Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-kunsill lokali tas-Swieqi llum qiegħed f'qagħda finanzjarja tajba u allura m'hemmx iżjed deficit? Jista' joħroġ stqarrija fejn jikkonferma dan biex mhux biss il-ħażin jinstema'?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tas-Swieqi qiegħed fil-proċess sabiex jirriduċi d-deficit. Fil-fatt fir-Rapport Finanzjarju ta' kull kwart li kopra x-xhur Ottubru sa Diċembru 2004 dan kellu bilanċ negattiv ta' Lm3,739 u dan wara li fis-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta' Marzu 2004 dan kien Lm14,342.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li fiċ-ċentri tar-refuġjati m'hemmx ħalib għat-trabi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm fil-preżent m'hemmx trabi fiċ-ċentri ta' detenzjoni għall-immigranti irregolari, meta kien il-każ kien ġie provdut il-ħalib meħtieġ, anke minn xi NGO's.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il immigrant kellu bżonn is-servizzi ta' psychologist?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-servizzi ta' kura medika lill-immigranti irregolari jingħataw mis-servizzi tas-saħħa kif ukoll, fuq livell volontarju, minn xi NGO's. Isir dak kollu possibli biex l-immigranti jingħataw kull għajnuna medika li jkollhom bżonn.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta ħarġet iċ-ċittadinanza Maltija tal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Kemm kien ilu Malta qabel ingħatatlu ċ-ċittadinanza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, ilha tgħix Malta għal madwar 6 snin u nofs u li hija miżżewġa ma' ċittadin ta' Malta, akkwistat iċ-ċittadinanza Maltija fl-10 ta' Jannar, 2005.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx translators biex jassistu lill-immigranti fil-bżonnijiet tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati juża regolarment, skond il-bżonn, is-servizzi ta' tradutturi għall-mili ta' applikazzjonijiet u intervisti ma' applikanti għal rikonoxximent ta' status ta' refuġjat.
Minn naħa tal-Pulizija ninsab infurmat illi meta jkun meħtieġ jinġieb interpretu.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Barriera Bonded Stores
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-użu tal-Barriera bonded stores? B'liema titolu għaddew dawn l-imħażen lill-Barriera tax warehouse limited? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim? Min huma d-diretturi ta' l-istess kumpannija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mill-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern jirriżulta li l-Barriera Bonded Stores huma mikrija lid-Dipartiment tad-Dwana. Għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Assoċjazzjoni Sportiva ta' Tigne'
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10144 u cioe' jgħid jekk il-kummissarju ta' l-artijiet għamilx verifika tal-kuntratt li bih il-Parlament għadda l-art f'Tigne' lill-assoċjazzjoni sportiva Tigne' fis-sena 1981, sabiex jiżgura li din l-assoċjazzjoni mhux biss għadha teżisti iżda hija wkoll waħda ħajja?
Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk din l-assoċjazzjoni tinsabx konformi ma' l-istatut tagħha li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fl-1999?
Jekk din l-assoċjazzjoni għadha teżisti, jista’ jgħid kemm mit-30 għaqda sportiva u kulturali li ssemmew fit-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 6063 li saret fit-28 ta' April, 1999 għadhom jeżistu u liema huma?
Jekk din l-assoċjazzjoni baqgħet waħda ħajja, jista’ jgħid min huma t-tmien membri li preżentement jiffurmaw il-kunsill ta' tmexxija tagħha, skond kif stipulat fl-istatut li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra u f'liema laqgħa ġenerali dawn ġew eletti u fejn saret?
Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-reġistru tal-membri ta' l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' sew dawk individwali kif ukoll dawk fuq bażi ta' block membership?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa Jannar tas-sena 2000, il-Kummissarju tal-Artijiet kien ċert li l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' kienet għadha teżisti u waħda ħajja. Minn dakinhar l'hawn, l-Assoċjazzjoni ma kellha ebda proprjeta' tal-gvern mikrija lilha. Għalkemm minn korrispondenza li għandu l-Kummissarju tal-Artijiet jidher li l-Assoċjazzjoni għadha teżisti, ma jistax jgħid jekk din l-Assoċjazzjoni għadiex ħajja għax ma kenitx topera minn xi proprjeta' tal-gvern.
Il-Kummissarju tal-Artijiet ma għandu ebda mezz li jkun jaf jekk l-Assoċjazzjoni tinsabx konformi ma' l-istatut. Imma qabel ma jsir il-ftehim tal-kirja tal-post li inbena bħala alternattiva għall-post ta' qabel, skond kif titlob il-klawsola numru 3(b) tal-ftehim tal-kirja oriġinali, il-Kummissarju tal-Artijiet ser jara li ma inbidel xejn fl-istatut tal-Assoċjazzjoni.
Il-Kummissarju tal-Artijiet ma jistax jgħid jekk it-tletin (30) għaqda sportiva u kulturali li semmew fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 6063 li saret fit-28 ta' April 1999 għadhomx jeżistu, għax ma għandu ebda relazzjoni ma' dawn l-għaqdiet. Il-kuntatti u korrispondenza li kellu l-Kummissarju tal-Artijiet mal-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' dejjem saru mal-President u Segretarju tal-Assoċjazzjoni.
