Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #1034 Sitting 15 2013-05-06 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — qtugħ ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 577 li saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 388, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar talabx li jinqalgħu xi siġar minn postijiet pubbliċi matul l-aħħar 12-il xahar? Jekk iva, meta u minn fejn? Fejn tħawlu s-siġar li nqatgħu minn fejn kienu? Minbarra hekk, jista' jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kordinazzjoni ssir mal-kunsill lokali meta jkun hemm talbiet biex tali siġar jinqalgħu mill-kunsill lokali? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi ftehim ta' rilokazzjoni ta' siġar bejn l-awtoritajiet agrikoli u l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar? Jekk sar tali ftehim x'kien jinvolvi?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li matul l-aħħar 12-il xahar għamel talba waħda biex jinqalgħu xi siġar. Dawn inqalgħu l-Ħamis 25 ta’ April 2013 minn Triq il-Kaħli kantuniera ma’ Triq Sir Luigi Preziosi. Infurmat ukoll li s-siġar li nqalgħu tħawwlu fil-Magħtab Landfill fuq struzzjonijiet tal-Plant Health Directorate b’kordinazzjoni sħiħa bejn il-Kunsill Lokali, dan id-Direttorat u l-MEPA. Dan ix-xogħol sar skont l-Avviż Legali 42 tal-2009.
Leg 12 PQ #1194 Sitting 15 2013-05-06 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

Valletta 18 — kuntratt taċ-chairman

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt taċ-chairman il-ġdid tal-Valletta 18?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba li l-kuntratt għadu mhux finalizzat ma jistax jiġi preżentat.
Leg 12 PQ #1195 Sitting 15 2013-05-06 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

politika għall-avjazzjoni

Question

Peress li ġie rrappurtat li l-Gvern se jfassal politika għall-avjazzjoni, jista' l-Ministru jgħid min se jkun responsabbli għat-tfassil ta’ din il-politika u t-terms of reference li saru li se jiggwidaw it-tfassil ta’ din il-politika?

Response (VELLA, KARMENU)

L-Onorevoli Interpellant japprezza li Malta qatt ma kellha Politika Nazzjonali Għall-Avjazzjoni li kummerċjalment tikkomplimenta l-Politika Nazzjonali Għat-Turiżmu. Ghalhekk twaqqaf kumitat konsultattiv biex jipprepara abbozz ta’ Politika għall-Avjazzjoni, li għandu jiġi ippublikat f’qasir żmien bħala ‘white paper’ u li fuqha ser issir konsultazzjoni vasta qabel it-tnegħid u l-implimentazzjoni.
Leg 12 PQ #165 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Heritage Malta — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Heritage Malta bejn Ġunju 2012 u Marzu 2013? Jista' jgħid f'liema gradi ġew impjegati? Jista' jgħid ukoll kif saret is-sejħa għall-impjiegi u kemm applikaw f'kull każ?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’kollox ġew ingaġġati 9 impjegati ġodda u 4 oħra li ġew trasferiti mis-Servizz Pubbliku. Aktar informazzjoni qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #714 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS — bini ta' campus ġdid

Question

Jista' l-Ministru jassigura lil din il-Kamra li l-bini tal-campus il-ġdid tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) imħabbar minn Gvern Nazzjonalista se jibqa' għaddej kif oriġinarjament ippjanat?

Response (VELLA, KARMENU)

