Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tħaffir għaż-żejt — kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika l-lista ta’ kumpaniji li wrew li huma interessati li jħaffru għaż-żejt f’Malta mit-13 ta’ Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għandha valur kummerċjali u għalhekk ma tistax tingħata. Ġa la darba jingħalaq il-ftehim, il-Gvern jippublika id-dettalji relevanti.

Transport Malta – użu ta’ mobile phones, tablets u karozzi

Question

B' referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5573, 6203 u 9036, jista’ l-Ministru jgħid min ibbenefika mill-għoti ta' mobile phones, tablets u karozzi fi Transport Malta u x'inhu l-grad tagħhom? X'inhuma l-proċeduri li qed jintużaw biex impjegat u mhux ieħor jibbenefika minn dan l-apparat/vetturi? Min qed japprovahom? Jekk dan l-apparat/vetturi qed jintużaw wara l-ħin tax-xogħol, qegħdin jitħallsu l-fringe benefits fuqhom? Liema proċedura ntużat biex inxtara/inkera dan l-apparat/vetturi, b'direct order jew inkella b'tender? Kemm hu l-valur ta' dan l-apparat u xiri/kera ta' dawn il-vetturi? X'inhi r-raġuni li ma jridx jagħti din l-informazzjoni meta dawn qed jitħallsu minn fondi pubbliċi u għalhekk mit-taxxi li jħallas il-poplu Malti u Għawdxi? Jikkonferma li dan il-ħabi fir-rigward ta' din il-mistoqsija parlamentari jmur kontra l-wegħda elettorali tal-partit tiegħu stess li bħalissa qiegħed fil-Gvern fejn kien intqal illi 'Nemmnu f'politika u politiċi ta' responsabilità u kontabilità. Politiċi li jirrispondu għal għemilhom u li jaraw li għemilhom ikun trasparenti'? Jikkonferma l-Ministru illi tali ħabi ta' informazzjoni jikkostitwixxi nuqqas ta' trasparenza u kontabilità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interepellant li m’għandi x’inżid xejn aktar ma dak li diġà ġie mwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari 5573, 6203 u 9036.

PPP – valur ta’ kuntratti ta’ landscaping

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-valur tal-kuntratt kull sena tal-Public Private Partnership li l-Gvern għandu ffirmat mal-kumpanija ELC? Jista’ jgħid jekk kienx hemm tnaqqis fil-baġit għal-landscaping għas-sena 2015 u jekk fl-affermattiv kif dan it-tnaqqis se jaffettwa l-kuntratti tal-Public Private Partnerships speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalità tal-landscaping f’pajjiżna?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12736.

PPP — landscaping

Question

F’każ ta’ tnaqqis fil-baġit għal-landscaping għas-sena 2015, jista’ l-Ministru jgħid kif dan se jaffettwa l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-kumpanija li magħha l-Gvern għandu Public Private Partnership għal-landscaping?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tnaqqis mhux neċessarjament jaffetwa lill-impjegati u l-kundizzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema. Id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.

Tim li ħadem fuq ir-Riforma tat-trasport

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 8531 u 9523, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li jifformaw it-tim li ħadmu fuq ir-riforma tat-trasport? Jista’ jindika l-grad ta’ kull persuna li tifforma parti minn dan it-tim u minn liema direttorat jew taqsima oħra ġejjin? Jikkonferma l-Ministru li jekk ma jagħtix l-informazzjoni mitluba jkun qed imur kontra l-wegħda elettorali tal-partit tiegħu stess li bħalissa qiegħed fil-Gvern fejn kien intqal li 'Nemmnu f'politika u politiċi ta' responsabilità u kontabilità. Politiċi li jirrispondu għal għemilhom u li jaraw li għemilhom ikun trasparenti'? Jikkonferma l-Ministru illi tali ħabi ta' informazzjoni jikkostitwixxi nuqqas ta' trasparenza u kontabilità?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8531.

Malta Transport Services Limited – Director of Operations

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9528, jista’ l-Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju u allowances oħra (fosthom mobile phone u car allowances) għandu dan l-uffiċjal fi Transport Malta? Jista’ jgħid jekk dawn jingħatawx lil persuni oħra tal-istess grad? Jikkonferma l-Ministru li jekk ma jagħtix l-informazzjoni mitluba jkun qed imur kontra l-wegħda elettorali tal-partit tiegħu stess li bħalissa qiegħed fil-Gvern fejn kien intqal li 'Nemmnu f' politika u politiċi ta' responsabilità u kontabilità. Politiċi li jirrispondu għal għemilhom u li jaraw li għemilhom ikun trasparenti'? Jikkonferma l-Ministru illi tali ħabi ta' informazzjoni jikkostitwixxi nuqqas ta' trasparenza u kontabilità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata llum jokkupa l-kariga ta’ Manager (Land Transport) fi ħdan Transport Malta fl-iskala ta’ Manager Grade A. Nikkonferma li dan l-impjegat għandu l-istess paga u benefiċċji ta’ impjegati oħra fl-istess grad.

