Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żvilupp Urban u Toroq — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm impjegati ma' kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni u/jew allowance għandhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda mpjegat li għandu aktar minn 61 sena li hu mpjegat ma kumpaniji/entitajiet/awtoritajiet taħt id-dekasteru tiegħu.

Toroq — Tabelli ġodda

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1799, jista' il-Ministru jgħid kemm għad fadal tabelli x'jitwaħħlu fit-toroq arterjali skond kuntratt li kien ingħata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li skond il-kuntratt oriġinali, baqa jitwaħlu 29 tabella fuq sittax-il struttura.

ADT

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopa tad-dokument ta' l-ADT guidelines for the implementation of traffic management and safety measures and temporary diversion of traffic?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Kopja tal-guidelines for the implementation of traffic management and safety measure and temporary diversion of traffic li qed jirreferi ghalih l-Onorevoli Interpellant qiegħed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

ADT — White Paper

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-white paper dwar land transport li tħejjiet mill-ADT?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Id-dokument mitlub mill-Onor. Buhagiar għadu ma ġiex ippublikat, għaldaqstant ma jistax jiġi ppreżentat. Dan ħi jiġi ippreżentat lill-Kamra fil-futur.

ADT — Dokumenti

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti ppreparati mill-ADT: Consumer use of bus system u Time to Act li jirrigwardaw ir-ristrutturar tat-trasport pubbliku?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tad-dokument ippreparat mill-ADT: Commuter Use of Public Transport in Malta. Id-dokument Time to Act huwa ikkunsidrat bħala dokument intern, għaldaqstant mhux qed jiġi mqiegħed fuq il-mejda.

Wied il-Għajn — Triq it-Tiben

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Triq it-Tiben hijiex waħda mit-toroq inkluża mill-programm ta' xogħol li se jsir f'Wied il-Għajn? Jekk iva, meta hu maħsub li jitlesta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6052.

ADT — Karozza tal-linja bir-rotta 91

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li karozza tal-linja rotta 91 qiegħda topera b'mod ċirkolari mill-10.00 a.m. 'il quddiem u mhux mit-8.00 a.m.?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi sa l-10.00am l-iskedi ta’ vjaġġi huma operati mill-venda u kif diġa msemmi fil-mistoqsija parlamentari numru 8525, l-ħinijiet tat-tluq huma regolati mill-inspectors ta’ l-Assoċċjazzjoni tat-Trasport Pubbbliku. Wara l-10.00am ir-rotta topera fuq bażi ċirkulari.

Servizz Pubbliku — Rotta 91

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qed issir sorveljanza biex fuq Rotta 91 il-ħinijiet skedati jinżammu bir-rigorożita' kollha meħtieġa biex il-klijent jinqeda aħjar u allura biex ninkoraġġixxu aktar klijenti potenzjali jużaw it-trasport tas-servizz pubbliku? Ġie reġistrat xi abbuż?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi l-Enforcement Officers ta’ l-Awtorita qed jagħmlu spot checks fuq ir-Rotta 91 u li sal-lum, ma sabu l-ebda abbuż waqt dawn l-ispot checks. Fl-aħħar 4 ġimgħat, l-Awtorita' daħlulha 2 rapporti t’ abbużi relatati maż-żamma tal-ħin, liema rapporti ġew investigati iżda ma tkomplewx jiġu ipproċessati aktar minħabba in-nuqqas ta’ xhieda.

Qormi — Venda - Arloġġ

Question

Peress li l-iskop li għalih jitwaħħal l-arloġġ fuq il-venda huwa biex jgħin ħalli l-karozzi tal-linja jitilqu eżatt fil-ħin u mhux ftit wara jew qabel għad-detriment tar-residenti, jista' il-Ministru jitlob lill-awtorita' dwar it-trasport tagħmel applikazzjoni ġdida mal-MEPA biex jitwaħħal arloġġ fil-venda ta' Rotta 91, Ħal Qormi u jekk ikun hemm bżonn l-arloġġ ikun ta' għamla li jmur aktar ma' l-ambjent tal-post fejn irid jitwaħħal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi preżentament, l-Awtorita' dwar it-Trasport ta’ Malta m’għandiex il-ħsieb li żżid aktar arloġġi fil-vened. Wieħed irid jinnota illi meta twaħħlu l-arloġġi fil-vened ma kienx għad hemm Kunsilli Lokali li setgħu jixtru u jwaħħlu street furniture. Minħabba li illum hemm il-Kunsilli Lokali, l-Awtorita' ma ssib l-ebda oġġezzjoni illi dawn iwaħħlu arloġġi illi jmorru mal-ambjent li fih ser jitwaħħlu

