Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-pensjoni Kanadiza sew ta' bord mediku kif wkoll ta' l-irtirar għandu pendenti Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali? X'inhi r-raġuni ta' dan id-dewmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijiet għal pensjoni Kanadiża, jiġifieri għal invalidita', għal min jirtira kif ukoll għar-romol, ma jinżammux pendenti fid-dipartiment. Meta d-dipartiment jirċievi dawn it-talbiet jintbagħtu malajr kemm jista jkun bl-informazzjoni meħtieġa li tkun normalment mitluba mill-awtoritajiet Kanadiżi. Minn dawn it-talbiet id-dipartiment kellu 58 is-sena l-oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'taħriġ ingħataw l-impjegati fil-kċina ta' St Vincent de Paule? B'liema mod jiġu appuntati l-impjegati, bħal koki, eċċ.?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-taħriġ li ngħataw il-koki ġewwa San Vinċenz huwa dak li kien jingħata fl-amministrazzjonijiet preċedenti. peress li sa issa ebda kok ġdid ma ġie impjegat f'San Vinċenz matul din l-amministrazzjoni.
L-impjegati normalment jiġu mpjegati wara sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il rapport sar fil-customer care ta' St Vincent de Paule dwar l-ikel matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill Onor. Interpellant li l-Customer Care Service ġewwa San Vinċenz beda jitħaddem matul is-sena 1999. Filwaqt li l-kċina ta' San Vinċenz tipproduċi madwar 2,100 ikla kuljum jew 766,500 ikla fis-sena bejn Awissu 1999 u Frar 2001 kien hemm 26 complaint dwar l-ikel ġewwa San Vinċenz.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed isir biex f'St Vincent de Paule, l-ikel ma jibqax jasal kiesah għand l-anzjani? Fuq liema bażi jiġi deċiż il-menu għall-anzjani? Hemm menu wieħed għal kulħadd? X'kien il-menu matul ix-xahar ta' Frar, ġurnata, ġurnata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ikel li jitwassal ġewwa s-swali ta' San Vinċenz ikun sħun meta jitqassam lir-residenti għax dan jasal fis-swali ġewwa heated trolleys. Jista' jkun li xi kultant xi mpjegat jinsa jixgħel is-switch tat-trolleys u għalhekk jasal fitel.
Il-menu tal-anzjani ġie mfassal minn dietician fil-passat u jiġi modifikat kuljum mill-persuni nkarigati mill-kċina.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-menu ġurnata b'ġurnata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed isir biex fis-swali ta' l-irġiel 1/2 u 3/4 f'St Vincent de Paule, ma jibqgħux jidhru l-ġrieden?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ rari li jitfaċċja xi ġurdien f'xi sala jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex dawn jinqabdu. Fil-maġġoranza tal-każi, l-operazzjoni dejjem kienet suċċess.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed isir biex fRB2 B f'St Vincent de Paule ma jiqbax ikun hemm qtates jiġru fis-swali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-Sala RB2B hemm residenta li għandha bħala qattusa li żżommha bħala pet. Dan jgħinha għax hi parti mit-terapija tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk issewwiex l-apparat kontra d-dubbien u l-air conditioning fis-sala RB2B f'St Vincent de Paule?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-apparat kontra d-dubbien ġewwa s-sala RB2B qatt ma kien bil-ħsara, iżda ġie mneħħi minn post u mqiegħed f'post aktar ċentrali. L-air conditioning system ġewwa RB2B qatt ma kien bil-ħsara għax din is-sala hija waħda mill-ftit swali li għad m'għandhomx l-air condition.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorita' tad-Djar hux qed tikkonsidra li tieħu passi legali kontra l-ex chief executive ta' l-istess Awtorita' tad-Djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'hiniex infurmat li l-Awtorita' tad-Djar qiegħda tikkonsidra li tieħu l-passi indikati mill-Onor. Interpellant.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 23956, jista' Viċi Prim l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li l-bord ta' l-Awtorita' tad-Djar iddeċidiet li tittermina s-secondment minn ma' l-awtorita'
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif kelli okkażjoni ngħid fil-pubbliku d-deċiżjoni ttieħdet għaliex nħass il-bżonn li wasal iż-żmien għall-bidla f'din il-kariga.
Jista' l-Ministru jara li kemm jista' jkun malajr jikkonkludi l-każ ta' armla li d-dettalji tagħha qed jintbgħatu qiegħda tistenna biex tirċievi l-pensjoni tar-romol peress li ilha li romlot dawn l-aħħar ġimgħat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata bil-każ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti spjegazzjoni lill-kopja li l-partikularijiet tagħha jidhru separatament mimn din il-mistoqsija għaliex ġiet rifjutata li tieħu sussidju taħt skema 7 meta din anke għandha card maħruġa mil-kumissjoni persuna b'diżabilita?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni mill-persuna ndikata kienet taħt l-Iskema dwar għajnuna finanzjarja għall-persuni b'diżabilita' rigward xogħolijiet ta' titjib relatati mad-diżabilita' tagħhom.