Żoni ta’ parkeġġ pubbliċi imdaqqsin – monitoraġġ ta’ CCTV camera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iż-żoni ta’ parkeġġ pubbliċi speċjalment dawk imdaqqsin fil-pajjiż kollhu humiex kollha mgħammrin b’CCTV cameras bħala monitoraġġ kontra l-vandaliżmu? Hemm xi intenzjoni li l-Ministeru jdur dawk iż-żoni ta’ parkeġġ ta’ ċertu daqs li m’għandhomx CCTV u jgħamlilhom CCTV monitoring?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi s-sorveljanza fis-siti ta’ parkeġġ pubbliku, inklużi dawk ta’ ċertu daqs, li jaqgħu taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta, issir minn car park attendants liċenzjati, u mhux b’sistemi ta’ CCTV. Mhux eskluż li tali sistemi jkunu ikkunsidrati jekk tinħass il-ħtieġa fil-futur.

Proġett ta’ Bieb il-Belt — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-konsulenti nvoluti fil-proġett ta’ Bieb il-Belt? Jista’ jgħid kif ġew magħżula? Kemm tħallas sal-lum kull wieħed minnhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Sa l-aħħar ta’ Ottubru 2014 tħallsu xejn inqas minn €19,001,609 f’konsulenzi fuq il-proġett ta’ bieb il-belt. Il-proġett tat-Teatru Rjal ma baqax jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħi sa minn Settembru 2013. Għaldaqstant, il-konsulenzi fuq dan il-proġett huma sa din id-data. Wieħed mill-konsulenti ewlenin tal-bini tal-Parlament il-ġdid kien proprju il-perit Renzo Piano, li l-kumpanija tiegħu hija meqjusa bħala waħda mill-aktar kumpaniji ta’ periti rinomati fid-dinja. U biex lill-Kap tal-Oppożizzjoni inġeddidlu l-memorja li kien propju Renzo Piano stess, il-konsulent imqabbad mill-Gvern preċedenti, li approva is-siġġijiet u l-imwejjed u li issa l-istess Kap tal-Oppożizzjoni qed jgħid li bihom hemm ‘problema gravi magna’, qed inpoġġi ritratti fuq il-mejda tal-kamra bħala prova ta’ dak li jien qed ngħid. Dan il-konsulent, li bħall-maġġoranza tal-konsulenti l-oħra, li l-lista tagħhom ukoll qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, kien ġie ngaġġat mill-gvern preċedenti, sal-lum tħallas ‘il fuq minn seba’ miljun ewro f’konsulenzi. Id-disinn tal-proġett tal-Parlament, kien sa mill-bidu u għadu sal-lum, taħt ir-responsabbilta ta’ Renzo Piano u l-periti tiegħu. Il-Kap tal-Oppożizzjoni iżda, waqt li jgħajjat bil-politika onesta tiegħu, qed iqarraq meta qed jipprova jitfa’ xi nuqqas fuq il-Gvern tal-lum, meta jaf biċ-ċar li kienet l-amministrazzjoni Nazzjonalista li qabbdet lil dawn il-konsulenti. U għax żbaljaw fid-disinn tal-imwejjed u s-siġġijiet, xi ħaġa li la l-Gvern preżenti u lanqas il-GHRC ma kienu involuta fiha, issa l-Kap tal-Oppozizzjoni qed iwaħħal fil-Gvern tal-lum.

Building Regulations Office — Administrative fines

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu administrative fines mill-Building Regulations Office, lokalità b’lokalità mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 t’Ottubru 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li fil-perjodu imsemmi, l-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini ħareġ 73 administrative fine. Dawn huma mqassmin kif ġej: Birżebbugia 1 Il-Fgura 1 Għajnsielem 1 Ħal Għaxaq 3 Il-Gudja 2 Il-Gżira 1 Ħal Kirkop 1 Ħal Luqa 1 Il-Mosta 7 Wied il-Għajn 6 L-Imsida 1 Marsaxlokk 1 In-Naxxar 12 Ħal Qormi 5 Ħal Safi 3 Is-Siġġiewi 2 Ħal Tarxien 2 Ix-Xgħajra 3 Ħaż-Żabbar 7 Ħaż-Żebbug 4 Iż-Żejtun 2 Iż-Żurrieq 7

Raħal Ġdid – Vjal it-28 ta’ April — traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jispiċċa x-xogħol relatat mas-sistema tat-traffic lights fi Vjal it-28 ta’ April f’Raħal Ġdid u konsegwentament jibdew jaħdmu meta x-xogħol fuqhom ilu li beda mill-aħħar ta’ Lulju 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-istallazzjoni elettronika fi Vjal 28 ta' April, f'Raħal Ġdid, se titlesta fil-futur qrib.

