Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #36555 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2002 kienx hemm każi fejn pulizija li skortaw immigranti illegali bl-ajru lejn pajjiżhom tħallsu extra minħabba sigħat żejda li jkunu ħadmu? Kemm kien hemm pulizija involuti? Ta' liema rank? X'inhi s-somma involuta? Il-flus dovuti tħallsu kollha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s`issa ġiet imħallsa s-somma ta` Lm491.10 lil 23 membru tal-Korp (7 surġenti u 16 kuntistabbli) tas-sigħat żejda li nħadmu matul din is-sena sabiex ikunu skortati immigranti illegali lejn pajjiżhom. Infurmat ukoll illi din iċ-ċifra tkopri sa l-aħħar ta` Settembru peress li l-overtime jitħallas b`xahrejn lura.
Leg 9 PQ #36556 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux qed isiru diskussjonijiet ma' pajjiżi ġirien tagħna bħall-Italja, il-Libja u t-Tuneżija biex naraw kif jistgħu jiġu ikkontrollati l-vjaġġi ta' immigranti illegali speċjalment mill-post tat-tluq? Jista' jagħti tagħrif dwar x'laqgħat bħal dawn saru fis-sena 2001 u 2002 s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Fis-sena 2001, il-Gvern preżenti ħa l-inizjattiva biex jagħmel kuntatt diplomatiku ma` diversi pajjiżi ġirien tagħna. Fil-fatt tlesta abbozz ta` ftehim ta` riammissjoni li ntbgħat lil numru ta` pajjiżi. Dawn il-kuntatti għadhom għaddejjin u fil-fatt is-suġġett ta` l-immigrazzjoni tqanqal kemm f`laqgħat multilaterali, partikolarment: - il-laqgħa tal-Ministru ta` l-Intern tac-CIMO (Mediterran tal-Punent) kemm fuq livell Ministerjali fil-laqgħa ta` Tripoli f`Lulju li għadda u kemm fil-laqgħat tas-'Senior Officials' li jsiru fuq bażi regolari; - il-laqgħa f`Tuneż aktar kmieni dax-xahar fl-ambitu tal-5+5 f`liema laqgħa attendew ukoll rappreżentanti ta` l-IOM u l-Kummissjoni Ewropea; - u fuq livell bilaterali, fosthom il-Mixed Commission Malta - Tunisia. Fil-21 ta` Settembru delegazzjoni Libjana ġiet Malta għal taħdidiet li matulhom ġie reġistrat progress fuq abbozz ta` ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi.
Leg 9 PQ #37099 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Pender Place u Mercury House - Ħruġ ta' permessi

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-development brief għal Pender Place u Mercury House li għadu kif inħareġ mill-MEPA?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tad-development brief għal Pender Place u Mercury House. Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (www.mepa.org.mt).
Leg 9 PQ #36516 Sitting 820 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Kaċċa

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk f'każ li 'l quddiem il-kumitat ORNIS jiddeċċiedi li qed ikun hemm tnaqqis serju f'xi speċi ta' tajra li tista' tiġ ikkaċċjata dan il-kumitat jistax jordna illi l-kaċċa fuq dan l-ispeċi tieqaf?

Response (BORG, TONIO)

In-numru ta` għasafar li jinqabdu f`Malta huwa żgħir. L-għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati f`pajjiżna jiġu ikkaċċjati fil-15-il pajjiż tal-UE. Barra minn hekk din hi mistoqsija ipotetika u allura kull risposta li tista` tingħata tkun ipotetika ukoll.
Leg 9 PQ #36553 Sitting 820 2002-11-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

AFM

Question

B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija 36029 kif jista' il-Ministru jgħid li kollox kien normali fuq it-titjira meta l-Armata ammettiet f'mistoqsija oħra tiegħi li l-lembuba tas-suldati kienet nieqsa għal xi ħin u saret tfittxija għaliha? Kif jista' s-superintendent inkarigat jirraporta dan?

