Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħabsin li tilfu r-remission din is-sena u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' priġunieri li tilfu remission matul din is-sena kien ta' 72. Dawn tilfu ir-remission minħabba li nstabu ħatja ta' ksur tar-regolamenti tal-ħabs.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu mpjegati tal-Gvern l-Qorti din is-sena? Għal liema reat u fejn kienu jaħdmu? Kemm hu n-numru ta' mpjegati ta' istitutuzzjonijiet oħra fejn il-gvern għandu sehem jew responsabilta' totali u fejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru tas-sena 2007, il-Pulizija ressqet 62 impjegat pubbliku jew impjegati parastatali quddiem il-Qorti. L-akkużi kienu jinkludu, fost oħrajn, serq, offiżi fuq il-persuna, frodi u falsifikazzjoni, korruzzjoni, theddid u inġurji, offiżi sesswali u pornografija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm, matul din is-sena, persuni nqabdu jsuqu vettura mingħajr polza ta' assigurazzjoni, kemm persuni tressqu l-Qorti akkużati b'sewqan mingħajr polza ta' assigurazzjoni u kemm persuni nstabu ħatja ta' sewqan mingħajr polza ta' assigurazzjoni? X'pieni weħlu anke b'mod globali f'multa u, jew ħabs dawk misjuba ħatja ta' sewqan bla polza ta' assigurazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2007, kien hemm 125 persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija talli nqabdu jsuqu vettura mingħajr ma kienu koperti b'polza ta' assigurazzjoni. Infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu kien hemm 62 persuna li kellhom il-każ tagħhom deċiż quddiem il-Qorti w instabu ħatja li ma kienux koperti b'polza ta' assigurazzjoni waqt li kienu qed jagħmlu użu minn xi vettura. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, jien infurmat li ma tinżammx statistika bil-mod kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, pero' l-pieni mogħtija kienu jinkludu multa, sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan u sentenza ta' ħabs sospiża.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi mmedjati dwar it-teħid tad-droga saħansitra matul il-jum fid-dawl tax-xemx fi Triq Oscar Zammit, Msida kif jixhdu s-siringi li rajt b'għajnejja stess f'areas riżervati għall-parkeġġ tal-karozzi tar-residenti u saħansitra wkoll oħrajn li ġew mitfugħa fil-parapetti ta' xi wħud mir-residenzi? Possibbli li billi dawn l-att diversi drabi jsiru anke matul il-jum, il-pulizija qatt ma ħadet passi konkreti dwar dan l-abbuż f'żona residenzjali kwieta u rispettabbli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija mill-iskwadra ta' Kontra d-Droga, spezzjonaw it-triq indikata, u instabu u ġew elevati ħames siringi użati. Dawn instabu f'diversi postijiet tul it-triq indikata, man-naħa tal-ħajt tal-Junior College. Ġie elevat ukoll bott tal-Ice Tea li jidher li setgħa intuża sabiex tiġi abbużata d-droga. Kemm il-bott kif ukoll is-siringi ħlief għall-waħda jidhru li kienu pjuttost antiki. F'dawn l-aħħar xhur ġew arrestati tlett persuni minn dawk l-inħawi. Tnejn minn dawn il-persuni filfatt instabu fil-pussess ta' droga għall użu personali tagħhom filwaqt li persuna oħra instabet fil-pussess ta' ammont ta' droga li kienet intiża sabiex tiġi traffikata. Madankollu ser jibqgħu isiru spezzjonijiet u ronda frekwenti f'dawk l-inħawi mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga u dawk distrettwali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti barranin mressqa l-Qorti din is-sena u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru tas-sena 2007, il-Pulizija resqet quddiem il-Qorti 4 studenti ta' nazzjonalita' barranija, fuq akkużi li kienu jinkludu serq, sokor, indiċenza u biża' ta' vjolenza.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni ta' nazzjonalita' barranija l-Qorti din is-sena u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru tas-sena 2007, il-Pulizija ressqet 293 persuna ta' nazzjonalita' barranija quddiem il-Qorti. Fost in-nazzjonalita' kien hemm dawn il-pajjiżi:-
Algeria, Awstralja, Belarus, Bulgaria, Cameron, Chad, China, Colombia, Croatia, Eġittu, Eritrea, Ethiopia, Franza, Ġermanja, Ghana, Ingilterra, Irlanda, Islanda, Italja, Ivory Coast, Japan, Kazakstan, Liberia, Libja, Lithuania, Maċedonja, Marokk, Nigeria, Palestina, Panama, Phillipines, Poland, Rumanija, Russja, Senegal, Serbia, Skozja, Slovakkja, Slovenja, Somalia, Spanja, Stati Uniti, Sudan, Svezja, Syria, Tunes, Turkija, Ukranja, Jugoslavia u Wales.
