B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8583, jista'l-Ministru jgħid liema kriterji ntużaw biex intgħażlet in-Nutar Anne Fenech Adami fil-kuntratti li għamel riferenza għalihom fir-risposta tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant intgħażlet biex tagħmel il-kuntratti msemmija a bażi ta` kriterji professjonali relatati max-xogħol in kwestjoni.
Jista'l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar, 1999 kemm-il persuna ħarbet meta kienet taħt il-kustudju tal-pulizja? Jista' f'kull każ jagħti: (a) l-isem tal-persuna; (b) in-nazzjonalita'; (c) meta saret il-ħarba; u (d) jekk il-persuna inqabditx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Pulizija ta' l-Immigrazzjoni — Ċittadini Marokkini
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11065, jista' l-Ministru jagħti n-numru totali ta' nies li matul din is-sena nżammu milli jidħlu f'pajjiżna: (a) fl-ajruport; (b) fil-port? Tinżamm statistika dwar in-nazzjonalita' ta'dawn in-nies? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti l-lista tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika biex turi kemm minn nies arrestati mill-pulizija jkunu qed jabbużaw mid-droga, anke jekk jiġu arrestati fuq każi ta' serq, attentat ta' qtil, eċċ.? Jekk iva, jista'l-Ministru jagħti l-figuri għal din is-sena? Jekk le, jaħseb il-Ministru li statistika bħal din għandha tibda tinżamm biex tgħin lill-pulizija fix-xogħol tagħha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma tinżammx. Ninsab infurmat ukoll li skond il-Pjan Strateġiku tal-Korp tal-Pulizija għas-snin 1999 - 2000 hu maħsub li din it-tip ta` statistika tibda tinżamm.
B'riferenza għall-korrispondenza bejni u bejn l-Awtorita'ta'l-Ippjanar (Ref. GFA 45/97 u PA/ZTN/98) billi din l-area tinsab fil-village core (kif kien qal l-ex-Ministru Michael Falzon f'mistoqsija parlamentari numru 13941 f'Seduta Parlamentari tad-9 ta' Novembru 1993) u billi din hi area ferm mibnija u waħda mill-aktar antika taż-Żejtun, ma taħsibx l-Awtorita' ta'l-Ippjanar li hu diffiċli li jinfetħu toroq ġodda f'din l-area għax ikollhom jitwaqqgħu numru ta' residenzi antiki?
Taqbel l-Awtorita' ta'l-Ippjanar li issa għadda żmien biżżejjed biex tasal għal deċiżjoni peress li hi inġusta għar-residenti in kwestjoni li ilhom snin sħaħ u ma jafux x'se jiġri mid-djar tagħhom?
Possibbli għal ġid ta' dawn ir-residenti l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tgħid meta se tiddeċiedi finalment dwar din il-kwestjoni li issa saret waħda ta'natura kronika?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` ġie ndikat lill-Onor. Interpellant fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11180, il-każ tas-sit tas-Sur Alex Mercieca u l-każ tar-residenti fl-istess inħawi jridu jiġu kkunsidrati flimkien minħabba li ma tistax telimina t-toroq proposti kollha. Ta` minn jgħid ukoll li jridu jiġu kkunsidrati kemm it-tqassim tad-drenaġġ kif ukoll il-problema ta` l-ilma tax-xita.
Ninsab infurmat ukoll li bħalissa hemm proposta li taffettwa mill-anqas residenti (effittivament binja/residenza waħda). Bħalma jaf l-Onor. Membru kien qed jipprova jintlaħaq ftehim mas-Sur Mercieca biex ikun hemm residenza alternattiva għall-binja affetwata.
Jista'l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11387 li oriġinarjment saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali u li ġiet riferuta lilek u cioe': jista' l-Ministru jagħti lista dettaljata ta'l-amnestiji kollha li ngħataw minn gvernijiet differenti mill-1971 'l hawn, inkluż id-data ta' meta ingħataw, mil-liema gvern ingħataw, x'kienet tgħid l-amnestija u x'kienet l-okkażjoni għal kull amnestija?
Response (BORG, TONIO)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm lill-Kummissarju milli jieħu l-azzjoni meħtieġa skond il-liġi kif awtorizzat u jneħħi l-iżgombru ta' karozzi abbandunati li jinsabu fi Triq il-Waqqafa, Mosta, wara l-ground tal-football?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-vetturi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant tneħħew.
