Jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi kkonnettjata
pelican light
ġdida li hemm fi Triq Psaila, Birkirkara, hekk kif iddur minn Birkirkara li għalkemm ilhom installati ’il fuq minn sena għadhom ma jaħdmux? Meta se jiġu miżbugħa mill-ġdid il-
line markings
biż-żebgħa tal-istess
pelican lights
?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat li l-pelican lights ta' Triq Psaila, ġo Birkirkara, għad fadlilhom xogħol infrastrutturali xi jsir. Meta dan ix-xogħol jitlesta, jinbeda x-xogħol fuq is-sistema tad-dawl u s-sistema elettronika u xogħol ieħor relatat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm normalment tieħu żmien biex tiġi installata sistema ta’ traffic lights minn meta jibda x-xogħol infrastrutturali relatat magħha sa meta jibdew jiffunzjonaw?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat li l-istallazzjoni ta' sistema pedonali għandha proċess li jinvolvi diversi aspetti li jinkludu tħaffir ta' trinek, tqegħid ta' cables, installazzjoni u programmazzjoni tas-sistemi elettroniċi, permessi mill-Enemalta u xogħol ta' żebgħa u tabelli. Għaldaqastant il-perjodu li jieħu dan il-proċess ivarja għax jiddependi minn ħafna fatturi li mhux dejjem hemm kontroll fuqhom.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — impjiegi
Question
B'referenza għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 11732, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni fir-rigward ta' kull impjegat ġdid, jiġifieri li beda jaħdem u/jew jitħallas mill-Ministeru jew mill-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru fil-perjodu ta’ bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-1 ta' Ottubru 2014?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 94 impjieg ġdid mid-dipartimenti, entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt il-dekasteru tiegħi.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12516, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont li mistenni jintefaq fuq toroq rurali f’Għawdex minn total ta’ €6 miljun li ġew allokati għal dan l-iskop minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Liema toroq rurali huma mistennija jsiru f’Għawdex u sa meta jrid jitlesta x-xogħol biex ma jintilfux dawn il-fondi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Għawdex hemm pjanat dan ix-xogħol;
Triq il-Barbaġann, Qala €105,314.79
Triq il-Kalati Puniċi, Qala €107,770.35
Triq Aċċaturi, Xagħra €62,885.51
Ix-xogħol irid jitlesta sa Ġunju 2015.
Bidder għall-Yacht Marina u Cruise liner terminal f'Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-persuni u/jew kumpaniji li jiffurmaw il-Kala Marine Developemnt Consortium li hu l-unika bidder għall-yacht marina u cruise liner terminal f'Għawdex?
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — safar
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11015, minħabba li l-ispejjeż għas-safar jittieħdu minn fondi pubbliċi mħallsa mill-poplu u minħabba li l-Prim Ministru wiegħed Gvern trasparenti, jista’ l-Ministru jwieġeb u jgħid, minn Marzu 2013 sal-lum kemm-il darba siefer, għal liema konferenza, għal kemm ġranet u kemm kienet in-nefqa ta' kull vjaġġ u n-nefqa totali fuq l-ivvjaġġar? Minn min kien akkumpanjat u x'kienet il-kariga tal-persuni li siefru miegħu? Jista’ jgħid ukoll jekk il-booking tat-titjiriet u lukandi sarux permezz ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar? Jekk iva, liema huma dawn l-aġenziji? Kien hemm sejħa għall-kwotazzjonijiet jew saru b’direct order?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. F’kull każ inħarġet sejħa għall-kwotazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministru, permezz ta' Transport Malta bidilx il-prijoritajiet tiegħu għal dak li jikkonċerna xogħol fuq it-toroq ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva, x'bidliet saru fil-programm tax-xogħol kif imfassal minn Transport Malta? Meta hu mistenni li jsiru x-xogħol ġodda fuq toroq f'San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’San Pawl il-Baħar ix-xogħol huwa skont il-pjanijiet.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – applikazzjonijiet għal Fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’applikazzjonijiet saru mill-Ministeru tiegħu għall-fondi tal-Unjoni Ewropea? Għal xiex inhuma l-applikazzjonijiet? Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu l-applikazzjonijiet, ċjoè jekk ġewx approvati jew le?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lil Onorevoli Interpellant sabiex tispeċifika għal-liema fond qed tirreferi u fuq liema perjodu ta' programmar.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’wassal biex ir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12548 tkun differenti mir-risposta tal-Ministeru għal Għawdex għal-mistoqsija parlamentari 12547?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12547 qed tirreferi għal rescue boats, it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12548 qed tirreferi għal life boats.
