Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ftit tax-xhur ilu ddikjara li aktar ma nidħlu malajr fil-Euro aktar jaqblilna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija tiegħu Numru 8552.
Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex il-gvern jaqbel li aktar jaqbel lil pajjiżna li jidħol tard fl-Euro milli kmieni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern hu tal-fehma li m’huwiex fl-interess tal-poplu Malti li jċaħħad lilu nnifsu għal żmien twil wisq mill-benefiċċji li l-adozzjoni ta’ l-euro ġġib magħha. Mill-banda l-oħra l-Gvern jifhem ukoll li l-pajjiż għandu jieħu dan il-pass biss meta l-ekonomija tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti. Dan ikun il-każ meta jintlaħqu l-miri tal-Pjan ta’ Konverġenza 2004-2007.
Jista' il-Prim Ministru jgħid xi studji saru dwar l-introduzzjoni tal-munita euro u ż-żmien li din għandha tidħol bħala l-munita ta' pajjiżna? Jista' ipoġġi kopja ta' dawn l-istudji fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 8552 dwar dan is-suġġett.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8466 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' jgħid jekk tinżammx statistika ta' postijiet/proprjeta' mibjugħa lill-barranin? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid matul din is-sena, xahar b'xahar, kemm kien hemm proprjeta' li nxtrat minn barranin? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' huma u kemm hu l-valur ta' dawn il-postijiet, xahar b'xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ permessi li ngħataw lill-persuni barranin biex jixtru proprjetà immobbli f’Malta mill-1 ta’ Jannar, 2004 sal-31 ta’ Ottubru, 2004 u l-valur ta’ l-istess proprjetà immobbli qed jingħataw fit-Tabella A li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Iċ-ċittadinanza tax-xerrejja tidher fit-Tabella B li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. In-numru taċ-ċittadini hu akbar minn numru tal-permessi minħabba għall-istess permess ikun hemm aktar minn persuna waħda b’ċittadinanza differenti.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kienet qed tagħmel il-vettura tal-gvern - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - fi triq prinċipali fil-Mellieħa, f'nofs il-lejl nhar is-27 ta' Novembru 2004, f'liema ħin kienu rekbin fiha raġel u mara? Jista' jgħid fuq liema xogħol tal-gvern kienet qed tintuża din il-vettura? Jista' jgħid jekk din il-vettura kenitx awtorizzata mill-fondi tal-pubbliku li tintuża f'dawn il-ħinijiet u u jekk iva, għal liema skop?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-vettura ndikata ma kienetx fuq xogħol uffiċjali fil-ħin u l-jum imsemmi. Il-każ qed jiġi nvestigat.
Peress li xi xhur ilu sar eżami għal senior messengers fiċ-Ċivil, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jsir eżami għal officers in charge tal-minor staff, peress li ħafna jispiċċaw boarded out u/jew bil-pensjoni, għax hemm nuqqas tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi m’hemmx il-ħsieb li jinżamm l-eżami ta’ Officer-in-Charge Minor Staff fil-futur qarib.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus li l-gvern daħħal bħala taxxa tal-boll u provisional capital gains tax fuq kuntratti pubbliċi xahar b'xahar bejn Jannar 2002 u Settembru 2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar id-dħul tal-gvern bħala taxxa fuq dokumenti u trasferimenti fuq kuntratti pubbliċi ta’ proprjetà immobbli u provisional capital gains tax tinsab fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jekk jogħġbu jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu minn April 2003 sal-lum? Jista' wkoll jindika kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 9238.
Jista' il-Prim Ministru jinformani kemm kienet in-nefqa globali tas-safar matul l-ewwel disgħa xhur tas-sena 2004 tal-Ministeru tal-Finanzi u tad-dipartimenti, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu?
Jista' jinformani kemm hu kkalkulat li se titla' din l-ispiża sa l-aħħar tas-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8881 u cioe' jekk jogħġbu jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu minn April 2003 sal-lum? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li qed tingħata għall-Mistoqsija Parlamentari 9238.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8903 u cioe' jista' jagħti lista tas-safar li sar minn impjegati tad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu bejn Jannar 2004 sal-lum? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra u fejn siefru? Min kienu l-persuni li siefru? Xi grad għandhom (jew taħt liema skala ta' salarju jaqgħu) il-persuni li siefru? Min awtorizza kull safra? Min mar business class jew first class?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Billi hemm xi tmien persuni jaħdmu ma' l-uffiċċju tal-President tar-Repubblika li għadhom bil-kuntratt sena sena, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk jistgħux dawn jaħdmu b'kuntratt definittiv u permanenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-ingaġġ ta’ ħaddiema bħala Staff Domestiku ma’ l-Uffiċċju tal-President isir fuq bażi ta’ kuntratt definit.