Żvilupp Urban u Toroq — Mobile phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li tħallsu fuq kontijiet ta' mobile phones bejn Jannar 2003 u Ottubru 2004 lill-impjegati fis-segretarjat privat tiegħu? Min huma l-impjegati li huma ntitolati għal mobile phone fl-istess segretarjat? Xi grad huma? Kemm kienet l-ispiża għal kull mobile phone bejn Jannar 2003 u Ottubru 2004?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-użu ta' mobile telephones fis-Segretarjati Privati tal-Ministru u tas-Segretarjat Parlamentari huwa regolat minn Guidelines, approvati mill-Kabinett, dwar l-ingaġġ ta' impjegati f'dawn is-Segretarjati. Dawn il-guidelines jipprovdu li l-Kap tas-Segretarjat, is-Segretarju Privat, l-Assistent Segretarju Privat u l-Communications Co-ordinator huma intitolati għall-użu tal-mobile telephone. F'ċerti każijiet jistgħu jkunu ntitolati ukoll impjegati fil-grad ta' Messaġġier kif ukoll xufiera tal-Ministru jew tas-Segretarju Parlamentari. L-ammont totali ta' flus li tħallsu fuq mobile telephones użati minn membri tas-Segretarjat tiegħi bejn Jannar 2003 u Ottubru 2004 kien Lm7,599.07. Ma naħsibx li huwa l-każ li tingħata ukoll informazzjoni dwar l-ispiża għal kull mobile telephone."

Pembroke — Triq fid-daħla ta' San Patrizju

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-triq li tinsab fid-daħla ta' San Patrizju f'Pembroke hijiex issir mill-gvern ċentrali? Jekk le, ġiet approvata mill-ADT?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi t-Triq imsemmija hija responsabbilta tal-Kunsill Lokali, għalhekk għal aktar informazzjoni l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

ADT — Speed cameras

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm twaħħlu mill-ADT speed cameras u CCTVs f'toroq u junctions u fejn twaħħlu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li skond ir-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur ir-responsabbiltà legali ta’ l-issorveljar tal-veloċità tal-vetturi fit-toroq hi tal-Pulizija u tal-Gwardjani Lokali, u min-naħa ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport la nxtraw u l-anqas twaħħlu speed cameras u CCTVs f’toroq u junctions. Jien infurmat ukoll li l-ADT xtrat speed gun, li għalkemm tirreġistra l-veloċità li biha tkun qed tinsaq vettura, la tirreġistra n-numru tal-vettura u lanqas ma tieħu ritratt tal-vettura. Din l-ispeed gun tintuża fil-proċess ta’ iddisinjar ta’ toroq u fit-tħejjija ta’ miżuri dwar immaniġġjar ta’ traffiku.

Toroq — Kuntratturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-proposta li kuntratturi tat-toroq jiġu kklassifikati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi bħalissa m'hemmx klassifikazzjoni ta' kuntratturi. Għadhom għaddejjin studji dwar sistema ta' klassifikazzjoni u opportunitajiet ta' taħriġ. Meta dawn jiġu konklużi wieħed jista' mbagħad jgħaddi sabiex jintroduċi din il-klassifikazzjoni.

Vetturi — Liċenzji

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' vetturi li ma ġeddewx il-liċenzja matul is-snin 2003 u 2004 (sal-lum)?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

N-numru ta' vetturi li ma ġeddewx il-liċenzji huma dawn Sena Ammont 2003 35,516 2004 up to 30/09/04 24,198

Vetturi ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' vetturi ġodda li ġew reġistrati matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 (sal-lum)?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

In-numru ta' vetturi ġodda li ġew reġistrati matul is-snin huma dawn. Sena Ammont 2000 13,044 2001 9,172 2002 12,560 2003 15,007 2004 (30/09/04) 8,695