Billi partijiet minn Triq San Pawl fin-Naxxar, liema triq hi waħda mill-iktar toroq użati fin-Naxxar, mhux biss bħala triq lokali iżda bħala triq prinċipali, jista’ jieħu l-passi neċessarji biex il-wiċċ ta’ din it-triq jiġi rranġat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq imsemmija ma taqax taħt ir-responsabilta’ ta’ Transport Malta. Madanakollu Transport Malta lesta li tgħin skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Fondi Ewropej – tarmakk fit-triq mill-Ġgantija għal San Niklaw
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 11913 u 12200 li saru lill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali, u peress li ġej riferut nagħmel il-mistoqsijiet lilek, jista' l-Ministru jikkonsidra li permezz tal-Fondi Ewropej li ġew imħabbra għal toroq fil-kampanja, meta jingħata wiċċ ġdid lit-triq mill-Ġgantija għal San Niklaw, tingħata t-triq kollha li jkun fadal li twasslet sal-bajja ta' Għar Lapsi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Triq Panoramika (li nifhem li hija t-triq bejn il-Ġgantija u San Niklaw) hija nkluża fil-lista ta’ toroq rurali li jridu jsiru. Madanakollu, it-triq lejn Lapsi m’hiex inkluża. Għaldaqstant nirreferi lill-Onorevoli Interpellant lejn il-Ministeru għall-affarijiet Ewropej minħabba li l-koordinazzjoni għal dawn it-toroq saret minn dan il-Ministeru.
Il-Mellieħa – Triq li twassal sal-Għadira — ħsarat
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fit-triq prinċipali li mill-Mellieħa twassal sal-Għadira quddiem iċ-ċimiterju li hemm fl-istess triq, tiġi msewwija l-ħsara li hemm, qabel ma jkun hemm xi inċident serju minħabba l-istat li tinsab fiha t-triq f’dik il-parti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-każ ta’ toroq li ma jaqgħux taħt ir-responsabilta’ ta’ Transport Malta, l-Awtorita’ lesta li tgħin skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12502, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-okkazzjonijiet matul din is-sena fejn instab li kien hemm ħtieġa li l-kunsill lokali jkun infurmat bil-preżenza ta' skart akkumulat? Meta kienu dawn l-okkażjonijiet u x'passi ttieħdu mill-kunsill lokali? Kemm kien hemm okkażjonijiet li l-ħaddiema tad-Direttorat kellhom jagħmlu x-xogħol huma? Meta kienu dawn l-okkażjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor.i Interpellant, illi mhux l-obbligu tad-Direttorat li jinnotifika lill-Kunsill Lokali b’akkumulu ta’ skart jew inkella bżonn ta’ xi intervent ta’ tindif.
Madankollu kien hemm 11-il okkażżjoni bejn Jannar u Ottubru 2014, fejn inġibdet l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali u l-każijiet kollha ġew solvuti mill-istess Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu biex isolvi l-problema sejra tat-traffiku li nħolqot fin-Naxxar u l-madwar? X'qed isir fuq rotot alternattivi u l-kwalità tat-toroq li jinkludu n-Naxxar, Burmarrad, it-Tela t'Alla u Ommu, San Pawl tat-Tarġa, Birguma, Ħal Għargħur, Ibraġġ, Ħal Lija u l-Iklin?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li minħabba xogħlijiet li bħalissa qed isiru fi Triq il-Kosta ġewwa in-Naxxar u fi Triq il-Mosta ġewwa Ħal-Lija żdied it-traffiku fi Triq Burmarrad ġewwa Burmarrad, fit-Telgħa t’Alla w Ommu, f’San Pawl tat-Tarġa, fil-Bypass tal-Għargħur, fit-Triq tal-Balal ġewwa l-Ibraġġ u San Ġwann u f’Naxxar Road ġewwa Ħal-Lija u l- Iklin. Dawn it-toroq huma r-rotot alternattivi li qed jagħżlu s-sewwieqa li qed isegwu t-tabelli tal-immanniġġjar temporanju tat-traffiku ta’ dawn il-proġetti. F’parti minn Triq il-Kosta nstabu fdalijiet arkeoloġiċi u dawn qed jiġu ssorveljati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Dan jista jwassal biex ix-xogħol fuq il-proġett jieħu aktar żmien milli kien mistenni. Filwaqt li l-proġett ta’ Triq il-Mosta mistenni li jibda jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Billi fid-diskors tal-budget tal-Ministru tal-finanzi kien hemm diversi riferenza għall-iskemi tal-PPP, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru hux beħsiebu jerga' jdaħħal fis-seħħ xi skema ta' PPP għal dak li jikkonċerna bini ta' toroq ġodda, kemm dawk arterjali, kif ukoll dawk lokali? Jekk iva meta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li din l-iskema għad trid tiġi diskussa aktar fid-dettall.
