B'referenza għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numru 1872 u 1923, jista' il-Ministru jgħid kemm huma l-arretrati mill-ġbir ta' multi li għandu kull Tribunal Lokali għall-perjodu 1 ta' Jannar 2000 sa' 30 ta' Ġunju 2002?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru li r-risposta għal domanda simili diġa` tajtha permezz ta` Mistoqsija Parlamentari Nru. 1872 u ċioe` l-ammonti ta` l-arretrati mill-ġbir ta` multi li għandu kull Tribunal Lokali mill-1 ta` Jannar 2000 sat-30 ta` Ġunju 2003 huma dawn:
Valletta
Lm64,218
Msida
Lm122,745
Sliema
Lm197,089
Birkirkara
Lm143,846
Żejtun
Lm107,870
Żurrieq
Lm119,768
Qormi
Lm63,772
Mosta
Lm211,515
Fgura
Lm105,829
Gozo
Lm30,338
TOTAL
Lm1,166,990
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti mill-Kunsilli Lokali quddiem id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali fir-rigward tad-devoluzzjoni ta' art pubblika? Jista' il-Ministru jgħid ukoll liema huma l-Kunsilli Lokali li għamlu dawn it-talbiet u jgħid ukoll fir-rispett ta' liema art/post pubbliku saret it-talba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm tmienja u erbgħin talba li qegħdin jiġu pproċessati u l-maġġor parti qegħdin fl-istadji inizjali u oħrajn waslu fl-aħħar. Dan billi l-proċess ta` analiżi ta` dawn l-applikazzjonijiet jinvolvi ħafna attenzjoni kif ġie debitament spjegat fid-domanda Parlamentari Nru. 2115 mogħtija fis-seduta tal-lum.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li żoni ta' parkeġġ pubbliku (car parks) jiġu devoluti lill-Kunsilli Lokali bil-għan li ssir regolamentazzjoni dwar l-użu ta' dawn l-artijiet pubbliċi kif ukoll fit-tariffi li jitħallsu mis-sidien tal-vetturi lill-car park attendants li mhux dejjem wieħed jista' jagħmel distinzjoni bejn dawk li huma liċenzjati bħala car park attendants u dawk li ma humiex?
Response (BORG, TONIO)
Billi ż-żoni ta` parkeġġ pubbliku (car parks) jaqgħu taħt ir-responsabbilita` ta` l-Awtorita` dwar it-Trasport ta` Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jiddeskrivi fil-qosor il-passi fil-proċess ta' devoluzzjoni ta' art lill-Kunsilli Lokali? Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju jieħu l-aktar ħin dan il-proċess? Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb biex jinstab metodu kif dan il-proċess jitħaffef?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma l-Onor. Membru li l-proċess ta` devoluzzjoni ta` proprjeta` tal-Gvern isir billi l-ewwel il-kunsill partikolari jidentifika proprjeta` pubblika li tkun jew mitluqa, jew mhux żviluppata, jew użata ħażin jew li tista` tkun żviluppata aħjar, u li din b`xi mod tirrelata ma` xi funzjoni tal-Kunsilli Lokali skond id-dispożizzjonijiet ta` Kap. 363 sub-artiklu 33(1).
Wara dan il-kunsill għandu jissottometti t-talba tiegħu lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u jibgħat id-dokumenti relatati mal-proġett flimkien ma` spjegazzjoni dettaljata ta` x`inhuwa propost li jsir mill-post u kif ser jiġi ġestit mill-istess kunsill.
Wara d-dipartiment jagħmel l-istudju u analiżi neċessarji u jekk iqis li hija ġustifikata jibgħat din lit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern li da parti tagħha hija ukoll tagħmel din l-evalwazzjoni mill-lenti tagħha u tara x`għandhom ikunu l-kundizzjonijiet.
Jekk ikun hemm din l-approvazzjoni l-Kunsill jista` jkun mitlub jikseb l-Outline Full Development Permit mill-MEPA. Wara li dan jiġi approvat l-istess Taqsima tħejji l-abbozz tal-ftehim sabiex dan jiġi finalment firmat.
Għalhekk il-proċess kollu jieħu l-ħin tiegħu u huwa intenzjonat sabiex jassigura li l-proprjeta` tintuża sewwa u għal ġid komuni.