Servizz tat-trasport pubbliku – diskussjonijiet dwar ingaġġ ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-kuntratt li qiegħed/kien qiegħed f’diskussjoni biex jiġi ffirmat mal-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon, il-Gvern Malti hux se jagħmel xi restrizzjonijiet/kundizzjonijiet biex jiġu salvagwardati l-impjiegi tal-ħaddiema li bħalissa qegħdin jaħdmu mal-kumpanija tal-Gvern, Malta Public Transport Services Ltd?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja diversi insinwazzjonijiet min-naħa tal-Oppożizzjoni biex iddaħħal id-dubji, jiena bħala l-Ministru responsabbli diġà iddikkjarajt pubbikament kemm-il darba li l-impjiegi se jiżdiedu. Fil-fatt diġà ħarġet Call for Applications għall- Drivers, Mechanics u Electricians.

Servizz tat-trasport pubbliku — vakanzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-kumpanija spanjola Autobuses de Leon jew xi kumpanija oħra b’konnessjonijiet ma’ din il-kumpanija qed tirriklama fi Spajna għal vakanzi ta’ xogħol f’Malta u għalhekk il-postijiet tax-xogħol tal-ħaddiema Maltin li preżentament jaħdmu fis-settur tat-trasport pubbliku qiegħed f’riskju?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12733.

Servizz tat-trasport pubbliku – ingaġġ ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jagħmel klawsola lill-kumpanija Spanjola li qiegħda fil-proċess li tieħu s-servizzi tat-trasport pubbliku f’idejha li l-ewwel prijorità ta’ vakanzi ta’ xogħol jingħataw lill-ħaddiema Maltin?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12733.

Flus ivvutati għal landscaping

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu vvutati flus għal-landscaping għas-sena 2014 u kemm ġew ivvutati flus għal-landscaping għas-sena 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena 2014 ġew ivvutati €7,500,000 u €200,000 f’upgrading filwaqt li għas-sena 2015 ġew ivvutati €7,500,000 u €100,000 f’upgrading.

Transport Malta – parteċipazzjoni f’konferenzi/seminars

Question

B' referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5576 u 9034, x'inhi r-raġuni li l-Ministru ma jridx ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-uffiċjali li attendew għall-konferenzi/seminars organizzati mill-Kummissjoni Ewropea? X'qiegħed iġiegħel lill-Ministru jaħbi din l-infomazzjoni mill-pubbliku meta dawn huma uffiċjali pubbliċi mħallsa mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid ma’ dak diġà mwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 9034.

Postijiet għall-Yacht Marina u Cruise liner terminal/berth f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema postijiet f'Għawdex ġew indikati mill-Consortium Kala Marine Development biex fihom isiru yacht marina u cruise liner terminal/berth? In Vista tal-fatt li kien hemm bidder wieħed biss, minkejja li qabel kien intqal minn esponenti tal-Gvern li kien hemm interess kbir għal dan il-proġett mill-privat, jista' jgħid jekk hux se jkompli miexi ma' dan il-bidder jew jekk hux se jerġa' jiftaħ is-sejħa?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Toroq – PPP – Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ public private partnership (PPP) hi mistennija li titħaddem mill-Ministeru fil-qasam tat-toroq? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk itteħdux in konsiderazzjoni skemi oħra preċedenti għal dan it-tip ta’ skemi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-iskema għad trid tiġi diskussa aktar fid-dettall.

MEPA – Policy dwar Parking

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal it-tfassil tal-policy tal-MEPA dwar il-parkeġġ f’pajjiżna? Min qed ifassal din il-policy, meta mistenni li jintemm l-istudju dwarha u meta se tiġi ppubblikata l-policy?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-Awtorità tat-Trasport m’għandiex informazzjoni dwar il-polza tal-MEPA dwar il-parkeġġ f’pajjiżna.

Birkirkara –bus shelter fil-venda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-venda ta’ Birkirkara (ta’ fejn l-istazzjon) hux se jiġi installat bus shelter li jkun adegwat biex jagħti kenn mill-elementi lill-passiġġieri li jkunu jistkennu taħtu? Meta se ssir tali installazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi Transport Malta applikat u ġabet il-permessi meħtieġa mingħnd il-MEPA sabiex tkun tista’ tistalla żewġ bus shelters fil-venda ta’ Birkirkara. Infurmat ukoll illi huwa ppjanat li dawn l-istess bus shelters jiġu installati fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

Birkirkara – Triq Psaila –bus stop

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se tiġi installata bus stop hekk kif tidħol fi Triq Psaila min-naħa ta’ Birkirkara fejn kienet il-pitkalija l-antika?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat illi Transport Malta qiegħda tikkunsidra li tinstalla żewġ bus stops, wieħed fuq kull naħa ta’ fejn kienet il-pitkalija l-antika, fi Psaila Street, Birkirkara. Għal dan il-għan, fil-ġranet li ġejjin uffiċjali minn Transport Malta ser ikunu qegħdin jiltaqgħu mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara b’konsultazzjoni dwar dan, u sabiex tittieħed deċiżjoni finali fir-rigward ta’ dawn il-bus stops.