San Pawl il-Baħar — xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kienx mitlub, permezz ta' xi organizzazzjoni li taqa taħtu biex jikkordina x-xogħol jew pjan ta' xogħol għall-futur, għal dak li jirrigwardja xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ f'San Pawl il-Baħar u dan għaliex skont risposta għall-mistoqsija parlamentari riċenti, l-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa wieġeb li għandu jkun hemm tibdil fis-sistema tad-drenaġġ ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva, x'tip ta' koordinazzjoni saret s'issa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Transport Malta tikkoordina mal-entitajiet kollha meta jkun hemm toroq partikolari li jaqgħu taħt ir-responsbilta’ tagħha minħabba li jkunu ser jinbnew għall-ewwel darba. Għaldaqstant il-Mistoqsija għandha tiġi riferuta lill- Awtorita’ kkonċernata.
Billi riċentement kien rappurtat fil-media lokali li waqt xi konferenza dwar it-traffiku li seħħet Malta, kien hemm rakkomandazzjoni li tiddaħħal f'Malta xi forma ta' circulation tax, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dawn ir-rakkomandazzjonjiet waslux għand il-Ministeru, jew għand Transport Malta? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja ta' dawn l-istess rakkomandazzjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li dawn ir-rakomandazzjonijiet sal-lum ma waslux l-uffiċċju tiegħi.
Transport Malta – Grievances Board — konkluzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-konklużjonijiet tal-Grievances Board li kien ġie maħtur fi Transport Malta ftit wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jikkonferma illi l-membri ta’ dan il-bord diġà tħallsu ta’ xogħolhom? Jista’ jgħid kemm kien dan il-ħlas?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba rigward l-konklużjonijiet tal-Grievances Board li kien ġie maħtur fi Transport Malta titqies ta’ natura sensittiva u kunfidenzjali minħabba li tirrigwarda informazzjoni personali fuq impjegati, u għaldaqstant ma tistax tingħata.
Il-membri ta’ dan il-board jitħallsu b’rata fissa għal kull każ li jaraw.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx x’wassal biex minn Marzu 2013 sal-lum irriżenjaw erba’ membri tas-senior management ta’ Transport Malta, jiġifieri c-Chief Operations Officer, il-Human Resources Director, iċ-Chief Information Officer u l-Financial Controller? Jista’ jikkonferma illi t-tluq ta’ dawn in-nies, li huma lkoll esperti ewlenin, serji u rispettati fil-qasam tagħhom, ħalla impatt negattiv tremend fuq l-operat ta’ Transport Malta kif ukoll bagħat messaġġ negattiv qawwi lill-membri tas-senior management l-oħrajn? Jista’ jgħid jekk parti mill-kaġun ta’ dawn ir-riżenji kenitx l-attitudni negattiva tal-Executive Chairman li kemm ilu fil-kariga, adotta closed door policy kemm mal-management u l-ħaddiema, u kemm mal-operaturi fis-settur tat-trasport li ħafna drabi jistennew għal ġimgħat u xhur biex jingħataw imqar appuntament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċjali msemmija rriżenjaw għal raġunijet varji u personali tagħhom. Bħalma jiġri f’kull entità, kull riżenja ta’ uffiċjal kompetenti f’xogħlu tħalli l-impatt tagħha, madankollu Transport Malta hija mpenjata li tinvesti fis-sħiħ fir-risorżi umani tagħha sabiex f’kull każ ta’ terminazzjoni ta’ mpjieg, ikun hemm kontinwita’ fl-operat u fil-livell ta’ servizz li toffri l-Awtorità.
Għall-kuntrarju ta’ dak li qed jallega l-Onor. Interpellant, mhux minnu li ċ-Chairman ta’ Transport Malta addotta closed door policy. Anzi huwa kompletament bil-maqlub. Fil-fatt, f’dan l-aħħar jiem qed isiru 3 ijiem ta’ business planning workshops għall-membri tas-senior management minn kull direttorat ġewwa l-Awtorità, liema inizjattivi qatt ma saru minn mindu twaqqfet Transport Malta.