L-Onorevoli Interpellant jifhem li Gvern Nazzjonalista ħabbar il-proġett ta’ bini tal-campus il-ġdid tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) mingħajr ma ħejja pjanti, iddeċieda fuq post u wisq anqas alloka flus fil-budget għal dan il-proġett. Gvern ġdid hu kommess li jkompli jinvesti fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) biex nespandu l-operat għal wieħed aktar internazzjonali b'potenzjali li jkun wieħed mill-aqwa fir-reġjun. Gvern ġdid ċertament mhux se jkun qiegħed iwiegħed proġetti bħal dawk tal-White Rocks u l-Kumpless Sportiv tal-Marsa, li dehru sbieħ fuq il-karta, iżda sfortunatament qatt ma saru realtà.
Leg 12 PQ #766 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ftehim tal-PPE rigward toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-toroq li kienu inklużi fil-ftehim tal-PPE li ġew approvati madwar sentejn ilu bejn il-Kunsill Lokali tat-12-il distrett u l-Gvern Ċentrali? Kemm minn dawn it-toroq huma lesti, u f'kull każ, meta saru l-kuntratti mal-kuntratturi li wettqu x-xogħol? Kemm fadal toroq li għad iridu jsiru b'dan l-istess ftehim? Kemm kien hemm bidliet mill-ftehim oriġinali?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsilli Lokali tan-Naxxar li ma għandux toroq fir-rigward tal-Mistoqsija Parlamentari peress li ma daħalx fi ftehim ta’ PPP għat-toroq fil-lokalità. Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-unika triq li kellu fil-ftehim tal-PPP għat-toroq fil-lokalità kienet Triq l-Armier li hi lesta. Il-kuntratt għaliha kien sar fl-10 ta’ Mejju 2011. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar dwar it-toroq bl-iskema tal-PPP għat-toroq tal-lokalità. Hawn tlestew it-toroq kollha li kien hemm fil-ftehim oriġinali. Tlieta minn dawn it-toroq iżda tneħħew mil-lista biex minflokom issir triq oħra li x-xogħol fuqha nbeda fis-6 ta’ Mejju.
Leg 12 PQ #861 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Fondi tal-Unjoni Ewropea — Katakombi ta' San Pawl, ir-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fuq il-proġett minn fondi Ewropej tal-Katakombi ta' San Pawl? Kemm se jiġi jiswa u f'liema stadju jinsab il-proġett illum?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-kuntratt tax-xoghlijiet maġġuri fil-Katakombi ta’ San Pawl, bħala parti minn proġett iffinanżjat mill-fondi Ewropej tal-ERDF, kien iffirmat fil-11 ta’ Frar 2013. Dawn ix-xogħolijiet, li jiswew €2.4 miljun (VAT inkluża), mistennija li jkunu lesti fi tmintax-il xahar, iġifieri f’Ottubru 2014. Barra minn hekk, bħalissa għaddejin xogħlijiet ta’ skavi arkeoloġiċi f’dan l-istess sit, li jammontaw għal madwar €151,152 (VAT Inkluża). Bi preparazzjoni għal dan il-proġett s’issa intefqu madwar €650,000 (VAT inkluża) fuq studji marbutin ma’ dan is-sit. Jonqos li jinħareg tender ieħor għal xogħolijiet ta’ konservazzjoni, walkways u s-servizzi ġewwa l-katakombi, liema xogħlijiet huwa stmat li jiswew €730,000 (VAT Inkluża). Ix-xogholijiet kollha f’dan is-sit huma mistennija li jkunu lesti sa Ottubru 2014.
Leg 12 PQ #964 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Bord tar-Reviżjoni tal-Appelli — Appelli pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti quddiem il-Bord tar-Reviżjoni tal-Appelli minn tenders anqas minn €12,000?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li hemm seba’ (7) appelli pendenti quddiem il-Bord tar-Reviżjoni tal-Appelli minn tenders anqas minn €12,000.
Leg 12 PQ #977 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — impjegati barranin

Question

Jista' l-Ministru jelenka l-impjegati kollha Ingliżi u barranin mal-Air Malta, inkluż il-paga annwali totali li dawn qegħdin jieħdu, kif ukoll bonuses u allowances? Meta jiskadu dawn il-kuntratti? Il-Gvern għandu interess li jżomm dawn in-nies?

Response (VELLA, KARMENU)

Il-mistoqsija hija kummerċjalment sensittiva u għalhekk risposta ma tistax tingħata
Leg 12 PQ #978 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — ġarr ta' passiġġieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġarret passiġġieri l-Air Malta f'dawn l-aħħar sitt xhur minn u lejn Malta, u kemm kien in-numru ta' passiġġieri lejn u minn Malta fl-istess xhur tas-sena l-oħra 2011/2012?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’kollox bejn Ottubru 2012 u Marzu 2013 il-linja Nazzjonali Air Malta ġarret 682,446 passiġġier. Sadanittant bejn Ottubru 2011 u Marzu 2012 l-Air Malta ġarret 647,670 passiġġier.
Leg 12 PQ #95 Sitting 13 2013-04-29 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — uffiċjali tas-segretarjati - kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' impjieg tal-uffiċjali tas-segretarjat privat tiegħu, inkluż is-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta għal din il-mistoqsija se tingħata mill-Onorevoli Prim Ministru.
Leg 12 PQ #485 Sitting 13 2013-04-29 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Iż-Żurrieq — Triq JM Callus - Tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol ta' tarmak fi Triq JM Callus fiż-Żurrieq?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, li tagħha inżerta li huwa ukoll il-Perit, hi waħda mit-toroq li qed isiru permezz tal-iskema ta’ Public Privat Partnership. Għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant jifhem u japprezza s-sitwazzjoni. Infurmat li waqt li kien għaddej ix-xogħol il-kuntrattur informa lill-Kunsill Lokali li ma kienx ser ikompli jaħdem bil-prezzijiet tat-tender u dan fid-dawl ta’ xi żieda fil-prezzijiet. B’konsegwenza t’hekk ix-xogħol waqaf f’nofs is-sena 2012. Sussegwentement il-Kunsill Lokali kellu diversi komunikazzjonijiet mal-kuntrattur inkwistjoni. F’Marzu 2013 l-Kunsill Lokali talab lill-kuntrattur dikjarazzjoni bil-miktub li l-kumpanija mhux lesta li tkompli x-xogħol bil-prezzijiet tat-tender. Il-Kunsill qed jistenna tweġiba mingħand il-kuntrattur qabel jipproċedi mod ieħor.
Leg 12 PQ #486 Sitting 13 2013-04-29 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ħal Safi — Pjazza San Ġużepp - Bankina

