Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali — Live streaming tal-laqgħat - fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus il-Kunsilli Lokali għas-sena 2016 biex ikunu jistgħu jsostnu l-obbligu li għandhom biex ixandru kull laqgħa tal-kunsill b’live streaming? Kemm hi l-għajnuna totali u kemm ingħata kull Kunsill Lokali għal dan il-għan?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull Kunsill Lokali qed jingħata €1,000 fis-sena għall-istreaming u €300 oħra fis-sena għall-internet biex issostni l-live streaming, total ta’ €1,300 fis-sena kull wieħed. Il-Kunsilli bdew jitħallsu tal-istreaming is-sena l-oħra, mhux kollha f’daqqa peress li jiddependi meta l-Kunsill beda jxandar.

Kunsilli lokali – bexx ta’ palm — fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ flus li ngħataw il-Kunsilli Lokali sabiex ikunu jistgħu jbixxu l-palm li jinsab fit-territorju tagħhom u dan in vista ta’ ordnijiet maħruġa minħabba dud li qed jattakka dawn is-siġar? Jekk sa issa l-Kunsilli għadhom ma ngħataw l-ebda għajnuna għal dan il-għan, jista’ l-Ministru jgħid kif beħsiebu jgħin lill-kunsilli jlaħħqu ma’ dan l-obbligu li ġie impost fuqhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux possibli li jkun ikkwantifikat eżatt l-ammont ta’ flus li l-Kunsilli Lokali jingħataw fl-allokazzjoni tagħhom għal dan l-iskop ta’ bexx. Dan peress li dawn jifformaw parti mill-flus għall-ġonna u green areas f’daqqa.

Laqgħat mal-kunsilli lokali u Kumitati Amministrattivi Maltin u Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali, kemm-il laqgħa kellu ma’ Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi Maltin u Għawdxin u ċjoè mal-membri kollha ta’ kull Kunsill jew Kumitat Amministrattiv partikolari? Meta u fejn saru dawn il-laqgħat u ma’ liema Kunsilli Lokali jew Kumitat Amministrattiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jiena għandi jgħini Segretarju Parlamentari inkarigat mill-qasam tal-Gvern Lokali u għalhekk huwa jespedixxi ħafna mill-funzjonijiet ta' laqgħat mad-diversi Kunsilli Lokali. Personalment kelli numru ta' laqgħat ma' Kunsilli Lokali, Kunsilliera u Reġjuni però essenzjalment huwa s-Segretarju Parlamentari li jieħu ħsieb il-laqgħat fuq bażi regolari.

Segretarju Parlamentari — Laqgħat mal-kunsilli lokali u Kumitati Amministrattivi Maltin u Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa kellu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali fil-Ministeru tiegħu ma’ Kunsilli Lokali jew Kumitati Amministrattivi Maltin u Għawdxin kemm ilu fil-kariga? Meta u fejn saru dawn il-laqgħat u ma’ liema Kunsilli Lokali jew Kumitati Amminstrattivi saru?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Kunsilli Lokali – allokazzjoni għall-2016

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-allokazzjoni li ser jieħu kull Kunsill Lokali għas-sena 2016? Jista’ jgħid kemm żdied kull Kunsill Lokali fuq is-sena 2015? Jista’ jgħid l-allokazzjoni totali kemm hija persentaġġ tal-budget totali tal-Gvern u kemm hija persentaġġ tal-GDP tal-pajjiż?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Sannat Għawdex – Ta’ Ċenċ – applikazzjoni għal żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġiet diskussa l-applikazzjoni għal żvilupp fl-inħawi ta’ Ta’ Ċenċ fil-Kunsill Lokali ta’ Sannat Għawdex sa mit-twaqqif tiegħu sal-lum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dawk il-partijiet mill-minuti tal-laqgħat fejn ġiet diskussa din l-applikazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat li l-applikazzjoni msemmija kienet diskussa darbtejn fl-2007. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħat rilevanti.