M’huwiex il-ħsieb illi jsir xi tibdil fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fl-Uffiċċju tal-President kif illum qegħdin provduti fil-Ftehim ma’ l-Union li tirrapreżenta lil dawn il-ħaddiema.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq kiri ta' karozzi mill-impjegati fis-segretarjat privat tiegħu bejn Jannar u Ottubru 2004? Min huma l-impjegati li huma ntitolati għal karozza tal-kiri fl-istess segretarjat privat? Kemm hu n-numru ta' karozzi mikrija għall-membri tas-segretarjat privat tiegħu? Minn fejn inkrew dawn il-karozzi u b'liema rata nkrew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Guidelines dwar l-ingaġġ ta’ impjegati fis-Segretarjati tal-Ministri, liema Guidelines għandhom l-approvazzjoni tal-Kabinett, jipprovdu ukoll għal min f’dawn is-Segretarjati huwa ntitolat għall-użu ta’ karozza uffiċjali li, f’ċertu ċirkostanzi, tista’ ukoll tkun karozza tal-kiri. Dawn l-uffiċjali huma l-Kap tas-Segretarjat, is-Segretarju Privat tal-Ministru u l-Assistent Segretarju Privat tal-Ministru. Dawn jistgħu jagħżlu li jieħdu transport allowance minflok ma jiġu pprovduti b’karozza.
Is-Segretarjati tal-Ministri huma wkoll intitolati għall-numru ta’ karozzi, li f’ċertu każijiet ikunu mikrija, għall-użu ġenerali (mhux personali) tal-Messaġġiera fis-Segretarjat.
Bħalissa, hemm żewġ karozzi mikrija li qed jintużaw fis-Segretarjat tiegħi. L-informazzjoni dwar minn fejn u b’liema rati dawn qed jinkrew tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-ammont totali minfuq fuq kiri ta’ karozzi bejn Jannar u Ottubru 2004 fis-Segretarjat tiegħi jammonta għal Lm2,447.89.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm persuni li għaddew mill-eżami tal-principals u clerks mas-servizz pubbliku ġew ingaġġati u kemm għad baqa' biex jiġu ngaġġati? Sa meta jibqa' validu r-riżultat ta' l-eżami li għamlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li mill-eżami ta’ Principal għaddew 87 kandidat li minnhom ġew ingaġġati 50. Kien hemm ħames kandidati oħra ma setgħux jaċċettaw l-ingaġġ għal diversi raġunijiet. L-eżami jibqa’ validu sal-21 ta’ Diċembru 2004.
Dwar ir-reklutaġġ ta’ Skrivani mas-Servizz Pubbliku nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7751.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nies jaħdmu ma' aġenziji u awtoritajiet fis-settur pubbliku għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar, u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid xi pjanijiet għandu biex jiddaħħal it-teleworking fis-settur pubbliku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s-sistema tat-teleworking ġiet implimentata mill-MITTS (Malta Information Technology and Training Services Ltd) fejn ġimgħa ta’ erbgħin siegħa titqassam fuq erbgħa u għoxrin siegħa mid-dar u sittax-il siegħa fl-uffiċċju.
Hem mil-ħsieb li s-sistema tat-teleworking tiddaħħal fid-dipartimenti tal-gvern, iżda dan għadu fi stadju preliminari.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 9141 u cioe' jista' jgħid kemm kien it-tkabbir ekonomiku għal Għawdex fis-snin 2000 sa 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F’dan l-istadju jista’ jingħata biss it-tkabbir ekonomiku ta’ Għawdex fis-snin 2000 u 2001, li f’termini nominali kien ta’ 3.5 u 2.7 fil-mija rispettivament.
Hu mistenni li t-tagħrif għas-sena 2002 ikun ippubblikat fl-aħħar ta’ Diċembru 2004.
Għal raġunijiet metodoloġiċi mhux mistenni li jkun ippubblikat it-tagħrif relattiv għall-2003 qabel Diċembru 2005.
Berġa ta' Kastilja — Mużew ta' l-istorja politika Maltija
Question
Jikkonsidra l-Prim Ministru li s-sular ta' taħt l-art fil-Berġa ta' Kastilja jsir mużew ta' l-istorja politika ta' Malta jew xi tema simili?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għalkemm ix-xogħol strutturali tas-sular ta’ taħt fil-Berġa ta’ Kastilja huwa fil-biċċa l-kbira lest, żvilupp ieħor jinvolvi ċertu investiment u għal daqstant għadu xi ftit prematur biex tittieħed xi deċiżjoni f’dan ir-rigward.
(Tweġiba mogħtija: 24/11/2004PM)
(Seduta Numru: 194)