Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk biex mara separata tkun eliġibbli għar-relief tridx tkun tgħix waħedha? Tali persuna tkun intitolata għal-relief anke jekk tkun qed tirċievi manteniment mingħand ir-raġel flimkien ma somma flus lump sum wkoll mingħand ir-raġel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Għajnuna Soċjali titħallas lil kap ta' familja li jissodisfa t-test tal-meżżi kif stabbilit f'Taqsima V tat-Tieni Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. L-istess Att jipprovdi li familja tista' tkun komposta minn persuna waħda.
Mara separata hija eliġibbli għall-Għajnuna Soċjali dment li l-manteniment li hi tirċievi mingħand ir-raġel tagħha flimkien ma xi kapital li jista' jkollha ma jaqbiżx l-imsemmi test tal-meżżi. Fl-eżempju li qiegħed iġib l-Onor. Interpellant il-limitu ta' riżorsi kapitali huma ta' Lm4000.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tiġi riveduta l-pensjoni ta' l-anzjan li joqgħod fl-indirizz li qed jintbagħat separatament liema anzjan kien għadda bord u issa għalaq il-61 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi l-persuna minnu ndikata ġiet nfurmata bil-miktub dwar ir-rata tal-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li qiegħda tirċievi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jingħata l-home help lill-anzjana fil-wheelchair li l-partikularijiet tagħha jidhru separatament peress li għandha bżonn ħafna dan is-servizz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija applikat għas-servizz tal-Home Help f'Diċembru li għadda u wara li sarilha l-assessment, il-Bord approva sagħtejn fil-Ġimgħa. Is-servizz ser jingħatalha l-Ġimgħa d-dieħla.
Jista' l-Ministru jara li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jibgħat il-korrispondenza mitluba lid-Department of Social Security - Pensions and Overseas Benefits Directorate Newcastle NE 98 IBA dwar il-każ tal-pensjonant li l-partikularijet qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema mal-korporazzjoni tal-ETC?
Meta saret sejħa għall-kull każ biex persuni japplikaw għall-vakanzi fl-E.T.C.?
F'kull każ x'inhu l-isem u l-ID Card ta' dawk li ġew ingaġġati mal-E.T.C.? F'kull każ x'inhu l-grad li qed jokkupaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal-liema perjodu qiegħed jitlob l-informazzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 23906 li oriġinarjament kienet saret lil Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet referuta lilu u cioe :jista' jgħid kemm kien in-numru ta' casual cleaners li daħlu fl-1992? Fejn qed jaħdmu llum u kemm huwa n-numru tagħhom? Meta se jsiru tal-post dawn il-ħaddiema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-1992 daħlu 50 casual cleaners.
In-numru preżenti ta' casual cleaners huwa 23. Minn dawn:
16 jaħdmu fir-Residenza ta' San Vinċenz
5 jaħdmu fid-Djar tal-Anzjani
1 taħdem fid-Dipartiment għall-Kura ta' l-Anzjani
1 qiegħda on loan mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Dan il-Ministeru qiegħed jevalwa s-sitwazzjoni tal-casual cleaners u kategoriji oħra ta' casuals bil-għan li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-M.P.O. meta jkun il-waqt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li d-dipartiment tal-housing u ta' l-anzjani jikkumpensaw għax-xogħlijiet li jeħtieġu jsiru fid-dar tal-kopja anzjana, li dwarha qed nibgħat it-tagħrif separatament?
Peress li l-kopja anzjana ma' tiflaħx għall-ispiża tal-ħsarat kbar li kienu kawżati minn nirien li nħolqu b'inċident u qerdu l-għamara, inkluż is-sistemi tad-dawl, ilma, madum eċċ, jista' japprova din l-għajnuna fiċ-ċirkostanzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-post indikat mill-Onor. Interpellant mhux proprjeta' tal-Gvern. Madankollu rrid ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar għandha skemi għal sussidju fuq xogħolijiet ta' irranġar u titjib għal sidien jew inkwilini fi djar ta' abitazzjoni privati. L-għajnuna li tingħata tista' tikkonsisti f'għotja ta' flus u self sussidjat għax-xogħolijiet approvati mill-Awtorita'.
