Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kumpless ta’ Ħal Kirkop — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-kumpless ta' Ħal Kirkop, u min huma? X'inhu l-grad ta' kull wieħed minnhom u x'inhu xogħol kull wieħed minnhom? Kemm ilhom jagħmlu parti mill-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kumpless Sportiv tal-Kottonera — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiem fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera u min huma? X'inhu l-grad ta' kull wieħed minnhom u x'inhu xogħol kull wieħed minnhom? Kemm ilhom jagħmlu parti mill-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

White Rocks — Konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru konsulenzi u minn min saru, u kemm qamet kull konsulenza għall-proġett imwiegħed tal-White Rocks?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1532.

early school leavers — statistika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-pjan li jibdel il-mira stabbilita mal-Unjoni Ewropea ta’ 10% ta’ early school leavers, mill-amministrazzjoni preċedenti, ma’ mira anqas jew aktar ambizzjuża?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hemm pjan biex il-mira tal-early school leavers tkun ta' 10%.

strateġija dwar l-early school leavers — konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema fażi qiegħda l-konsultazzjoni tal-istrateġija dwar l-early school leavers? Xi jmiss issa? Sa meta huwa ppjanat li jkunu hemm il-verżjoni finali? Sa meta huwa fil-ħsieb li l-istrateġija tibda tiġi implimentata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li saru żewġ konferenzi ta' konsultazzjoni dwar l-istrateġija, waħda f'Malta u oħra f'Għawdex. Barra minn hekk intbagħat feedback mingħand numru ta' stakeholders. Issa jmiss li dan il-feedback jiġi analizzat u tkompli l-konsultazzjoni biex tinkiteb l-istrateġija finali. Hu maħsub li din titlesta sa Diċembru 2013 u wara dan tibda tiġi implimentata.

Stipendji — żieda għall-għoli tal-ħajja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta se tinżamm il-wegħda elettorali li l-istudenti jibdew jieħdu ż-żieda tal-għoli tal-ħajja fuq l-istipendju li se jgawdu llum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Din il-miżura finanzjarja titħabbar f'wieħed mill-budgets tal-gvern.

Għalliema u LSAs — in service courses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' in service courses offruti oriġinarjament lill-għalliema u LSAs matul dan is-sajf ? Minn dawn kemm se jiġu organizzati? Kien hemm xi korsijiet li ġew imħassra? Jekk iva għalfejn ġew imħassra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li matul is-sajf kien hemm dawn il-korsijiet offruti: F'Lulju 2013 saru disa` korsijiet Compulsory f'diversi lokalitajiet, tlieta minnhom f'Għawdex. F'Lulju wkoll kien hemm offruti 46 kors Volontarju. Minn dawn 20 kors ġew organizzati f'diversi lokalitajiet filwaqt li 24 kors tħassru għax ma ntlaħaqx in-numru ta' parteċipanti li huwa dak ta' għaxar persuni kull kors. Żewġ korsijiet oħra kienu se jsiru u l-parteċipanti laħqu ġew infurmati b'dan permezz ta' ittra personali iżda tħassru jumejn qabel il-bidu tal-kors minħabba ċirkustanzi li ma kienx hemm kontroll fuqhom wara li d-Direttorat irċieva diversi kanċellazzjonijiet. F'Settembru saru erba` korsijiet Compulsory. Infurmat ukoll li f'Settembru kien hemm offruti 28 kors Volontarju. Minnhom 13-il kors ġew organizzati filwaqt li 14-il kors kellhom jitħassru għax ma ntlaħaqx in-numru ta' parteċipanti li huwa dak ta' għaxar persuni. Kors ieħor tħassar minħabba ċirkustanzi li skont id-Direttorat għal Kwalita` u Standards fl-Edukazzjoni ma kienx hemm kontroll fuqhom.