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġgħu jitwaħħlu tliet bankijiet li kienu jinsabu fi Pjazza San Ġużepp, Ħal Safi li nqalgħu minn posthom xi sena ilu?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi li l-bankijiet in kwistjoni se jiġu nstallati mill-ġdid f’posthom fil-ġranet li ġejjin, dan wara li dawn il-bankijiet inqalgħu minn posthom minn xi vandali f’Ottubru li għadda.
Leg 12 PQ #717 Sitting 13 2013-04-29 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

sajjieda reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma s-sajjieda reġistrati fuq kull wieħed mill-portijiet li hemm f'San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-Imġarr Malta u n-Naxxar? Dawn huma sajjieda full-time jew part-time?

Response (VELLA, KARMENU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #718 Sitting 13 2013-04-29 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MEPA — ċpolicies dwar il-binjiet agrikoli

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux pjani speċifiċi, biex flimkien mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ibiddel il-policies dwar il-binjiet agrikoli?

Response (VELLA, KARMENU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #726 Sitting 13 2013-04-29 Oral · Final From: FREDRICK AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — persuni impjegati mill-ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu ġewx impjegati individwi li huma minn barra s-Servizz Pubbliku? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu n-numru ta' dawn il-persuni u jekk kenux jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC)?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-Segretarjat tal-Ministeru tat-Turiżmu ġew impjegati 4 individwi li huma minn barra s-servizz pubbliku iżda ħadd minnhom ma kien jirregistra għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC).
Leg 12 PQ #62 Sitting 12 2013-04-24 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Għanafest — tema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jaqbilx mal-għana b'tema ta' politika partiġġjana li saret waqt it-tnedija tal-Għanafest fiż-Żejtun u li għaliha kien preżenti s-Segretarju Parlamentari għall-Kultura?

Response (VELLA, KARMENU)

L-Onorevoli Interpellant japprezza li l-għana spirtu pront hija parti mill-kultura tradizzjonali ta’ pajjiżna, għaldaqstant nittama li mgħandux il-ħsieb li b’xi mod din it-tradizzjoni tibda tiġi iċċensurata.
Leg 12 PQ #237 Sitting 12 2013-04-24 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali — Riżenja ta' Sindku

Question

Jista'’ l-Ministru jgħid jekk ġietx offruta r-riżenja tas-Sindku li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, wara allegazzjonijiet il-każ li kien involut fih fejn alleggatament hedded persuna pubblikament fir-Rabat nhar id-19 ta'’ Marzu li għadda liema każ spiċċa wkoll fil-Qorti?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li s-Sindku li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ma ssottometta l-ebda riżenja min-naħa tiegħu.
Leg 12 PQ #342 Sitting 12 2013-04-24 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — ingaġġ ta' konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti (inkluż persons of trust) mid-9 ta' Marzu 2013 'il quddiem li qegħdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? X’terms of reference għandhom għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti jew appointment letters fejn dawn diġà ġew iffirmati?

Response (VELLA, KARMENU)

Ir-risposta għal din il-mistoqsija se tingħata f'seduta plenarja oħra.
Leg 12 PQ #371 Sitting 12 2013-04-24 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Mosta — Triq EB Vella - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 78 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti dettalji dwar meta x-xogħlijiet fi Triq EB Vella, Mosta se jitlestew peress li tali xogħlijiet qed jikkawżaw inkonvenjent kbir u trabijiet għar-residenti? Kemm hi l-ispiża għal dan il-proġett?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta li x-xogħlijiet li irrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant huma skedati li jitlestew fit-tielet ġimgħa ta’ Mejju 2013. Il-Kunsill għarraf li t-triq kellha tiġi pprovduta b’sistema ta’ l-ilma tax-xorb ġdida u peress li l-pedamenti tat-triq mhumiex sodi biżżejjed it-triq se tinbena mill-ġdid. L-istima tax-xogħlijiet sal-lum hija stmata għal valur ta’ € 145,000.00.