Il-Ktieb The Restoration and Rehabilitation of the historic Fortifications of Malta and Gozo, a visual record

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ktieb bl-isem “The Restoration and Rehabilitation of the historic Fortifications of Malta and Gozo, a visual record”, liema xogħol sar primarjament bejn l-2008 u l-2013?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmi ktieb. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li 53.7% tal-ko-finanzjament minn fondi ewropej allokat lill-imsemmi proġett intefqet fil-perjodu mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-aħħar tal-2015 u li f’dan l-istess perjodu ¿diedu diversi komponenti oħra fuq dak li kien il-proġett sa’ Marzu 2013, fosthom it-tkomplija tas-swar kollha tal-Imdina u r-restawr tas-swar tal-ponta tal-Isla li lanqas kienet tifforma parti mill-proġett oriġinali.

Ħruġ ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni għall-barranin residenti f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla għar-rigward ta’ ħruġ ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni, għall-barranin residenti f’Malta? Billi dawn ir-residenti barranin li ġejjin minn pajjiżi Ewropej, huma wkoll intitolati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla fil-mod kif il-Kummissjoni Elettorali tkun informata bil-ħruġ ta’ dokumenti ta’ identità li jintitolaw lil dawn ir-residenti biex jivvutaw f’Malta għall-Kunsilli Lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-ħruġ ta’ dokumenti t’identifikazzjoni lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea li huma residenti f’Malta u lanqas fil-mod kif il-Kummissjoni Elettorali tkun informata għar-rigward tal-vot tal-Kunsill Lokali. Mill-2013 ‘il quddiem dawn iċ-ċittadini bdiet tinħarġilhom eResidence card mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Expatriates, illum taħt il-kappa tal-Aġenzija Identity Malta.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — użu tat-tieni karozza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21941, u jgħid jekk it-tieni karozza li kien juża l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kenitx tinkera jew kenitx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid liema mudell kienet din il-karozza? F’każ li l-karozza kienet mikrija, x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu? Kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozza kienet inxtrat mill-Gvern u meta nxtrat? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswijiet li saru fuq din l-istess karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok it-tieni karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, xahar b’xahar b’mod separat, għat-tieni karozza li għamel użu minnha l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

LESA – kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandhux fiduċja fil-Kap Eżekuttiv tal-Local Enforcement System Agency (LESA) l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Dan is-suġġett diġa kien trattat fil-Parlament u għaldaqstant ma nħossx li għandi inżid mar-risposti li diġa tajt dwar din il-persuna msemmija mill-Onor Interpellant. Din in-naħa tal-Kamra daħlet għal impenn li tirriforma l-qasam tal-infurzar lokali u hekk ser isir.

Kunsilli Lokali – Segretarji Eżekuttivi – performance bonus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-performance bonus li ngħata lis-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsill Lokali kollha ta’ Malta u Għawdex għas-snin 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Kunsilli Lokali – Impjegati – performance bonus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-performance bonus li ngħata lill-impjegati tal-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta u Għawdex għas-snin 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015? Jista’ jgħid kif dan kien maqsum, persuna b’persuna, sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Kunsilli Lokali — Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ direct orders mill-Kunsilli Lokali ta Malta u Ghawdex, sena b’sena mill-2010 sal-2015? Jista’ jgħid liema kienu dawk li qabżu t-treshhold ta’direct order u x’kien l-ammont tagħhom u ghaliex sar hekk?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Kunsill Lokali – fixed pavement publicity sign