Billi għada fuq il-programm televiżiv Bondi Plus għandu jidher xi filmat ta' quddiesa sewda u billi f'din il-quddiesa jingħad kliem ħażin u dagħa u l-isem imqaddes ta' Alla jiġi mżeblah, għandhiex il-pulizija tifli il-filmat u anki tinterroga lill-preżentatur ħa jiġi stabbilit min ikun kiser il-liġi u jittieħdu passi skond il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ksur ta` liġi allegat mill-Onorevoli Interpellant huwa regolat bl-Att dwar ix-Xandir (kap. 350). Għaldaqstant ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Jekk jirriżulta li xi xandira li tkun saret tikser il-liġijiet tal-pajjiż, jittieħdu passi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn bħalissa barranin jgħixu permanentament f'Malta? Minn liema pajjiż jiġu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni barranin li għandhom permess biex joqogħdu Malta u l-pajjiżi li minnhom oriġinaw hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm bħalissa hawn persuni nieqsa? Kemm ilhom, kemm minnhom huma nisa, kemm huma irġiel u kemm huma minorenni? Kemm kien hawn din is-sena u kemm instabu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f`dawn l-aħħar 33 sena hemm 44 persuna li ġew irrapurtati nieqsa u ma nstabux. L-iktar każ antik imur lura sas-7 ta` Frar 1970, filwaqt li l-aktar wieħed riċenti kien fit-18 ta` Awissu 2003. Dawn huma 38 tas-sess maskili u 6 tas-sess femminili. Minn dawn hemm 7 li kienu taħt it-18-il sena. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 165 persuna li ġew irrapurtati lill-Pulizija bħal nieqsa, li kollha ħlief 2 ġew accounted for.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn każi ta' qtil mhux solvuti illum? Kemm ilhom u liema huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każi ta` omiċidji jew imwiet taħt ċirkostanzi suspettużi li seħħew mill-1970 l`hawn u li dwarhom il-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ, huma kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mietu persuni traġikament din is-sena? Kif mietu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-20 ta` Ottubru 2003 l-imwiet traġiċi irrapurtati lill-Pulizija kienu kif ġej:
Inċidenti tat-traffiku 14
Suwiċidji 13
Oħrajn 23
Kunsilli lokali — Ġbir ta' flus minn ħlasijiet ta' l-e-government
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'se jsir mill-flus li l-kunsilli lokali ġabru bħala ħlasijiet mill-e-government? X'kien il-ftehim oriġinali? Jaf li l-intendiment bejn il-ministeru u l-kunsilli kien li l-flus jinżammu mill-kunsilli li fil-fatt hemm kunsilli li kienu diġa' kkommettew dan l-istess dħul?
Response (BORG, TONIO)
Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal dik il-parti ta` l-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsilli Lokali li tirrigwarda l-inizjattivi ta` l-eGovernment.
Din is-sena, il-Gvern permezz tal-eMalta Commission fi ħdan il-Ministeru għat-Teknoloġija ta` l-Informazzjoni u Investiment nieda diversi inizjattivi relatati mat-teknoloġija informatika. Fil-fatt matul din is-sena twaqqfu Internet Centres kif ukoll Public Internet Access Points madwar Malta kollha u dan biex jagħtu aċċess għall-Internet kif ukoll għas-servizzi tal-eGovernment għaċ-ċittadini kollha.
Bil-għan li jitkattar aktar it-tagħrif dwar l-Informazzjoni Teknoloġika tnieda wkoll il-MyWeb project li permezz tiegħu ingħataw numru ta` korsijiet b`xejn liċ-ċittadin. Dawn il-korsijiet kienu suċċess kbir u hemm il-ħsieb li jsiru aktar minnhom.
Dawn l-inizjattivi saru kollha bi spejjeż kbar u biex jittieħed l-aħjar valur possibli u jiġu ffrankati ħafna aktar spejjeż, il-flus ta` l-eGovernment ġew utilizzati mill-Gvern f`isem il-Kunsilli Lokali.
Madanakollu nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li l-Kunsilli xorta ser jingħataw dik il-parti ta` l-allokazzjoni li tirrigwarda l-iskema ta` ġbir ta` kirjiet tal-Gvern. Il-Kunsilli qegħdin jingħataw ukoll is-sussidji biex jagħmlu l-Website tagħhom.
Dipartiment ta' l-artijiet — Trasferimenti ta' artijiet
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1965, jista' il-Ministru jgħid kemm daħħal flus il-gvern sal-lum mill-proprjeta' trasferita (a) Manoel Island u Tigne' Point; (b) Cottonera; u (c) Ta' Pinto?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statement li juri kemm daħħal flus il-Gvern sal-lum mill-proprjeta` li ġiet trasferita għal proġetti ta` Manoel Island, Tigne` Point, Cottonera, u Pinto Wharf.
F'każ illi l-gvern jiddeċiedi li jwettaq il-pjan tiegħu li joħloq żewġ
engineered landfills
fis-siti identifikati qrib it-tempji ta' l-Imnajdra, jista' il-Ministru jgħid min huma l-proprjetarji
ossia
l-persuni, ditti jew kumpanniji li jmexxu l-barrieri u li magħhom il-gvern ikun qiegħed jinnegozja?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex humiex obbligati din is-sena li jżommu l-10% tal-fondi mogħtija lilhom?
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 1872, jista' il-Ministru jgħid mit-total tal-multi elenkati kemm tħallsu f'kull lokal sal-15 ta' Ottubru? Kemm inħarġu ċitazzjonijiet s'issa għal ġbir tal-multi?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari nru. 1872, dwar kemm tħallsu mill-multi elenkati sal-15 ta` Ottubru, qed tiġi miġbura u tingħata bħala somma totali f`seduta oħra. Dwar lil liema Kunsilli Lokali tħallsu, nitlob lill-Onor. Membru biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsilli Lokali.