L-akkużi kienu jinkludu, fost oħrajn, omiċidju, serq, offiża fuq il-persuna, frodi u falsifikazzjoni, pussess/traffikar ta' droga, theddid u inġurji, reżistenza fuq uffiċjali pubbliċi, ħsara volontarja, offiżi sesswali, ħrib minn post ta' kustodja, ksur tal-liġi tad-Dwana u tal-VAT u ksur tal-liġi ta' l-Immigrazzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fuq każi ta' pedofelija din is-sena u għaliex? Kemm kellhom l-eta' l-vittmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru tas-sena 2007, kien hemm 24 persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija fuq reati ta' natura sesswali kommessi fuq minorenni li minnhom 23 kienu każijiet ta' korruzzjoni ta' minorenni taħt 18 il-sena. Dan ir-reat mhux neċessarjament jimplika att sesswali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti din is-sena għal tipjip f'postijiet fejn mhux permess? Fejn inqabdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena, il-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 778 persuna talli jpejpu f'postijiet fejn it-tipjip huwa projbit.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm itellgħu persuni l-Qorti fuq każi konnessi ma' tlajjar għal skopijiet ta' prostituzzjoni? Kemm kienu repeated offenders u għalkemm l-darba? X'weħħlu f'kull każ u fejn sar ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, sa l-aħħar ta' Settembru, kien hemm 54 persuna, 25 minnhom l-ewwel darba, li bejniethom tressqu l-Qorti, 207 darba fuq akkużi ta' tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni.
Dawk li l-każi tagħhom ġew deċiżi u misjuba ħatja ġew mogħtija sentenzi sospiżi, multa, jew ċanfira u twiddiba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn bye laws maħruġa mill-kunsilli lokali? X'inhuma u liema huma l-kunsilli nvoluti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1994 sal-lum saru 110 Bye-Laws minn diversi Kunsilli Lokali.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi dwar x'hiex huma dawn il-Bye-Laws, mill-liema Kunsill saru, u meta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġi rimedjat il-każ ta' tifel addottat, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li għad għandu xi ismijiet ta' meta kien jgħix ir-Rumanija meta dan skond il-liġi suppost spiċċa b'isem u kunjom Malti? Dwar dan diġa' sar rikors il-Qorti tal-Familja.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f'dan il-każ hemm rikors pendenti quddiem il-Qorti ta' Reviżjoni ta' l-Atti Notarili sabiex jiġi dekretat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hawn f'pajjiżna immigranti rregolari fil-bidu ta' din is-sena (a) f'ċentri ta' detenzjoni u (b) f'ċentri miftuħa? Kemm hu kalkulat li daħlu immigranti rregolari kull xahar mill-bidu tas-sena sal-15 ta' Settembru? Kemm kien hawn b'kollox immigranti rregolari fil-15 ta' Settemrbu (a) f'ċentri ta' detenzjoni u (b) f'ċentri miftuħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-bidu ta' din is-sena kien hawn f'pajjiżna, 1,111 immigranti rregolari fiċ-ċentri ta' detenzjoni.
Mill-bidu tas-sena sal-15 ta' Settembru hu kkalkulat li kull xahar immigranti rregolari daħlu kif elenkat hawn taħt:-
Jannar xejn
Frar xejn
Marzu xejn
April 28
Mejju 237
Ġunju 504
Lulju 243
Awissu 367
Settembru 173
Fil-15 ta' Settembru immigranti rregolari f'ċentri ta' detenzjoni kien hawn 1,708.