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20860, u jgħid kemm ħarġu permessi mingħand kull kunsill lokali minn Jannar 2013 ‘l hawn għall-istallazzjonijiet fuq art pubblika ta’ fixed pavement publicity signs fil-lokalitajiet kollha? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar u lokalità b’lokalità? Kemm ġie impost ħlas fuq kull fixed pavement publicity sign minn kull kunsill lokali? Jista’ jgħid lil liema kumpaniji ħarġu dawn il-permessi?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Djar tal-Anzjani residenzjali – ID Cards tar-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-Djar tal-Anzjani residenzjali li talbu biex ikollhom l-ID card tar-residenti tagħhom mibdula, fil-fatt jekk kellhomx it-talbiet tagħhom milqugħa, billi personnel mill-uffiċċju tal-ID cards fil-fatt marru fl-istess djar biex ikunu jistgħu jieħdu r-ritratti, u t-tagħrif l-ieħor meħtieġ? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk għadx fadal Djar tal-Anzjani li fil-fatt għad iridu jittieħdu r-ritratti tar-residenti anzjani? Jekk iva, liema huma?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena li għaddiet l-uffiċjali tal-IDMO kienu żaru d-Djar tal-Anzjani residenzjali kollha li kienu talbuna biex immorru għandhom. Jien infurmat li matul ix-xahar li għadda kien hemm djar bħal dawn li kellhom it-tieni/t-tielet zjara mill-istess uffiċjali. Peress li f’dawn id-djar kontinwament ikun hemm dħul ta’ residenti ġodda li jkollhom ħtieġa li jibdlu l-karta tal-identita’ tagħhom, dan is-servizz se jibqa jingħata b’mod regulari lil kull min jitolbu. Skont l-aħħar informazzjoni miġbura d-djar tal-anzjani residenzjali li qed jistennew żjarat oħra mill-uffiċjali tal-IDMO huma dawn li ġejjin: Casa Antonia, Casa Leone, Casa San Paolo, Charian Residence, Dar Pirotta, Dar Sant’Anna, Hill Top Garden Residential Home, Holy Family Home, St Dorothy’s Convent, Jasmine Home, Sptar Karin Grech, Mellieħa home, Roseville Home, St Catherine’s Home, Jeanne Antide (MCH), Villa Messina u Zejtun Home. Huwa maħsub li dawn iż-żjarat isiru matul il-ġimgħat li ġejjin.

Programm tal-IIP — flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħħal flus il-Gvern mill-programm tal-IIP s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet li ġew depozitati ma’ Identity Malta fl-IIP account għal-programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment jammonta għal EUR 119,875,100.00. Infakkar li kieku kien għall-Oppożizzjoni – tenut kont il-kritika feroċi tagħha għal dan il-programm – pajjiżna kien jitlef dan id-dħul. Pajjiżna qed jagħmel suċċess minn dan il-Programm.

Programm tal-IIP — flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jistima li jdaħħal flus il-Gvern mill-programm tal-IIP fis-snin 2016, 2017 u 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena 2016, kif spjegat fl-estimi tal-budget, Identity Malta qed tistma li ddaħħal €80 miljun. Stimi għas-snin ta' wara jiddependu mis-suċċess tal-programm li l-Gvern kommess li jkompli jaħdem favuru u li wieħed jawgura li l-Oppozizzjoni tagħmel l-istess.

Qorti Ewropea tal-Ġustizzja – preliminary ruling

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba saret referenza lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja mill-Qrati tagħna għal preliminary rulings sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Saru żewġ referenzi preliminari mill-Qrati Maltin lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Dawn kienu: Referenza Preliminari magħmula mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili rigward il-validita` u l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 530/2008 tat-12 ta’ Ġunju 2008 u l-validita` tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) No 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002. Din ir-Referenza waslet quddiem il-Qorti Ewropea fis-17 ta’ Ġunju 2009. Referenza Preliminari magħmula mill-Qorti Kostituzzjonali rigward Artikolu 12 u 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Din ir-Referenza waslet quddiem il-Qorti Ewropea fl-10 ta’ Frar 2012. Ma kien hemm ebda referenza lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja mill-Qorti ta’ Għawdex għal preliminary rulings.

LESA — pagi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu f’pagi fil-Local Enforcement System Agency (LESA) mill-1 t’Ottubru 2015 sa l-aħħar ta’ Diċembru 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Waqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija Parlamentari 20711, ninforma lill-Onor Interpellant li bejn Ottubru u Diċembru 2015 kien hemm nefqa ta’ €24,731.54 gross f’pagi fil-Local Enforcement System Agency.