Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar San Luqa — Parkeġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26384 jista' l-Ministru jgħid kemm ilha topera l-kumpanija privata tal-parkeġġ fl-Isptar San Luqa kemm karozzi ġew clamped?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' karozzi li ġew clamped kemm ilha topera l-kumpanija privata huwa ta' tlett elef, erba' mija u disgħa u tmenin (3489).

Speech therapists

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm speech therapists jaħdmu mad-diviżjoni tas-saħħa bħalissa? Kemm suppost hu l-complement? Billi hemm numru ta' speech therapists gradwati li qed jaħdmu mal-privat, hemm il-ħsieb li jiġu mpjegati speech therapists fil-futur qarib? Meta kien l-aħħar li ħarġet sejħa biex jiġu impjegati speech therapists?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru fil-gradi kollha ta' Speech Therapist li jaħdmu mad-Diviżjoni tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' huwa ta' 54. Qed jittieħdu passi mal-Public Service Commission biex mill-aħħar sejħa għall-applikazzjoni li ħarġet fis-6 ta' Novembru 2006 fejn kienu ġew impjegati sitt Speech Therapists jiġu mpjegati disa' Speech Therapists oħra.

B'Kara Health Centre — Diabetic clinic

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemm xi ċans li jibda jsir diabetic clinic fil-Health Centre ta' B'Kara minflok dak tal-Mosta biss?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fil-preżent klinika tad-dijabete fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' B'Kara ma tistax tinfetaħ minħabba li jeżisti nuqqas ta' tobba li jaħdmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa.

L-Ibraġġ — Ġibjun

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa wara rapporti li l-Kunsill Lokali tas-Swieqi qed jgħid li għamel mad-dipartiment tiegħek dwar ġibjun li hemm fejn hija proġettata li ssir Triq il-Wejba f'Ta' l-Ibraġġ li qed ikun mimli ilma nfettat bl-insetti għad-detriment tar-residenti fl-inħawi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika kien irċieva lment minn għand il-Kunsill Lokali Swieqi fil-25 ta' Lulju 2005. Saru l-investigazzjonijiet neċessarji, għalkemm ma kienx instab is-sid. Wara li ġie magħruf, inħareġ avviż lis-sid in kwistjoni sabiex jitneħħa l-inkonvenjent. Fl-20 ta' Marzu 2006 ġie konfermat minn uffiċċjal ta' dan id-Dipartiment li l-inkonvenjent tneħħa. Risposta dwar dan ingħatat lill-Kunsilli Lokali Swieqi fl-istess ġurnata. Dwar is-sitwazzjoni preżenti referuta fil-Mistoqsija Parlamentari saret spezjoni nhar il-Ġimgħa 25 ta' Mejju 2007 u reġa' ġie nnotat xi ilma qiegħed fil-ġiebja li tinsab fit-Triq il-Wejba Ibraġ. Għalhekk, inħareġ avviż ieħor lis-sid sabiex jitneħħa l-inkonvenjent. Azzjoni legali tittieħed fin-nuqqas.

Telefonija ċellulari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-antenna li jitwaħħlu minn kumpanniji tat-telefonija ċellulari fuq bjut ta' proprjeta' privata hux qed tkun iċċertifikata li tagħmel ħsara lis-saħħa tan-nies mill-aspett ta' radjazzjoni, eċċ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26394, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li testijiet dwar l-antenna li jitwaħħlu minn kumpaniji tat-telefonija ċellulari isiru mill-Malta Communications Authority bħala l-Awtorita` kompetenti u mhux mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Għal aktar dettalji fuq kif isiru dawn it-testijiet nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant tirreferi lill-Ministru responsabbli mill-Malta Communications Authority.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat mill-ministeru u enti li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Għal liema xogħol/servizzi nħareġ kull wieħed minnhom? X'kien il-valur ta' kull wieħed u min ġie awarded dawn id-direct orders?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ċimiterju — Tfiegħ ta' materjal