Għalliema u LSAs — in service courses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' għalliema u LSAs li ġew aċċettati biex isegwu wieħed mill-in service courses matul ix-xhur ta' Lulju u Settembru 2013? Minn dawk li ġew aċċtettati kemm minnhom ġejjin mis-settur tal-istat, tal-Knisja u dak indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Edukazzjoni u Sport — Experts goups tal-Kummissjoni Ewropea – rappreżentanti Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu attwalment in-numru ta' rappreżentanti Maltin fid-diversi expert groups imwaqqfa mill-Kummissjoni Ewropea u li huma relatati mas-setturi tal-edukazzjoni u l-isport? Kemm minn dawn ir-rappreżentanti ġew maħtura wara Marzu 2013 u fl-eventwalità li kien hemm tibdil fir-rappreżentanti x'wassal għal dan it-tibdil?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hemm 45 rappreżentant Malti fl-expert groups relatati mal-edukazzjoni. F'dan is-settur, l-uniku tibdil li sar fir-rappreżentanti sar minħabba li numru żgħir minnhom inbiddlitilhom il-kariga tagħom wara li spiċċalhom il-kuntratt. Hemm sitt rappreżentanti Maltin fl-expert groups relatati mal-isport. Dawn ir-rappreżentanti ġew maħtura wara li seħħet bidla fl-amministrazzjoni tal-Kunsill Malti għall-iSport. Il-persuni li ġew maħtura huma lkoll esperti fil-qasam partikolari tagħhom u huma responsabbli li jaraw li Malta tkun qed tagħmel il-progress mistenni f'dak il-qasam.

LSAs – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat il-ġenitur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li għandu problema dwar il-learning support assistant ta’ ibnu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-ġenitur indikat mill-Onor. Interpellant ġie kkuntattjat.

Skemi u proġetti ġodda relatati mal-isport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-inizjattivi, skemi u proġetti ġodda relatati mal-isport li nieda l-Gvern preżenti f’dawn l-aħħar xhur u li ma kinux elenkati jew imnedija mill-amministrazzjoni preċedenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Ottubru li ġej il-Kunsill Malti għall-Isport se jkun qed itella' għall-ewwel darba l-European Move Week, inizjattiva li se tkun qed tidħol fil-kalendarju annwali ta' inizjattivi mill-Kunsill Malti għall-Isport bil-għan li tħeġġeġ aktar nies jagħmlu attivita' fiżika. Għalkemm ma kien hemm ebda skemi ġodda imnedija minn din l-amministrazzjoni peress li, għal fini ta' stabbilita', dan il-Gvern għażel li jżomm il-baġit hekk kif propost mill-Gvern preċedenti, bħalissa qed issir analiżi ta' kull skema eżistenti biex jiġi evalwat jekk dawn l-iskemi hux qed iħallu l-effett mixtieq. Il-Gvern se jkun qiegħed jelenka u jniedi skemi ġodda relatati mal-isport u li l-amministrazzjoni preċedenti ma kinitx qed tikkontempla li tintroduċi, fil-baġit li jmiss u oħrajn li jsegwu.

Inizjattivi, skemi u programmi relatati mal-isport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-inizjattivi, skemi u programmi relatati mal-isport li kienu mnedija mill-Amministrazzjoni preċedenti u li dan il-Gvern reġa’ kkonfermahom, u liema huma dawk li ma ġewx ikkonfermati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern preżenti żamm il-qafas tal-baġit għall-2013 kif preżentat mill-amministrazzjoni preċedenti u sussegwentement ikkonferma l-inizjattivi mħabbra f'Novembru 2012.

Kunsill Malti għall-Isport u Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports – laqgħat ma’ għaqdiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports humiex jiltaqgħu separatament mal-għaqdiet sportivi? Jekk iva, jista’ jgħid ma’ liema għaqdiet sportivi saru laqgħat min-naħa tal-Kunsill Malti għall-Isport u min-naħa tal-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Le, il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports m'humiex jiltaqgħu separatament mal-għaqdiet sportivi.

Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti sa issa l-ħidma tal-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports u jekk hux previst li fil-ġimgħat li ġejjin jiġi ppreżentat rapport dwar il-ħidma mwettqa s’issa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport iltaqgħet mhux inqas minn darba fil-ġimgħa (barra x-xahar ta' Awwissu). Il-Kummissjoni iddiskutiet suġġetti dwar l-isport li jinkludu l-KMS, ir-riċerka, il-finanzi, il-faċilitajiet, il-media, il-marketing u l-iżvilupp u l-edukazzjoni. Diġa tħejja l-ewwel rapport tal-Kummissjoni fuq is-suġġetti msemmija.

Kunsill Malti għall-Isport u Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports bejn Mejju u Awwissu 2013, x’kien l-eżitu ta’ dawn il-laqgħat u x’kienu s-suġġetti diskussi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda laqgħa ta' diskussjoni bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport bejn Mejju u Awwissu 2013.

Politika Nazzjonali ġdida għaż-żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi raġuni għall-fatt li kontra l-prassi kif sar fil-passat, rappreżentanti taż-żgħażagħ fi ħdan il-partiti politiċi ma ġewx nominati/mistiedna biex ikunu parti mill-kumitat konsultattiv biex jaħdem fuq it-tfassil ta’ politika nazzjonali ġdida għaż-żgħażagħ wara li din tiġi fi tmiemha fl-aħħar ta’ din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Jien infurmat li l-Kumitat konsultattiv imwaqqaf biex ifassal il-politika nazzjonali ġdida għandu l-funzjoni biex jagħmel l-ewwel qafas għal konsultazzjoni. Dan ifisser li ż-żgħażagħ fi ħdan il-partiti politiċi se jiġu mistiedna fix-xhur li ġejjin biex jagħtu l-kontribut tagħhom u huma wkoll ikollhom sehem fit-tfassil tal-politika taż-żgħażagħ. Barra minn hekk l-Aġenzija Żgħażagħ talbet, permezz ta' e-mail lil għaqdiet reġistrati magħha, jgħaddu l-ewwel proposti tagħhom.

Skejjel – trasferimenti ta’ kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi trasferimenti ta’ kapijiet u assistenti kapijiet ta’ skejjel qed isiru u huwa ppjanat li jsiru matul is-sajf 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul is-sajf sar l-eżerċizzju li normalment isir bħal daż-żmien tas-sena biex ikun identifikat xi trasferimenti huma meħtieġa sabiex l-iskejjel ikolhom l-istaff neċessarju. Sar ukoll proċess sabiex jinħatru kapijiet ġodda.

Skejjel – trasferimenti ta’ kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kriterji qed jintużaw biex jiġu trasferiti l-kapijiet u l-assistenti kapijiet tal-iskejjel tal-istat matul is-sajf?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-kriterji li qed jintużaw huma dawk li dejjem intużaw fosthom:- Esiġenzi tal-iskejjel Esiġenzi tas-servizz Numru ta' snin ta' servizz fi skola partikolari Ħiliet partikolari tal-Kapijiet mqabblin mal-bżonnijiet tal-iskola Gender balance kemm jista' jkun.

Skola tal-Mellieħa – trasferiment tal-kap

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex tiġi revokata d-deċiżjoni tat-trasferiment lill-kap tal-iskola tal-Mellieħa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru ra x'kienet ix-xewqa tal-ġenituri li esprimew irwieħhom pubblikament.

Skejjel – traserimenti ta’ kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx revokati aktar deċiżjonijiet ta’ trasferimenti ta’ kapijiet u assistenti kapijiet ta’ skejjel? Fejn? Għaliex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li ġew rikunsidrati t-trasferimenti tal-kapijiet tal-Primarji ta' Ħal Safi, il-Mellieħa u Ħal Lija.