Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #11661 Sitting 190 1999-11-29 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzja ta' ħanut tax-xorb

Question

Jista' l-Ministru jispjega u jara kif file tal-pulizija pendenti mill-1998 għall-applikazzjoni biex jingħata ħanut tax-xorb (File Nru 2/A/M/98) sal-lum għadu m'huwiex approvat?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni bir-referenza Z/A/M 12/98, ninsab infurmat li fir-rigward ta` din l-applikazzjoni għad hemm pendenti il-kummenti / clearance tad-Dipartiment tad-Drenaġġ. Kif il-Pulizija tirċievi r-risposta ta` dan id-dipartiment, l-applikazzjoni ser tiġi riferuta lill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija, peress li hemm oġġezzjoni minn wieħed mill-ġirien.
Leg 9 PQ #11686 Sitting 190 1999-11-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Office Administrator

Question

Wara li fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar intela' l-post ta' Office Administrator (skala 7) minn persuna li qabel kienet tokkupa l-kariga ta' Personnel Assistant (skala 6), jista' l-Ministru ġentilment jgħidilna jekk il-post ta' Personnel Assistant li issa tbattal huwiex se jimtela'? Jekk iva, meta hu maħsub li toħroġ is-sejħa ta' l-applikazzjonijiet għal dan il-grad? Jekk m'hemmx il-ħsieb li toħroġ sejħa ta' l-applikazzjonijiet, hemm raġuni għal dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ħatra li saret dan l-aħħar fl-Awtorita` ta` l-Ippjanar, dik ta` Human Resources Office Administrator fi Grad 7, saret skond ristrutturar li qed isir fl-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani ta` l-Awtorita` sabiex dan l-uffiċċju jkun jista` jaqdi aħjar il-bżonnijiet ta` l-Awtorita`. Ninsab infurmat ukoll li b`riżultat ta` din il-ħatra, il-pożizzjoni ta` Senior Administrator Assistant (Personnel) ser tiġi eventwalment eliminata u għalhekk mhux il-każ li toħroġ sejħa għal applikazzjonijiet.
Leg 9 PQ #11687 Sitting 190 1999-11-29 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Bidnija — Kompetizzjoni ta' l-isparar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11374 u r-risposta li ngħatat, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-kummissarju tal-pulizija kontra dan il-ksur sfaċċat tal-liġi fejn saret kompetizzjoni ta' sparar ta' airguns fir-range tal-Bidnija meta min ħa sehem kiser il-liġi, ir-range għad m'għandux permess, ġiet organizzata attivita' llegali u li ġiet irrapportata b'ismijiet u ritratti fil-gazzetti ta' Malta u anki ħadu sehem tfal?

Response (BORG, TONIO)

Irreferejt il-każ lill-Pulizija għal investigazzjoni.
Leg 9 PQ #11734 Sitting 190 1999-11-29 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Irranġar ta' junctions tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' permess hu rikjest mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal xogħlijiet ta' rranġar ta' junction ta' toroq b'mod li jinbnew roundabouts ħalli jsir titjib fit-traffic channelisation?

Response (BORG, TONIO)

Skond l-Avviż Legali 137 ta` l-1997, Klassi 3, 1(i), it-twessiegħ, titjib jew manutenzjoni ta` triq eżistenti li hi fil-konfini ta` toroq ewlenin (highway boundary), sakemm twessiegħ bħal dan ma jirriżultax fil-ħolqien ta` trejqa oħra, huwa kkunsidrat bħala żvilupp permess, sakemm dan ma jkunx jinvolvi l-formazzjoni, it-tfassil jew twessiegħ ta` triq jew titjib ta` junction f`Area ta` Konservazzjoni Urbana jew jekk jinvolvi t-twaqqigħ ta` bini. F`każ li l-iżvilupp m`huwiex ikkunsidrat bħala wieħed permess, jenħtieġ li ssir applikazzjoni lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, skond l-Att Numru 1 ta` l-1992.
Leg 9 PQ #11398 Sitting 189 1999-11-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Bidnija — Vilel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jafx bil-bini ta' erba' vilel f'nofs il-wied tal-Bidnija li nbnew illegalment? X'se jsir biex dan l-abbuż jitwaqqaf? X'passi ttieħdu s'issa kontra min kiser u qed jikser il-liġi? X'għamlet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar dan meta saħansitra anke fil-gazzetti kien hemm min kiteb biex jiġbed l-attenzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar aġixxiet kontra l-iżvilupp illegali li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti u għal żvilupp illegali ieħor fiż-żona indikata fil-Mistoqsija. Dan sar skond l-Att I ta` l-1992 dwar l-Iżvilupp. F`dan ir-rigward inħarġu diversi Enforcement Notices ref. ECF 729/98, ECF 703/98, ECF 731/98, ECF 764/98 u ECF 787/98. Oltre dan, f`żewġ okkażżjonijiet u ċioe` fl-4 u fis-16 ta` Novembru, l-Awtorita` f`eżerċizzju li qed tagħmel bil-għan li tneħħi kull bini llegali fiż-żona, aġixxiet biex tibda tneħħi parti mill-bini llegali, iżda ġiet imwaqqfa milli tagħmel dan b`mandat tal-Qorti. L-ewwel mandat tat-2 ta` Novembru kien ġie miċħud mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-5 ta` Novembru. Dak tas-16 ta` Novembru ġie milħuq proviżorjament u għadu pendenti quddiem il-Qorti. Ninsab infurmat ukoll li s-sidien ta` l-iżvilupp illegali in kwestjoni ppreżentaw applikazzjonijiet u anke sfidaw b`appelli l-avviżi maħruġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, liema applikazzjonijiet u appelli għadhom pendenti. L-Awtorita` hija determinata li tkompli taqdi d-dmirijiet tagħha u nonostante d-diffikultajiet legali li tiffaċċja minn żmien għall-ieħor, tibqa` tuża l-mezzi legali disponibbli biex tesegwixxi l-obbligi tagħha skond il-liġi.
Leg 9 PQ #11535 Sitting 189 1999-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Intern — Impjegati