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir kontroll peress li qiegħed jintefa' materjal minn numru ta' trakkijiet fiċ-ċimiterju ta' Marija Addolorata min-naħa ta' wara ta' Luqa Rd? Jista' jsir xi rimedju?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart u materjal ieħor li joħroġ miċ-ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata bħala riżultat ta' tindif ġenerali taċ-ċimiterju u ta' l-oqbra, kif ukoll minn xogħolijiet oħra fl-istess ċimiterju jiġu depożitati fi skips approvati u mikrija apposta għall-ġar u rimi ta' skart. Xi materjal li jista' jkun qed jintefa fin-naħa ta' wara, mal-konfini taċ-ċimiterju (jiġifieri lejn Luqa Road), qed jintefa b'mod illegali u għalhekk huwa suġġett għall-infurzar tal-liġi.

SVPR — Air conditioner

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir air conditioner fis-sala 7/8 ta' l-irġiel San Vincenz de Paule peress li l-anzjani qed ibatu minn sħana kbira?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li bħalisa qed isiru l-proċeduri biex tiġi nstallata sistema ġdida ta' arja kundizzjonata fis-Sala 7/8 ta' l-Irġiel fir-residenza San Vinċenz de Paul. Id-dokumenti kollha qegħdin id-Dipartiment tal-Kuntratti biex tiġi ppublikata t-tender.

Każ ta' familja

Question

Jista' l-Ministru jara li l-każ ta' familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament jiġi rivedut, billi l-qagħda ta' saħħithom marret lura u jixtiequ aktar għajnuna mill-helper?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi ser jiġi rivedut fiċ-ċirkustanzi preżenti.

Virus tal-HIV

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mis-46,000 testijiet li saru għal verifika dwar il-marda ta' l-AIDS, bejn is-sena 2000 u 2007 nstabu pożittivi għal virus ta' l-HIV? Jista' jagħti sena b'sena, mis-sena 2000 sa 2007, kemm-il test sar kull sena u kemm instabu minn dawn it-test pożittiv għall-virus ta' l-HIV? Jista' jgħid x'inhi s-sitwazzjoni kurrenti, i.e. kemm persuni qed jiġu nfettati kull sena u x'inhuwa t-total ta' dawk il-pazjenti li llum qed isofru mill-marda ta' l-HIV jew l-AIDS?

Response (DEGUARA, LOUIS)

nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar in-numru ta' każijiet ta' AIDS u HIV bejn l-2000 u April 2007 huwa kif ġej SENA AIDS HIV 2000 3 - 2001 1 - 2002 4 - 2003 4 - 2004 2 15 2005 3 16 2006 6 23 2007 (sa 30 ta' April 2007) - 8

Xogħol ta' tattooist

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk biex persuna tkun tista' tagħmel xogħol ta' tattooist tinħtieġx xi permessi partikolari mid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant illi dan ix-xogħol huwa kkontrollat permezz ta' Kap 270 (Att dwar il-Kontroll tat-Tattoo) li tistipola illi biex persuna tippratika bħala tattooist irid ikollha liċenzja maħruġa mill-Ministru tas-Saħħa.

Unpaid/study leave

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26009 u jgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tiegħu li qegħdin fuq unpaid leave jew study leave? F'kull każ kemm ilhom fuq unpaid leave jew study leave u x'inhu l-grad tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta tkun lesta.