San Ġiljan — Telgħet San Ġiljan - Sleeping Policeman
Question
Jista'l-Ministru jgħid jekk is-sleeping policeman li saret f'Telgħet San Ġiljan, San Ġiljan, eżattament quddiem ir-residenza numru 26 għandhiex il-permessi meħtieġa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Qatt ma saret applikazzjoni għal xi 'Sleeping Policeman' fi Telgħet San Ġiljan, San Ġiljan. Jidher li l-Kunsill Lokali ma kienx konxju li t-triq tinsab f'Area ta' Konservazzjoni Urbana (U.C.A.). Sa issa sabiex tiġi nstallata anke sempliċi 'sleeping policeman' f'U.C.A., wieħed irid jagħmel 'Full Development Application'. Nittama li l-Onor. Membru jifhem li din is-'Sleeping Policeman'saret sabiex ikunu mħarrsa it-tfal u l-ġenituri li jidħlu u joħorġu minn 'nursery school' li hemm fl-istess triq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sleeping policeman li saret u li kienet (għax issa tneħħiet) f'Telgħet San Ġiljan, San Ġiljan, eżattament quddiem ir-residenza numru 7 kellhiex il-permessi meħtieġa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Jekk kellha l-permessi meħtieġa, jista'l-Ministru jgħid jekk intalbux u jekk ingħatawx il-permessi mill-Awtorita' ta'l-Ippjanar biex titneħħa?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9786 f`din l-istess Seduta.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu dwar it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġia (KLB/sa/99/11/09 - 5 ta' Novembru, 1999) għal biċċa art f'Wied il-Buni biex tiġi żviluppata għal skopijiet sportivi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-talba tal-Kunsill Lokali ta` Birżebbuġia li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ma tistax tiġi milqugħa peress li l-art in kwestjoni mhix proprjeta` tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tittieħed azzjoni biex jitneħħew karozzi li ilhom ipparkjati s-snin fl-area tal-blokki ta' l-appartamenti f'Ta' Farsina, Ħal Qormi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija ħadet il-passi neċessarji u l-karozzi abbandunati fil-lokalita` li rreferiet għaliha l-Onor. Interpellanti issa tneħħew.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija li ġew boarded out waqt Amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti u reġgħu applikaw taħt il-Labour Administration biex jiġu ngaġġati, humiex se jitħallew jidħlu u jekk iva, meta? Kemm hemm persuni in kwestjoni?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-popolazzjoni tal-ħabs illum?
Kemm hemm ġustizzjati? X'eta' għandhom u ta' xiex instabu ħatja?
Kemm kienet il-piena illi weħlu? Kemm hemm taħt arrest preventiv? X'eta' għandhom? X'allegatament wettqu?
Response (BORG, TONIO)
Ma ġie ġustizzjat ħadd fil-Ħabs matul din is-sena, peress li fl-1972 ġiet abolita il-piena tal-mewt.
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq liberta' proviżorja llum? X'tip ta' reat allegatament għamlu?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-informazzjoni li qed tintalab mhix miġbura f`forma ta` statistika komputerizzata, din l-informazzjoni tinħtieġ ċertu żmien biex tinġabar u għalhekk l-informazzjoni tingħata meta din tiġi miġbura.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew diagnosed ħabsin b'mod infettiv din is-sena? X'tip ta' marda kienet f'kull każ u x'prekawzjonijiet jittieħdu biex ma jsirx kuntatt mhux mixtieq bejn id-detenuti?
Response (BORG, TONIO)
Mhix prattika li tingħata din it-tip ta` informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-persuni li tħarku mill-pulizija għaliex kienu qed jarmu l-iskart fil-kampanja? Kemm huwa n-numru ta'persuni li tressqu l-qorti kontra dan l-abbuż matul dawn l-aħħar ħames snin? X'multi weħlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1995 u l-1999, (sal-31 ta` Ottubru), il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 69 persuna in konnessjoni ma` rimi ta` skart fil-kampanja. Dawk li nstabu ħatja weħlu multi li jvarjaw bejn il-Lm10 u Lm50.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li Artikolu 355 subartikolu (a) tal-Kodiċi Kriminali Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta' Malta jiġi emendat sabiex il-pieni nvoluti jiġu mibdula sabiex jirrappreżentaw iż-żmenijiet tal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Naħseb li l-Onor. Interpellant qed jiċċita l-artikolu żbaljat.