Question

B'riferenza għad-dokument "Engagement of Staff for Private Secretariats" imqiegħed mill-Prim Ministru fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni din is-sena, jista' l-Ministru jagħti lista bl-isem, il-kunjom, il-curriculum vitae u l-indirizz ta' l-impjegati kollha fi ħdan is-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarju parlamentari li jaqa' taħtu, kif ukoll jgħid liema salarji u benefiċċji oħra dawn igawdu, kif ukoll jgħid xi gradi jew pożizzjonijiet kienu jokkupaw qabel bdew jaħdmu kif imsemmi?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-isem, il-kunjom u l-grad preżenti ta` l-impjegati kollha fi ħdan is-segretarjat privat tiegħi u dak tas-Segretarjat Parlamentari kif ukoll il-gradi li kienu jokkupaw qabel. Is-salarji, benefiċċji jew allowances oħra li jgawdu dawn l-impjegati huma skond id-dokument imsemmi fil-Mistoqsija.
Leg 9 PQ #11383 Sitting 188 1999-11-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reinstatement

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta dawk il-pulizija li kienu għaddew board taħt Gvern Nazzjonalista preċedenti u li applikaw għar-reinstatement taħt Gvern Laburista humiex se jidħlu fil-korp jew le?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11356.
Leg 9 PQ #11385 Sitting 188 1999-11-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu tfal taħt is-16-il sena jitlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li din is-sena, (sal-15 ta` Novembru, 1999), inqabdu żewġ persuni taħt is-16-il sena jitlajjaw għal skopijiet ta` prostituzzjoni.
Leg 9 PQ #11458 Sitting 188 1999-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Party tal-Milied

Question

Peress li tidher li f'dawn l-aħħar snin saret tradizzjoni li biex jiġi ċċelebrat xi party bħal tal-Milied, membri tal-Korp tal-Pulizija jitolbu flixken tax-xorb alkoħoliku mingħand sidien ta' bars jew restaurants fid-distrett fejn ikunu stazzjonati, kif jiġi żgurat li dak kollu li jingħata fil-fatt imur għal dan il-għan speċifiku? Jeżisti fond speċjali, anke fuq bażi ta' distrett, fejn hemm min jieħu ħsieb dan il-ġbir? Jikkonferma li jkun hemm xi ħwienet tax-xorb/restaurants li jintalbu jagħtu anke flus għal dawn il-parties? Jekk huwa veru, x'kontrolli hemm li dawn il-flus kollha jidħlu għal għan li jkunu ngħataw? X'rendikont jinżamm u minn min dwar dak li jingħata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-proċedura stabbilita` biex jiġu organizzati parties fiż-żmien il-Milied fid-diversi Diviżjonijiet / Taqsimiet tal-Korp hi li kull Diviżjoni / Taqsima tinnomina r-rappreżentanti li jkunu ser jieħdu ħsieb li jorganizzaw tali parties. Il-membri nominati jridu jagħtu rendikont ta` l-ispejjeż kollha sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm abbużi. Ninsab infurmat ukoll li l-Korp jalloka Lm3 għal kull membru stazzjonat fid-diversi Diviżjonijiet / Taqsimiet biex isiru dawn il-parties. Huwa pprojbit li jsir ġbir ta` flus jew affarijiet għal dawn il-parties.
Leg 9 PQ #11459 Sitting 188 1999-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kumitat ċentrali