Dwar l-informazzjoni ta' immigranti irregolari miżmuma f'ċentri miftuħa, nitlob lill-Onor Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm mobile toilets fil-barracks ta' Ħal Safi fejn iżommu l-klandestini tul iż-żmien li kienu qed jiġu rranġati t-toilets? Kemm damu hemm it-toilets? Kemm swew dawn it-toilets?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-barracks ta' Hal Safi fejn jinżammu l-immigranti rregolari kien hemm sitt mobile toilets tul iż-żmien li kienu qed jiġu rranġati t-toilets tal-Warehouse 1 Compound.
Ninsab infurmat ukoll li dawn it-toilets ġew jiswew Lm881.46 VAT inkluż.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huwa responsabbli mill-Pill Box ta' żmien il-gwerra li hemm fi Triq Salvu Buhagiar f'Wied il-Għajn? Jista' jgħid x'inhu jsir biex jiġi evitat l-abbuż li qiegħed iseħħ f'din il-Pill Box li hija aċċessibli għall-pubbliku minn bieba li qed titħalla dejjem miftuħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-pillbox in kwistjoni hija proprjeta' tal-Gvern u bħalissa mhix mikrija. Ser jittieħdu l-passi neċessarji biex l-aċċess għaliha jkun magħluq.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm u meta se jinħareġ kumpens għall-art, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hekk kif deskritta fil-gazzetta tal-gvern tad-19.5.89 paġna 2299?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kumpens għal art esproprijata, deskritta fil-gazzetta tal-gvern tad-19 ta' Mejju 1989 paġna 2299, u li dettalji tagħha intbagħtu separatament, ikun jista' jitħallas malli d-Dipartiment ta' l-Artijiet ikollu r-riżorsi neċessarji għal dan il-għan li jiġu allokati kull sena.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li c-cherry picker tal-Fire Brigade qegħda tinkera lill-kumpaniji li jaħdmu l-films, meta f'Malta hawn kumpaniji privati armati għal dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk il-gvern huwiex jidħol f'kompetizzjoni diretta mal-privat u jekk din hijiex policy uffiċjali? Kemm-il darba inkriet ic-cherry picker u armar ieħor? X'rata tħallas il-gvern u kemm kien l-ammont li tħallas u kemm minn din is-somma marret għand il-ħaddiema li ħadmu fuqha? Jista' jgħid jekk il-ħaddiema kenux tal-Fire Brigade jew ħaddiema tal-gvern jew ħaddiema li la jaħdmu mal-Fire Brigade u lanqas mal-gvern?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dak li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għalih bħala cherry picker huwa fil-fatt vettura li tissejjaħ turntable ladder. Jekk dan huwa l-każ, nista' nikkonferma li kemm din il-vettura kif ukoll apparat ieħor tal-Protezzjoni Ċivili jinkera għal diversi raġunijiet fosthom biex jinħadmu films lokalment kif ukoll waqt sparar ta' nar ta' murtali fil-festi.
Ma hemm l-ebda policy uffiċjali f'dan ir-rigward u ninsab infurmat li ma jirriżultax li l-Gvern jew id-Dipartiment qed jidħol f'kompetizzjoni diretta mal-privat.
F'okkażjonijiet bħal dawn, ir-rata għal kull vettura hija ta' Lm50 kuljum. L-ammont ta' ħlas li għandu jsir lid-Dipartiment għadu qed jinħadem u nagħti risposta dwar l-ammont fi stadju ieħor. Il-ħaddiema li ħadmu fuq it-Turntable Ladder huma kollha nies tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26774 dwar il-bini ta' qorti ġdid f'Għawdex, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidli min hu l-ministru responsabbli għall-bini ta' dan il-qorti ġdid f'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandi xejn xi nżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26774.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kaċċaturi u nassaba li tressqu u li se jitressqu l-qorti din is-sena u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, sa l-aħħar ta' Settembru, kien hemm 196 persuni li tressqu l-Qorti bi ksur tar-Regolamenti ta' l-1993 dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ, kif emendat; Regolamenti ta' l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta' Speċi Protetti u Riservi Naturali; ir-Regolamenti ta' l-2006 dwar il-Konservazzjoni ta' l-Għasafar Selvaġġi u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66).