Sptar San Luqa — Parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm tħallas il-kumpanija lid-diviżjoni tas-saħħa li qed tmexxi is-sistema ta' parkeġġ fl-Isptar San Luqa? Min hi din il-kumpanija? Meta jsiru clamping tal-karozzi fl-Isptar kemm tieħu l-kumpanija u kemm tieħu d-diviżjoni tas-saħħa? Meta sar il-kuntratt ma' din il-kumpanija u minn min sar? Hemm perjodu taż-żmien meta dan il-kuntratt jeskadi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-dħul li jirċievi l-isptar San Luqa għan-nom tad-Diviżjoni tas-Saħħa mingħand il-Kunsill Lokali tal-Pieta hu kif qed jiġi muri hawn taħt: 1. Lm16,773 fis-sena (għall-użu tal-Car Park, deprezzament tal-apparat, manutenzjoni, kif ukoll spejjeż oħra) 2. 40% share tan-Net Profit li jiġi determinat wara li jitnaqqsu l-ispejjeż min-Net Revenue (jiġifieri Gross Income less VAT). Il-kumpanija li timmaniġġja t-traffiku fl-isptar San Luqa għan-nom tal-Kunsilli Lokali tal-Pieta hija C.T. Park Limited. Il-flus kollha li jinġabru kif ukoll l-ispejjez kollha tal-clamping jittieħdu mill-kumpanija C.T. Park Limited. Il-kuntratt ġie ffirmat fil-15 ta' Novembru 2004, u sar bejn il-Kunsill Lokali tal-Pieta u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tas-Saħħa. Dan l-imsemmi kuntratt jiskadi fil-11 ta' Novembru 2008.

Sptar San Luqa — Uffiċjali tas-sigurta'

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk l-uffiċjali tas-sigurta' li hemm fl-Isptar San Luqa hux se jmorru jaħdmu fl-isptar l-ġdid meta dan jibda jiffunzjona? Huwa vera li s-sigurta fl-isptar l-ġdid se tingħata lil privat? Jekk iva, x'se jsir mill-uffiċjali li hemm fl-Isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-servizz ta' sigurta' fl-isptar Mater Dei ser jingħata lill-privat. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24935 (seduta 514).

Wied il-Għajn — Grieden

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli t-taqsima inkarigata tmur tagħmel valenu fl-inħawi ta' Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn partikolarment minħabba l-ammont kbir ta' ġrieden li hemm u li qed idejjaq ir-residenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat illi l-ħaddiema tal-Pest Control Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għamel trattament intensiv fl-inħawi msemmija, llum 24 ta' Mejju 2007. Din iż-żona ser tinżamm taħt sorveljanza minn din is-sezzjoni.

Sptar San Luqa — Security officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm security officers jew impjegati oħra fis-servizz pubbliku li qed jagħmlu xogħol ta' security officers fl-Isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ammont ta' Uffiċjali tas-Sigurta' li qed jagħmlu xogħol fl-isptar San Luqa jammonta għal 60 persuna. Biss dawn ifornu wkoll iċ-Ċentri tas-Saħħa u l-isptarijiet l-oħra tal-Gvern meta dawn ikollhom uffiċjali tas-Sigurta' nieqsa.

Spiżeriji tal-Gvern — Pilloli out of stock

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25413 u jgħid kemm kien hemm pilloli out of stock fl-ispiżeriji tal-gvern fix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu u April 2007?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta li jmiss.

Mard tad-Dijabete

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25409 u jgħid kemm hawn persuni dijabetiċi u kemm minnhom huma ta' eta' minn sena sa 18-il sena, sena b'sena, jiġifieri kemm ta' sena, kemm ta' sentejn, eċċ.?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Ħaddiema li jieħdu allowance

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jieħdu xi forma ta' allowance? X'inhu l-grad u x'inhi r-raġuni wara dan l-allowance?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-impjegati kollha fil-gradi professjonali u tekniċi għandhom xi forma ta' allowance, min għal ħaġa u min għall-oħra. Dan joħroġ mill-ftehim kollettiv tad-diversi ħaddiema. Hawn allowances oħra stipulati mill-PSMC u min-natura tax-xogħol, eż. shift allowance. Ma narax ir-raġuni għalfejn l-Onor Interpellant qed jitlob din l-informazzjoni li tirrikjedi ammont kbir ta' ħin ta' xogħol biex tiġi miġbura fil-format mitlub mill-istess Interpellant.