Question

Jaqbel il-Ministru li għandu jkun hemm kumitat ċentrali, b'rappreżentanti ta' kull distrett/taqsima tal-korp tal-pulizija, biex jorganizza u jara xi jkun hemm bżonn biex isiru parties għall-Milied u/jew f'okkażjonijiet oħra? Jaqbel li jekk isir dan ikun hemm aktar kontroll u anqas possibbilita' ta' abbuż?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11458 f`din l-istess Seduta.
Leg 9 PQ #10649 Sitting 187 1999-11-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Stqarrija

Question

Jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi/azzjonijiet li ttieħdu abbażi ta' l-istqarrija magħrufa mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, 15 ta' Ottubru?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10748 dwar l-istess suġġett, ninsab infurmat li minn meta ngħatat it-Tweġiba fl-4 ta` Novembru, 1999, irriżulta li sar appell fil-konfront ta` Enforcement Notice No. 785/99, liema appell mistenni li jieħu l-proċess legali tiegħu skond il-liġi. Ninsab infurmat ukoll li fir-rigward ta` l-avviżi l-oħra maħruġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, u ċioe` ECF 606/96, 32/97, 1244/98, 722/99, 785/99, 914/99 u 919/99, għadhom għaddejjin konsultazzjonijiet mal-Kummissarju ta` l-Artijiet bl-iskop li d-Dipartiment ta` l-Artijiet jieħu passi direttament flimkien mad-Direttur ta` l-Agrikoltura. Fiċ-ċirkostanzi mhux opportun li jittieħdu passi mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar sabiex l-ispejjeż ikunu minimizzati. Għal dak li jirrigwardja d-Dipartiment ta` l-Artijiet, ninsab infurmat li wara li dan id-Dipartiment ikkonsulta mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa rigward dawn l-abbużi, irriżulta li fejn il-persuna jew persuni responsabbli ġew identifikati, id-dipartiment diġa` ħa l-passi neċessarji tant li l-biċċa l-kbira tal-każi qegħdin quddiem il-Qorti. Għal dak li jikkonċerna l-Pulizija ninsab infurmat li l-lok in kwestjoni għadu qed jiġi sorveljat biex jiġi żgurat li ma jsir l-ebda xogħol.
Leg 9 PQ #11332 Sitting 187 1999-11-23 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Development Planning Act

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li f'Section 35 tad-Development Planning Act huwa stipulat li l-pubbliku jista'jara l-pjanti sottomessi ma'l-applikazzjoni lill-Planning Authority fil-preżenza ta' perit?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanti li sa l-1997 ma kienx hemm ħtieġa li jkun hemm perit preżenti għas-servizz li qed tirreferi għalih. Bl-emendi ta` Lulju 1997, daħlet din il-klawsola. Id-diskussjoni dwarha joħorġu mill-minuti tal-Kamra tad-Deputati ta` dak iż-żmien. Il-Gvern għandu l-ħsieb li dan id-dritt jerġa` jingħata lill-pubbliku b`ċerti salvagwardji.
Leg 9 PQ #11440 Sitting 187 1999-11-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Vetturi — Ikklampjar/Ittowjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Ġunju sa Ottubru - kull xahar separatament - kemm sar: (1) ittowjar; (2) ikklampjar ta'vetturi f'dawn l-inħawi: (a) San Ġiljan, inkluż Paceville; (b) Sliema; (c) Valletta/Floriana? X'kien id-dħul ta' flus totali matul dawn ix-xhur u kif skond il-liġi, jiġi mqassam bejn stat u l-kumpannija responsabbli għal dan ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej : - Lokalita` Tow Clam Tow Clam Tow Clam Tow Clam Tow Clam San Ġiljan/ Paceville 50 xejn 67 1 237 xejn 121 xejn 158 xejn Sliema 49 xejn 43 xejn 57 xejn 46 xejn 20 xejn Valletta/ Floriana 34 xejn 67 xejn 80 xejn 50 xejn 46 1 Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li d-dħul totali minn dan l-irmonk / klampjar kien ta` Lm50,505. Il-kuntrattur responsabbli jitħallas Lm35 għal rmonk u Lm20 għal klampjar.
Leg 9 PQ #11455 Sitting 187 1999-11-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Towing/clamping

