Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ġustizzja u Intern — Kontijiet tat-Telephone

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi bejn Jannar 2003 u Diċembru 2004? Min huma l-persuni li huma intitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom? Kemm huwa l-ammont ta' ħlas li dawn huma intitolati għalih kull xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qrati — Inkjesta Maġisterjali - FTS

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari W123, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hu jsibx oġġezzjoni li jpoġġi d-dokumenti msemmija fuq il-mejda tal-Kamra minħabba li l-avukat ġenerali nafu li m'għandux oġġezzjoni? Peress li jien qed nintalab ħlas sostanzjali għal dawn ir-rapporti, meta jien qed naġixxi fil-kapaċita' tiegħi bħala membru parlamentari u allura fl-interess pubbliku u mhux tiegħi personali, jaħsibx li dan huwa xieraq?

Response (BORG, TONIO)

M'għandi xejn x'inżid mat-Tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari W123.

Kunsilli lokali — Allokazzjoni finanzjarja

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont ta' l-ammonti li tnaqqsu mill-allokazzjoni finanzjarja ta' kull kunsill lokali wara l-miżura li kien ħa l-gvern f'Lulju 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’konsegwenza għall-miżura ta’ reviżjoni ta’ l-Estimi Finanzjarji tal-Gvern għas-sena 2004, l-ammont ta’ Lm 536,000 ġie imnaqqas mill-Ministeru tal-Finanzi għar-rigward tal-fondi allokati lill-Kunsilli Lokali. Peress li kien hemm ammont ta’ allokazzjoni finanzjarja miżmuma għal skop ta’ eGovernment, liema ammont ma kienx allokat fl-ewwel tranche lill-Kunsilli Lokali, dan l-ammont (Lm 286,000) ġie mnaqqas awtomatikament mill-Ministeru tal-Finanzi biex jagħmel tajjeb għall-parti mit-tnaqqis skond l-Estimi riveduti. B’riżultat ta’ dan l-ammont attwalment imnaqqas Kunsill Kunsill hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta' min jgħid li matul l-2003-2004, il-Kunsilli Lokali ingħataw Lm912,239 minn sorsi oħra (eż. devoluzzjonijiet); kif ukoll li 142 ħaddiema mill-ex-tarznari (IPSC) tqassmu bejn il-kunsilli, mingħajr ma' l-Kunsilli ħallsu għas-salarji tagħhom.

Qrati — Emenda ta' l-użura

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu nies fil-qorti wara li daħlet l-emenda fil-Kodiċi Kriminali ta' l-użura bħala reat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn meta ġiet fis-seħħ l-emenda għal artikolu 298 tal-Kodiċi Kriminali li biha l-użura saret reat kriminali, il-Pulizija akkużat quddiem il-Qorti 25 persuna fuq dan ir-reat.

Ħal Kirkop — Rapporti lill-pulizija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10112 illi tagħti rendikont dwar in-numru ta' rapporti lill-pulizija, jista' il-Viċi Prim Ministru jassigura li l-pulizija tkun preżenti biżżejjed biex tinħass b'mod effettiv?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minbarra r-ronda li ssir mit-Taqsima tal-Mobile u tad-Distrett, l-Għassa ta' dan il-lokal qed tkun miftuħa regolarment.

Rikonċiljazzjoni minn Separazzjoni Personali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10223, peress li jien ma staqsejtx jekk ir-reġistru pubbliku jżommx statistika ta' noti ta' insinwa rigward rikonċiljazzjoni iżda kemm-il rikonċiljazzjoni minn separazzjoni personali ġiet insinwata matul l-2004? Jista' jgħid x'għandu fi ħsiebu l-gvern biex għan-nuqqas imsemmi b'mod tali li jinġabar it-tagħrif imsemmi ħalli d-dibattitu nazzjonali dwar il-qagħda tal-familja - li jokkupa kontinwament il-mezzi tax-xandir u l-opinjoni pubblika - isir b'mod informat u sħiħ?

Response (BORG, TONIO)

Nippreċiża li l-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10223 ġiet inwieġba. Biss għas-sena 2004 kienet għadha ma tinżammx statistika, allura dettalji rikjesti ma setgħux jingħataw. Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena 2005 bdiet tinġabar din l-informazzjoni u fil-fatt mill-bidu tas-sena 2005 kien hemm insinwazzjoni waħda u għall-esattezza din kienet nota korrettoria ta' kuntratt ta' rikonċiljazzjoni li sar f'2004. Biex tinġabar dik għas-sena 2004 iridu jiġu verifikati madwar 22,000 nota ta' insinwazzjoni. Jidhirli li l-ħin biex isir dan jista' jintuża għal xogħol iktar urġenti.