Il-Kummissarju tal-Artijiet ma għandux ir-reġistru tal-membri tal-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne'. Fil-konvenju li hemm bejn il-Kummissarju tal-Artijiet u l-Assoċjazzjoni datat 28 ta' Jannar 2000, għall-kiri tal-post il-ġdid, l-Assoċjazzjoni kienet iddikjarat li l-kirjiet tal-clubs u/jew soċjetajiet ġew itterminati. Skond dan il-konvenju l-Assoċjazzjoni intrabtet li terġa' tikri lill-clubs u/jew soċjetajiet li qabel kellhom spazju jew faċilitajiet fil-konfini tal-kirja li kellha l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne', dejjem jekk dawn kellhom il-Block Membership Fee imħallsa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati ma' kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni u/jew allowance għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 8200 u Nru 8956.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux jingħataw xi telephone cards l-immigranti klandestini miżmuma fil-kustodja tal-qawwiet tas-sigurta' Maltin, biex jagħmlu kuntatt mal-familjari tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-immigranti klandestini miżmuma taħt il-kustodja tal-Pulizija għandhom servizz tat-telephone li minn fuqu jistgħu jagħmlu u jirċievu telefonati. Huma wkoll jingħataw telephone cards perjodikament.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' testijiet mediċi qed isiru lill-immigranti klandestini meta jaslu Malta? Lill-qawwiet tas-sigurta' Maltin qed isirulhom testijiet mediċi fejn jitteħdu blood samples?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mal-wasla tagħhom f'Malta, l-immigranti klandestini jiġu eżaminati minn team mediku. Għal aktar dettalji dwar dawn it-testijiet mediċi, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jitlob dan it-tagħrif lill-Ministru kkonċernat. Infurmat ukoll illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom it-tabib tal-Korp li jistgħu jirrikorru għandu għal kull għajnuna medika li jista' jkollhom bżonn. Barra minn hekk, il-Korp tal-Pulizija ukoll joffri tilqim kontra l-hepititis.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu barranin jaħdmu illegalment mill-1991 'il hawn? X'kienet in-nazzjonalita' tagħhom u f'liema setturi nstabu jaħdmu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li dan it-tagħrif mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.
Dipartiment ta' l-Artijiet — San Ġiljan - Triq il-Mensija
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 36686, li dehret f'seduta 825, nistaqsi għan-nom tas-sidien x'irriżulta mir-riċerki u x'ġie stabilit f'dan il-każ u meta se jitħallas il-kumpens għal art taħt il-Pont Reġjonali fejn saret triq u aċċess għal xi residenti oħra?
Response (BORG, TONIO)
It-talba għall-kumpens mid-Dipartiment tiġi deċiża fil-parametri tar-riżorsi finanzjarji allokati, li żdiedu konsiderevolment f'dawn l-aħħar snin.
B'referenza għat-tweġiba tiegħek għall-mistoqsija parlamentari 10087, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min kien involut ma' l-uffiċjal pubbliku li l-każ tiegħu jġib id-data tal-25.05.99 li ma tkompliex minħabba s-saħħa ta' l-akkużat, il-każi tal-libell u difamazzjoni tal-każi bid-data 06.04.01 u l-każ ta' wilful damage, assault u resistance u unlawful assembly bid-data tal-20.04.00? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport ta' l-uffiċċju ta' l-avukat tar-repubblika f'dawn il-każi? Ma jaħsibx li huwa fl-interess pubbliku li jkunu magħrufa l-akkużati f'dawn il-każi?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm showerx u WCs fiċ-ċentri ta' detenzjoni u kemm hi r-ratio ta' klandestini għal kull faċilita', bħal shower u WC?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid hekk hemmx biżżejjed ħwejjeġ għall-immigranti klandestini, speċjalment kalzetti u żraben?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-immigranti klandestini miżmuma taħt il-kustodja tal-Pulizija jingħataw ħwejjeġ x'jilbsu. Dawn il-ħwejjeġ primarjament ikunu ġew provduti mill-NGO's u persuni oħra u jitqassmu lill-immigranti skond il-ħtieġa tagħhom. Dwar iż-żraben, infurmat li dan ukoll ikun provdut meta jiġi mitlub.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi prodotti qed jingħataw biex jinħaslu u għall-iġjene personali l-immigranti klandestini fil-kustodja tal-qawwiet tas-sigurta' Maltin? Kemm hija stmata li tlaħħaq l-ispiża?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji dwar is-sistema tal-PISCES li hija stallata ma' border entries f'Malta:
1. Fejn qiegħda stallata l-PISCES u fejn bdiet tiffunzjona?
2. X'tip ta' informazzjoni tiġbor il-PISCES?
3. Jista' jikkonferma jekk il-PISCES tiġborx biometric data u x'tiġbor iżjed bħala tagħrif personali?
4. Jista' jikkonferma jekk il-PISCES diġa' bdietx tiġbor data fuq nies li daħlu u ħarġu minn Malta? Kemm hemm suġġetti tad-data fid-databases tal-PISCES?
5. Jista' jikkonferma jekk din l-informazzjoni hijiex qiegħda tiġi skambjata ma' pajjiżi oħra? Liema huma dawn il-pajjiżi?
6. Jista' jikkonferma jekk il-PISCES hijiex imqabbda ma' sistema ċentrali tas-C IA jew l-FBI, jew jekk l-informazzjoni tingħatax lil dawn iż-żewġ aġenziji Amerikani, jew kwalunkwe dipartiment tal-gvern Amerikan ieħor?