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-proċedura biex vetturi jiġu kklampjati/ittowjati minn post fejn ikunu? Membru tal-pubbliku jista' jċempel lill-kumpannija li tieħu ħsieb dan ix-xogħol? Fil-Korp tal-Pulizija hemm xi taqsima li speċifikament għandna x'taqsam u tieħu ħsieb it-towing u l-clamping li allura tkun f'kuntatt kontinwu mal-kumpannija konċernata? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid ukoll meta jinbidlu u kemm ilhom f'dan ix-xogħol f'dawk li hemm preżenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li meta uffiċjal tal-Pulizija josserva vettura f`żona ta` ikklampjar / irmonk, filwaqt li jibqa` fuq il-post, l-uffiċjal jinforma b`dan lill-Għassa tal-lokal. Minn hemm jiġi nfurmat il-kuntrattur sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa. Wara li l-kuntrattur jikklampja / jirmonka l-vettura, l-uffiċjal tal-Pulizija jinforma l-għassa sabiex il-kontravenzjoni tiġi rekordjata fir-reġistru. Il-kuntrattur jista` jaġixxi biss fuq ordni tal-Pulizija u mhux tal-pubbliku. Ninsab infurmat ukoll li fil-Korp m`hemmx taqsima speċifikament responsabbli għall-ikklampjar / irmonk.
Leg 9 PQ #11456 Sitting 187 1999-11-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Towing ta' karozzi

Question

Matul din is-sena u minbarra l-allegazzjonijiet li saru dwar ittowjar ta' vetturi minn PC Lawrence Gabriel quddiem numru ta' pulizija - anke superjuri tiegħu - f'San Ġiljan, jista' l-Ministru jgħid jekk irċeviex xi ittra/ilmenti simili minn membri tal-pubbliku? Jekk fl-affermattiv, kemm saru, x'kienu lmenti, meta sar kull ilment u kif investigat?

Response (BORG, TONIO)

Ma rċevejt ebda lment dwar ittowjar ta` vetturi f`San Ġiljan.
Leg 9 PQ #11457 Sitting 187 1999-11-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri tal-korp

Question

Meta jsiru allegazzjonijiet fuq membri tal-korp tal-pulizija jew fuq l-operat ta' xi membru ta' xi korp tal-pulizija fil-qadi ta' dmirijiethom li jistgħu jinkludu allegazzjonijiet serji, għaliex - bħal fil-każ ta' PC Lawrence Gabriel - ma ssirx inkjesta mmexxija minn uffiċjali għoli li m'għandux x'jaqsam mat-taqsima/distrett ta' dak li jkun hemm l-allegazzjoni u lanqas minn xi ħadd tat-taqsima/distrett fejn tkun saret l-allegazzjoni? Ma jaħsibx il-Ministru li bord indipendenti mill-korp għandu jinħatar biex jisma' u jirrkmanda fuq dawn l-affarijiet serji?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li dak li qed jipproponi l-Onorevoli Interpellant fl-ewwel parti tal-Mistoqsija, beda fis-seħħ mill-1 ta` Jannar 1999, meta ġiet introdotta sistema ġdida ta` complaint handling fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Dwar is-suġġeriment fit-tieni parti tal-Mistoqsija, dan qed ikun proponut fl-abbozz tal-liġi dwar il-Korp tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #11522 Sitting 187 1999-11-23 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Raħal Ġdid — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-bankina ta' Triq it-Telgħet ta' Raħal Ġdid u Valletta Road, Paola, wara li tkissret waqt il-proġett tal-bini tal-ħabs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi qegħdin isiru l-arranġamenti neċessarji biex ix-xogħol fuq il-bankina li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant jinbeda mill-aktar fis possibli.
Leg 9 PQ #9537 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-aplikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu ma ġiet impjegata l-ebda persuna fir-Reġistru Pubbliku.
Leg 9 PQ #9538 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Uffiċċju Konġunt — Impjegati ġodda

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-Uffiċċju Konġunt mis-27 ta' April, 1999 sal-15 t a' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukolljekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn is-27 ta` April u l-15 ta` Settembru 1999, fl-Uffiċċju Konġunt ġew impjegati żewġ persuni fuq bażi part-time wara sejħa għall-applikazzjonijiet li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern fit-3 ta` Ġunju 1999. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu, persuna oħra li laħqet l-eta` ta` l-irtirar ġiet impjegata fuq bażi part-time b`kuntratt definittiv.
Leg 9 PQ #9539 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku — Trasferimenti

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku? Jista'l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista'l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat fil-Mistoqsija ma ngħata l-ebda transfer fir-Reġistru Pubbliku. Bħal f`kull dipartiment ieħor, transfers minn u lejn dan id-dipartiment isiru skond l-esiġenzi tas-servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.