Qorti ta' Għawdex

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuna li tkun appellat minn deċiżjoni tal-kummissarju għall-ġustizzja u d-deċiżjoni tiġi kkonfermata mill-maġistrat fl-appell u jħallas il-multa fir-reġistru tal-qorti ta' Għawdex, xorta waħda meta l-persuna konċernata tmur tħallas il-liċenzja tal-vettura fl-uffiċċju tal-liċenzji dawn jirrifjutaw il-ħlas tal-liċenzja għaliex il-multa tkun inġabret mill-qorti u mhux mill-kunsill lokali? Dan jiġri f'Għawdex biss? Jaf li wara xahar l-individwu konċernat jerġa' jeħel Lm15 oħra għax ma ħallasx il-liċenzja minħabba multa li jkun ħallas diġa' fil-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li qed jittieħdu passi biex sitwazzjonijiet bħal dawn fil-Qrati t`Għawdex jiġu eliminati. Fil-fatt, diġa' saru arranġamenti ħalli il-multi ta’ sentenzi tat-Tribunali appellati fil-Qorti jibdew jgħaddu lill-Kunsilli Lokali fejn saret il-kontravvenzjoni. Qed jittieħdu passi wkoll sabiex malli tingħata sentenza ta` appell li tikkonferma l-ħtija, tintbgħat minnufih kopja tas-sentenza u ta` l-irċevuta lill-Uffiċjal Awtorizzat u għaldaqstant hu ttamat li sitwazzjonijiet fejn individwu jeħel multa minħabba late renewal ikunu wkoll evitati.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Xiri ta' Proprjeta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' xiri ta' proprjeta' ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-proprjeta' li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant fil-fatt mhix mikrija għal skop residenzjali u għalhekk ma tistax tinbiegħ taħt xi skema stabbilita'.

Korp tal-pulizija — Membri li għandhom każi l-qorti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija li għandhom każi l-qorti (kumpilazzjonijiet)? Jista' jispeċifika min huma u kemm minn dawn huma sospiżi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 18-il membru tal-Korp li għandhom proċeduri kriminali (kumpilazzjoni) pendenti quddiem il-Qorti, li minnhom, 10 huma sospiżi. Filwaqt li ma nħossx illi tagħrif personali ta' din in-natura għandu jkun pubblikat, ninsab infurmat illi s-sospensjoni ta' membru tal-Korp tal-Pulizija sakemm jintemmu l-proċeduri kriminali kontra tiegħu, tiġi kkunsidrata fuq il-meritu u gravita' ta' l-akkuża.

Għawdex — Rabat - Għassa tal-Pulizija

Question

Peress illi fl-għassa tal-pulizija tar-Rabat, Għawdex hemm problema ta' kesħa fix-xitwa u sħana kbira fis-sajf, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tiġi stallata sistema ta' ajra kondizzjonata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f'Marzu ta' l-2004, fuq talba tal-Pulizija t'Għawdex, kienu ġew installati 4 airconditioning units fl-uffiċini tal-Pulizija tar-Rabat. Hekk kif dawn ġew installati, saret talba oħra sabiex jitwaħħlu air conditioning units, din id-darba fl-Għassa tar-Rabat, liema talba qed tkun kunsidrata għas-sena finanzjarja li qegħdin fiha. Pero' għar-rigward tal-kesħa matul ix-xitwa, ninsab infurmat illi ma jidhirx li hemm din il-problema, peress li ma saret ebda talba sabiex jingħataw aktar heaters għal din l-Għassa.

Ċentri tad-Detenzjoni — CCTV

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx cctv stallati fiċ-ċentri ta' detenzjoni? Jekk fin-negattiv, hemm xi ħsieb li jsiru biex jekk jinqalgħu xi inċidenti kif ġara f'Ħal Safi l-id tal-ġustizzja Maltija tkun tista' tieħu passi kontra dawk li kisru l-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ċ-Ċentri ta' Detenzjoni għall-immigranti m'humiex mgħammra bis-sistema ta' CCTV, pero' dan is-suġġeriment ser jiġi ikkunsidrat.

Immigranti Klandestini — Refugee Status

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-proċedura ta' kif l-immigranti klandestini jiġu assessed biex jieħdu r-refugee status jew humanitarian protection? Jekk xi klandestin ma tinstabx informazzjoni fuqu u ma jikkwalifikax, kif jiġi deċiż f'liema pajjiż se jintbagħat?