Il-persuni ndikati jistgħu jingħataw il-parir li jikkuntattjaw l-Awtorita' tad-Djar għal aktar informazzjoni dwar il-possibilita' li jikkwalifikaw għal din l-għajnuna.
B'referenza għad-dettalji li għarraft lill-Kamra dwarhom, dwar l-impjegati u s-salarji tal-FMS, jista' l-Ministru jgħid kemm qed jaqla ċ-chairman tal-fondazzjoni għas-servizzi mediċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Peress li l-anzjana msemmija fil-mistoqsija parlamentari nru. 23396 ilha minn qabel il-Milied bla helper, u peress li tassew għandha bżonn helper, jista' jittieħdu passi biex ikollha helper sagħtejn kuljum għax m'għandhiex bżonn iżjed minn hekk għad-dar ċkejkna tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm is-servizz ta' Home Care Help jingħata skond il-bżonnijiet tal-persuna u mhux skond id-daqs tad-dar, ser jittieħdu l-passi meħtieġa ħalli l-persuna tkun moqdija.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 23986, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-lista tal-lokalitajiet , jiġifieri kull belt u raħal li minnhom kienu ġejjin l-applikanti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fejn ġew installati l-waterhoses jew apparat ieħor kontra n-nirien fis-serenity wards il-ġodda f'St Vincent de Paule?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ġewwa s-Serenity Wards f'kull sular, ġew installati 4 fire hoses mqabbda ma fire hydrants u 8 portable cylinders (foam u co2) f'cabinets apposta matul il-kuridur. Fil-kċina hemm 2 fire extinguishers u fire blanket.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ġiex inkarigat xi mpjegat f'St Vincent de Paule biex jieħu ħsieb jimmaniġġja l-pensjoni ta' xi anzjani residenti? Jekk iva, min? Fuq liema kriterju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ebda mpjegat f'San Vinċenz de Paule ma jimmaniġġja l-pensjoni ta' xi anzjani f'dik ir-Residenza.
Xi anzjani f'San Vinċenz għażlu li jgħamlu prokura biex iċ-ċekk tal-pensjoni li jirċievu jissarraf mill-Lay Administrator tar-Residenza u l-flus jinżammu fil-kustodja tiegħu bħala uffiċċjal, iżda bl-ebda mod dan ma jimmaniġġja dawn il-flus. Din is-sistema ilha fis-seħħ għal snin twal.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhija r-rwol tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li huwa pensjonant f'St Vincent de Paule?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija hi mpjegata part-time mal-Welfare Committee fuq proġetti fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule u proġetti oħra tal-Welfare Committee.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi proċeduri jintużaw biex jinxtara l-ikel f'St Vincent de Paule ? Xi proċedura tintuża biex dan jiġi ċċekkjat meta jasal fuq il-post jekk hux up to standard jew le?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ikel f'San Vinċenz jinxtara bl-istess tender tad-Diviżjoni tas-saħħa.
Dan l-ikel jiġi ċċekkjat mill-uffiċċju tal-Provision Stores.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li jiftaħ xi djar residenzjali għal dawk bi bżonnijiet speċjali li jistgħu jisfaw bla ġenituri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern beda l-proċess biex titwaqqaf taqsima fi ħdan il-fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) li tkun responsabbli minn servizzi residenzjali u ta' sapport għal persuni li jkunu jeħtieġu dawn is-servizzi. Għal dan l-iskop, fil-Baġit ta' din is-sena ġew ivvutati Lm85,000 fondi rikurrenti u Lm50,000 fondi kapitali.
F'dan il-qasam mhux biżżejjed li jinfetħu djar residenzjali, għalkemm dan huwa ta' importanza kbira. Li hu aktar importanti huma s-servizzi ta' sapport li jistgħu jgħinu lil persuni b'diżabilita' u persuni bi bżonnijiet oħra jibqgħu jgħixu ħajja attiva fil-komunita', anke meta s-sapport tal-familja ma jkunx aktar possibbli.
