħħar snin? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid ir-raġuni u jekk ittieħdux passi biex is-sitwazzjoni tiġi rregolata speċjalment jekk dan il-lecturer kienx qed jitħallas xorta ta servizz li ma tax?

Response (GALEA, LOUIS)

Wara l-verifiki meħtieġa ġejt informat li l-persuna li tokkupa il-pożizzjoni ta' part-time lecturer twaqqfilha l-ħlas la darba ma kienetx qed tgħallem u l-Universita' għamlet arranġamenti.