Għar-rigward l-aħħar parti tad-domanda, nixtieq ngħid li billi skond l-Artikolu 10 (5) ta` l-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja kull multa imposta mit-Tribunal tikkonstitwixxi dejn ċivili, u billi l-istess subartikolu jipprovdi li l-ordni tat-Tribunal hija titolu eżekuttiv skond id-disposizzjoni tal-Kodiċi ta` Organizzazzjoni ta` Proċedura Ċivili, għalhekk m`hijiex il-proċedura li jinħarġu ċitazzjonijiet għal ġbir ta` tali multi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 1295 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' jgħid jekk l-Uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa jagħmlux żjarat regolari fid-discos u postijiet ta' divertiment biex ikun żgurat li l-viti ta’ l-ilma huma miftuħa għall-kumdita` tal-klijenti kif titlob il-liġi? Kemm saru spezzjonijiet mill-1 ta' Jannar sal-15 ta' Lulju?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-Saħħa l-liċenzji tal-Pulizija għal discotheques and party halls qed jiġi impost fuqhom li għandhom jipprovdu tal-inqas żewġ "drinking fountains" li jridu jkunu aċċessibbli għal kull min jattendi u jridu jkunu bla ħlas. Daparti tal-pulizija matul dawn l-attivitajiet jsiru l-ispezzjonijiet neċessarji sabiex jiġi assigurat li l-kondizzjonijiet tal-liċenzja qed jiġu miżmuma.
Isla — Triq il-Miġja tal-Papa - Fond fi blokk 9, nru. 2
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-fond Blk 9, No. 2, Triq il-Miġja tal-Papa, Isla huwiex milqut bil-liġi possession of use? Jekk fl-affermattiv, jista' jinxtara? X'inhi l-proċedura biex jinxtara dan il-fond?
Response (BORG, TONIO)
Ai termini tad-domanda parlamentari numru 2020 mogħtija fis-seduta tal-bieraħ l-Onor. Interpellant ġie infurmat li preżentement għaddej proċess intensiv sabiex il-proprjetajiet li qegħdin taħt possession and use f`Malta u b`mod partikolari fil-Kottonera jiġu elenkati. Kif dan isir u kif ikun hemm il-fondi sabiex dawn jiġu mifdija l-persuni interessati jiġu debitament infurmati. Il-post minnek indikat ġie identifikat bħala wieħed minnhom.
Jista' il- Ministru jgħid, kwantu jirrigwarda l-applikazzjoni għall reġistrazzjoni ta' raba' taħt l-iskema li kienet ħarġet mid-Dipartiment ta' l-Artijiet fl-2000 fl-liema stadju waslu b'mod partikulari dik tal-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjonijiet li saru taħt l-Iskema sabiex tingħata qbiela fuq art agrikola tal-Gvern bħalissa qed jiġu pproċessati. Infakkar lil Onorevoli Interpellant li b`kollox saru madwar 10,000 applikazzjoni. Ix-xogħol meħtieġ fuqhom huwa wieħed twil u laboruż u fil-fatt sa issa sewa lit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern eluf kbar ta` siegħat ta` xogħol. It-Taqsima qed tagħmel l-almu kollu tagħha sabiex fid-dawl tar-riżorsi tagħha tipproċessa l-applikazzjonijiet.
Fil-konfront tal-persuna li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat li l-art in kwistjoni fil-fatt kienet art tal-Knisja li għaddiet għand il-Gvern permezz tal-ftehim bejn l-Istat u l-Knisja tal-1991. Din l-applikazzjoni, flimkien ma` oħrajn, qed tiġi pproċessata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tingħata art ġo ta' Qali biex jibdew jiġu organiżżati xi tip ta' fieri fuq skala nazzjonali?
Response (BORG, TONIO)
It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern m`għandha l-ebda informazzjoni dwar fieri fuq skala nazzjonali f`Ta`Qali. Madankollu ninsab infurmat li l-Park Nazzjonali f`Ta`Qali huwa mmexxi minn kumitat apposta fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u nissuġġerixxi li l-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil dan il-Ministeru.
Jista' il-Ministru jagħti rendikont ta' l-ammonti li nżammu mill-allokazzjoni ta' kull kunsill lokali u dan wara l-miżuri li ħa l-istess Ministru tal-Finanzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa skond kif jidher fit-Tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra li jirrifletti 5% tal-allokazzjoni. Infakkar pero` li b`tibdil tal-Avviż Legali relattiv għal din is-sena l-kunsilli lokali qed jingħatalhom l-fakulta li ma jżommux 10% tal-allokazzjoni tagħhom fil-kont iżda 5% u għalhekk ma għandhiex tintmess il-ħidma tal-kunsill.
Dipartiment ta' l-artijiet — Trasferimenti ta' artijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħħal il-gvern meta ttrasferixxa l-art: a) f'Manoel Island; b) f'Tigne' Point; c) fil-Cottonera; u d) f'Ta' Pintu? Kemm daħħal u kemm jistenna li se jdaħħal il-lands department kull sena?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statement li juri d-dħul minn proprjeta` tal-Gvern li ġiet trasferita għall-proġetti ta` Manoel Island, Tigne`, Cottonera u Pinto Wharf.