Tul l-għaxar snin li għaddew saru inizzjattivi importanti f'dan is-settur bi sħab bejn il-Gvern u għaqdiet mhux governattivi, fosthom Dar il-Kaptan, Dar il-Wens, Dar Nazzareth, Villa Chelsea u Appartament f'Għajn Dwieli mmexxi minn Dar il-Wens. Fil-każijiet kollha, il-Gvern ta' u għadu jagħti għajnuna sostanzjali biex dawn is-servizzi jistgħu jaħdmu, kemm għajnuna finanzjarja kif ukoll għajnuna teknika.
Barra minn dan, ta' min ifakkar li fil-bidu ta' din il-leġislatura ttieħdet id-deċiżjoni kruċjali li s-servizzi kollha, nkluż dawk residenzjali, offruti ghall-anzjani f'pajjiżna jkunu miftuħin ukoll għal dawk il-persuni b'diżabilita' li ma jistgħux jgħixu ħajja ndipendenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex jiġi nstallat lift fi block 4, Ta Xbiex H.E.?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-preżent, l-Awtorita' tad-Djar qiegħda tipproċessa l-applikazzjoni li rċeviet taħt l-Iskema V - Skema ta' Installazzjoni ta' Lifts fi Blokki/Entraturi Residenzjali li huma Proprjeta' tal-Gvern - li tkopri l-lokalitajiet tal-Cottonera, Kalkara, Florianau u Valletta u f'dawk il-lokalitajiet f'Malta u Għawdex li fihom tgħix xi persuna b'diżabilita' ta' mobilta'.
Ma jidhirx li hemm applikazzjoni ma' l-Awtorita' tad-Djar għall-installar ta' lift fi Blokk 4 Housing Estate Ta' Xbiex, taħt dawn il-parametri.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jivverifika jekk il-pensjoni mogħtija lil persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija hijiex koretta peress li dan jidher li hu pjuttost żgħir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna minnu ndikata qiegħda titħallas rata ta' pensjoni kif suppost u skond il-provvedimenti tal-Liġi dwar is-Sigurta' Soċjali.
Inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex f'dawn l-aħħar tlett snin is-ceiling ta' l-allowance supplimentari, ma ġietx miżjuda b'kemm il-pensjonanti ħadu żieda ta' l-għoli tal-ħajja?
Kemm kienu dawk li minħabba f'din il-miżura, sew koppji kif ukoll persuni li jgħixu weħedhom, ma baqgħux jibbenefikaw minn din l-
allowance
supplimentari
?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Artikoli 90A u 90B ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jirregolaw dwar liema pensjonijiet, benefiċċji, għajnuniet u allowances għandhom jiżdiedu meta tingħata żieda għall-għoli tal-ħajja. Ir-rati ta' l-Allowance Supplimentari kif ukoll id-dħul massimu annwali li hemm stipulat fit-test tal-meżżi mhumiex regolati mill-artikoli msemmija. Mhux magħruf in-numru ta' dawk li minħabba din il-miżura setgħu ma baqgħux jibbenefikaw minn din l-Allowance, għaliex qatt ma nħasset il-ħtieġa li tinżamm statistika tar-raġunijiet li minħabba fihom il-persuna ma tibqax tikkwalifika għall-Allowance Supplimentari.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, sew matul is-sena 1999 kif ukoll is-sena 2000, jew aħjar meta id-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali beda juża is-sistema tal-PAYE, kemm kien in-numra ta' pensjonanti kopji u singli, li jħallsu taxxa fuq id-dħul u kemm hi somma totali li għaddiet jew trid tgħaddi lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali beda jnaqqas it-taxxa minn ras il-għajn (FSS) għal-ewwel darba fis-sena 2000. L-ammont li nġabar kien ta' Lm746,746.116 imqassmin hekk:
Lm501,511.239 minn pensjonanti miżżewġa (5087)
Lm245,234.877 minn pensjonanti mhux miżżewġa (3104)
Nenfasiżża l-fatt li l-FSS hija sistema li tevita illi t-tax payer jispiċċa s-sena finanzjarja (sena bażi) b'ammonti dovuti lil/jew mingħand il-Kummissarju tat-Taxxi Nterni. Għalhekk din il-proċedura hi ta' vantaġġ għall-persuni kkonċernati.