Response (BORG, TONIO)

Skond il-liġi, applikant jingħata status ta' refuġjat jekk ikun hemm evidenza li huwa jkollu biża' reali ta' persekuzzjoni minħabba razza, reliġjon, nazzjonalita', sħubija f'xi grupp soċjali partikolari jew fehma politika. Il-liġi tipprovdi wkoll biex f'ċerti każi fejn jinstab li persuna ma tkunx tissodisfa l-kriterji biex tiġi rikonoxxuta bħala refuġjat, dik il-persuna tingħata protezzjoni umanitarja. Skond il-liġi, "protezzjoni umanitarja" tfisser permess speċjali biex persuna tibqa' Malta sakemm hija tkun tista' terġa' lura b'sigurezza fil-pajjiż ta' oriġini tagħha jew inkella tibda tabita mill-ġdid f'pajjiż ieħor. Fil-prattika, il-protezzjoni umanitarja qed tingħata (a) f'każi fejn il-kundizzjonijiet f'pajjiż partikolari tant ikunu diffiċli li ma jkunx xieraq li għal mument jintbagħtu nies hemmhekk, per eżempju minħabba gwerer; (b) ma jkunx possibli li l-persuni konċernati jiġu ritornati minħabba raġunijiet ta' loġistika; (c) persuni li ma jkunux jikkwalifikaw għal status ta' refuġjat, iżda jkunu għadhom taħt it-18-il sena u ma jkunux akkompanjati. Ninsab infurmat ukoll illi wara li jkun eżawrit il-proċess kollu u ma jingħatax la l-istatus ta' refuġjat u lanqas dak umanitarju, isiru arranġamenti sabiex jinħareġ id-dokument meħtieġ sabiex dik il-persuna tkun tista' tirritorna lura lejn il-pajjiż minn fejn ikun stabbilit li tkun ġiet.

Pulizija — Vetturi li qed jostakolaw l-entraturi ta' l-iskola Liceo Vassalli

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jkun hemm pulizija sabiex jassigura li ma jibqax ikun hemm karozzi u vannijiet li ta kuljum qegħdin, b'mod traskurat, jostakolaw l-entraturi ta' l-iskola Liceo Vassalli Tal-Ħandaq f'Ħal Qormi? Jista' ukoll jara li l-karrijiet, kabini kbar u spare parts kbar oħra li qegħdin jostakolaw l-aċċess għall-bankina ta' ma ' l-istess skola jitneħħew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-mezzi tat-trasport li jwasslu l-istudenti f'din l-iskola jibqgħu deħlin fil-grounds ta' l-istess skola minn fejn iniżżlu u jgħabbu l-istudenti. Pero' jekk id-direzzjoni ta' din l-iskola tħoss li hemm il-ħtieġa, jista' jintalab is-servizz tal-Gwardjani Lokali. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa.

Immigranti Klandestini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed jingħataw jieklu u jixorbu bħala regola fuq bażi ta' jum b'jum l-immigranti klandestini fil-kustodja tal-qawwiet tas-sigurta' Maltin? Kemm hija stmata li tlaħħaq l-ispiża?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ikel għall-immigranti klandestini li qegħdin taħt il-kustodja tal-Pulizija jiġi ippreparat mill-kċina tal-Pulizija u jvarja minn ġurnata għal oħra, sabiex kemm jista' jkun l-ikel ma jkunx dejjem l-istess. Ikun ukoll preparat ikel għal dawk fuq dieta u għal dawk li huma veġetarjani. Ma kull ikla jingħata wkoll ilma u frott. Barra minn dan kull filgħodu jiġu ukoll servuti b'panina filwaqt li matul il-ġurnata jingħataw ukoll kafe diversi drabi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra eżempju ta' l-ikel provdut fuq bażi ta' ġimgħa. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-ispiża sabiex ikun servut dan l-ikel, fil-preżent hija stmata li tlaħħaq Lm470 kull ġurnata. Għal dak li jirrigwarda l-immigranti klandestini li qed jinżammu taħt il-kustodja ta' l-Armata, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Fgura — Ground tal-Football

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet id-devoluzzjoni ta' biċċa art maġenb il-ground tal-football fil-Fgura, u dan wara li kemm il-kunsill lokali tal-Fgura kif ukoll Fgura Utd. F.C. għamlu din it-talba sabiex fuqha jsir synthetic pitch?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kwalunkwe talba għal devoluzzjoni ta' proprjeta' tal-Gvern lil xi Kunsill Lokali trid issir mingħand id-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Fl-istess waqt kwalunkwe talba biex issir allokazzjoni ta' proprjeta' lil xi għaqda sportiva trid tgħaddi mingħand il-Kunsill Malti Sports. Fuq il-każ in kwistjoni it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma rċeviet l-ebda talba biex issir id-devoluzzjoni la mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali u lanqas mingħand il-Kunsill Malti Sports. B'referenza għall-korrispondenza li ntbagħtet lit-Taqsima mill-Fgura Utd Football Club ninsab infurmat li dan kien verbalment intalab sabiex jindika eżatt il-pożizzjoni u l-qies ta' l-art li ntalbet.