Ix-xogholijiet li dwarhom saret l-applikazzjoni mill-persuna ndikata ma kienux relatati mad-diżabilita' tagħha u għalhekk ma ġietx milqugħha. Jekk l-applikant jaħseb li x-xogħolijiet meħtieġa jistgħu jsiru taħt xi Skema oħra ta' l-Awtorita', hu mitlub javviċina lill-Awtorita' tad-Djar għal aktar informazzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inxtara bini mill-housing authority? Kemm inxtraw u min kien is-sid f'kull każ? Kif intgħażlu dawn il-postijiet? F'liema stat kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-Iskema 8, dwar Xiri ta' Proprjeta' Privata mill-Awtorita' tad-Djar, ninsab infurmat li l-Awtorita' xtrat dwan il-postijiet:
2
flats
fi Triq il-Kurunell Mas Tarxien, mingħand Fenech Azzopardi (Styles) Ltd. Dawn inxtraw
shell
għall-prezz ta' Lm36,500.
15 il-
flat
u 14 il-garaxx fi Triq Dun Karm Sant, Tarxien, mingħand Andrew Bartolo, Carmel Muscat u Anthony Camilleri. Dawn inxtraw
shell
għall-prezz ta' Lm298,000.
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ħatret panel apposta biex jevalwa l-offerti li kellha.
Peress li fl-appartament bl-indirizz 41, Triq il-Miratur, Floriana għadhom qed isiru l-pjanti sabiex jiġi nstallat lift, u peress li f'dawn l-appartmenti toqgħod il-persuna l-aktar anzjana fil-Floriana, minbarra persuni b'mard kroniku serju, jistax ix-xogħol meħtieġ jingħata prijorita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, minn naħa tagħha, l-Awtorita' tad-Djar qiegħda tagħti l-prijorita' meħtieġa lill-każ indikat mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax tingħata kunsiderazzjoni mill-ETC ta' l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija għal xogħol adegwat għalih, fid-dawl tal-eta' li għandu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni titratta lill-Klijenti tagħha b'mod ugwali. Il-każ li rrefera għaliħ l-Onor. Interpellant ser jingħata l-konsiderazzjoni li jixraqlu. Il-Korporazzjoni għandha skemi apposta għal dawk li għandhom il fuq minn 40 sena u/jew ilhom jirreġistraw iktar minn sena. Għaldaqstant il-persuna msemmija mill-Onor. Interpellant hija eliġibbli għal dawn l-iskemi.
Jista' l-Ministru jgħid jistax jinvestiga il-każ ta' housing ta' l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija li qed joqgħod temporanjament mal-familja tal-mara tiegħu.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ qiegħed ikun ikkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid jistax jara flimkien mal-Ministeru ikkonċernat li titbaxxa it-tarġa li hemm fid-daħla tal-Block Flats, A5, Triq il-Watar, Ta' Xbiex billi din qed tkun ta' inkonvenjent għar-residenti anzjani fil-block?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Mingħajr ma bl-ebda mod nitfa dell ikrah fuq il-carers u social workers ħabrieka li hemm f'Dar il-Fejda, tista tgħid jekk dawn għandhomx taħriġ adegwat biex ikunu jistgħu ilaħħqu mal-problemi tar-residenti ta' din id-dar? Tħoss li din id-dar hija ideali għal tfajliet li hemm residenti fiha b'ċerti kundizzjonijiet partikulari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Head of Care u Residential Social Worker li jaħdmu ġewwa Programm Fejda huma gradwati fis-social work mill-Universita' ta' Malta. Tnejn mill-Carers li jaħdmu bħala relievers huma gradwati f'xjenza soċjali relatata max-xogħol involut ġewwa Programm Fejda.
Sa minn qabel il-ftuħ uffiċċjali ta' Programm Fejda ġew organiżżati korsijiet ta' taħriġ għall-ħaddiema ta' Programm Fejda u għal sentejn konsekuttivi ġie mistieden Prinċipal li jmexxi dar simili bħal Programm Fejda ġewwa l-Ingilterra.
Kull sena qiegħed jiġi organiżżat kors ta' taħriġ għall-istaff kollu. Din is-sena, ħames membri mill-istaff ġew sponsorjati sabiex jattendu kors għall-Carers li jaħdmu f'dar residenzjali organiżżat mill-Malta University Services.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pjan imhejji mit-task force imwaqqfa apposta dwar is-servizzi ta' matul il-jum għal persuni b'diżabilita' tlestiex? Jekk le, meta huwa mistenni li jitlesta? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-pjan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-pjan imħejji mit-Task Force mwaqqaf apposta dwar is-servizzi ta' matul il-jum għal persuni b'diżabilita' jkun lest għal Ġunju ta' din is-sena.