Ġustizzja u Intern — Safar

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm siefru impjegati tal-gvern jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu li huma fil-grad ta' executive officer jew grad inqas, jew li għandhom salarju fi skala 14 jew inqas bejn Jannar 2003 sa Ottubru 2004? Fejn marru? Min awtorizza l-imsemmija safra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar 2003 u Ottubru 2004 fid-Dekasteru tal-Ġustizzja u l-Intern kien hemm okkażżjoni waħda fejn clerk mill-Uffiċċju tal-Manager Airport Security flimkien ma' l-Manager Airport Security attendiet workshop fi Slovenja. L-ispejjeż tat-titjiriet u għall-akkomodazzjoni ġew imħallsa mill-organizzaturi ta' dan il-workshop. L-attendenza kienet approvata mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi.

Qormi — Triq ir-Ragħar/Triq in-Nassab - bini ta' ċint

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li s-sidien ta' plot 6, Triq ir-Ragħaj/Triq in-Nassab, Qormi josservaw il-liġi billi jibnu ċint mad-dawra tal-plot imsemmi u jżommu l-post nadif mingħajr aktar detriment għar-residenti ta' l-inħawi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija għamlet stħarriġ u rintraċċat sid l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Huwa ġie mwissi sabiex jibni lqugħ mad-dawra ta' din l-art.

Korp tal-Pulizija — Membru

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - m'għadhiex membru tal-korp tal-pulizija? Jekk fl-affermattiv, minn meta ma baqgħetx membru? Jekk fin-negattiv, x'inhi l-pożizzjoni tagħha preżentament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant għadu jservi fil-Korp tal-Pulizija.

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm waslu immigranti llegali f'pajjiżna sena b'sena bejn l-1990 u l-aħħar tas-sena 2004? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' kienu dawn l-immigranti klandestini? Kemm minnhom ingħataw status ta' refuġjat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar kemm waslu immigranti illegali f'pajjiżna beda jinżamm taħt forma ta' statistika mill-1998 u huwa kif ġej: 1998 166 1999 229 2000 24 2001 57 2002 1,686 2003 502 2004 1,388 Fost il-pajjiżi li minnhom iddikjaraw li kienu ġejjin dawn il-persuni kien hemm is-Somalia, l-Eritrjea, l-Ethiopia, l-Eġittu, il-Congo, ic-Chad, il-Liberja u Kosta ta' Ivorju. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati beda formalment il-ħidma tiegħu fl-1 ta' Jannar 2002. Ninsab infurmat illi l-għadd ta' persuni li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati minn dan l-Uffiċċju minn dakinhar sa l-aħħar tas-sena 2004 kien hekk: 2002 - 22 2003 - 53 2004 - 49 Dawn in-numri jirriflettu l-għadd totali ta' persuni li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati kull sena. Mhux l-applikanti kollha kienu daħlu Malta illegalment jew irregolarment. Barra minn dan hemm numru konsiderevoli ta' persuni li ingħataw protezzjoni umanitarja. Sas-sena 2001, l-istatistika dwar in-numru ta' refuġjati kienet tinżamm mill-Kummissjoni Emigranti bħala l-Operational Partner tal-United Nations High Commissioner for Refugees (UNHCR) f'Malta.

Immigranti Klandestini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm waslu immigranti klandestini f'pajjiżna matul is-sena 2004? Ta' liema nazzjonalita' kienu? Kemm minn dawn ġew ripatrijati? Ta' liema nazzjonalita' huma dawk ripatrijati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 waslu Malta 1,388 immigranti klandestini. Fost il-pajjiżi li minnhom iddikjaraw li kienu ġejjin dawn il-persuni kien hemm is-Somalia, l-Eritreja, l-Eġittu, il-Congo, il-Palestina, is-Sudan, it-Tuneżija u l-Kosta ta' l-Ivorju. Minn dawn ġew ripartrijati 210 Eġizzjan, 6 Somali u 4 Tuneżini.