Response (BORG, TONIO)

M`hemm xejn x`jiżdied mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36027.
Leg 9 PQ #36554 Sitting 820 2002-11-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallas s'issa l-korp tal-pulizija lill-Air Malta bħala spejjeż għall-vjaġġi li saru biex iwasslu lura f'pajjiżhom immigranti ilegali? Kemm-il darba ġie mikri ajruplan sħiħ u għal fejn? Kemm sewa kull darba? Kemm-il darba tħallas ta' immigranti illegali wieħed u fi gruppi? Jista' jagħti l-figuri mill-1 ta' Jannar 2002 s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħlas kollu li sar mill-1 ta` Jannar 2002 s`issa mid-Dipartiment tal-Pulizija lill-Air Malta għal ġarr ta` immigranti illegali lejn pajjiżhom huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li ġew mikrija ħames ajruplani chartered, erba` għall-Eritrea li swew Lm16,759 kull wieħed u ieħor għall-Eġittu li sewa Lm11,365.
Leg 9 PQ #37187 Sitting 820 2002-11-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Karta ta' l-identita' — Tiġdid

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jara għalfejn il-persuna li d-dettalji tagħha qed nehmez under separate cover u li hu anzjan ta’ 91 sena u bedridden, baqgħu ma marux id-dar tiegħu biex iġeddulu l-ID card? X'inhi r-raġuni li meta ċċempel waħda mill-qraba tiegħu qed jgħidulha "li jridu jgħaqqdu 4 flimkien" meta suppost li l-proċess ta' tiġdid ta' l-ID cards f'dan il-post issa ilu li spiċċa u suppost li s'issa jafu bil-morda u anzjani li jridu jmorru għandhom id-dar? Possibbli jittieħdu l-passi neċessarji biex lil dan l-anzjan issirlu l-ID card?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-residenza tal-persuna msemmija hija f`lokalita` li t-tiġdid għaliha sar f`April ta` din is-sena. Dawk kollha irrappurtati bħala housebound f`din il-lokalita` sarilhom it-tiġdid fid-dar privata tagħhom fi żmien raġonevoli. Iżda l-persuna msemmija kienet irrappurtata ferm tard, eżattament wara nofs Ottubru, 2002. Infurmat ukoll illi l-Uffiċċju Elettorali ser jieħu ħsieb jagħmel dan it-tiġdid partikolari iżda ta` min jgħid li l-karta ta` l-identita` li għandha fil-pussess tagħha din il-persuna għadha valida għall-finijiet kollha tal-liġi f`Malta.
Leg 9 PQ #35971 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Prostituzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jitlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni din is-sena? Kemm minn dawn kienu nisa, irġiel u/jew taħt l-eta'? Fejn inqabdu jitlajjaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena tressqu quddiem il-Qorti 36 persuna, bosta minnhom diversi drabi, fuq akkużi relatati ma` prostituzzjoni fil-Gżira, Marsa u Msida. Ħadd minn dawn ma kien taħt l'eta`, filwaqt li erba` kienu rġiel.
Leg 9 PQ #35973 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Qorti — Prostituzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tressqu nisa barranin il-qorti fuq prostituzzjoni u/jew atti oxxeni fil-pubbliku din is-sena? Ta' liema nazzjonalita' kienu? Kemm kienu nisa u kemm irġiel?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena tressqu quddiem il-Qorti ħames persuni ta` nazzjonalita` Ukraina fuq tlajjar għal skop ta` prostituzzjoni. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi dawn kienu kollha nisa.
Leg 9 PQ #35975 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Kaċċa Illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu kaċċaturi allegatament jiksru l-liġi din is-sena? X'kien ir-reat u x'weħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena ittellgħu 203 persuna l-Qorti bi ksur tar-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħarsien ta` l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta` l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta` Speċi Protetti u Riservi Naturali; u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66). Infurmat ukoll illi l-eżitu ta` dawn il-każijiet hu kif ġej: - 78 misjuba ħatja, 26 illiberati, filwaqt li l-bqija tal-każijiet għadhom sub judice. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata.
Leg 9 PQ #37115 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Tenders

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 36654, jista' l-Ministru jgħid jekk għall-Immunology Analyser fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin intalbux offerti oħrajn barra dik ta' Vivian Corporation? Jekk iva, ta' min kienu u kemm kien il-prezz ikkwotat? Jekk le, x'inhuma r-raġunijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn ħames ditti lokali li intalbu jagħmlu offerti għal Immunology Analyser, kienu biss żewġ kumpaniji li irriżulta li setgħu jisuplixxu din il-magna. Dawn kienu Vivian Corporation u Cherubino Ltd. Il-prezz ikkwotat kien ta` Lm19,435 u ta` Lm19,095 rispettivament. Madanakollu l-offerta ta` Cherubino Ltd kienet tispeċifika li l-ordni għar-reagents biex titħaddem din il-magna trid tkun għal sena, bil-konsegwenza li ħafna minn dawn ir-reagents jiġu expired wara sitt xhur. Dan iż-żmien huwa il-ħajja normali ta` dawn ir-reagents. L-offerta ta` Vivian Corporation ma kinetx tispeċifika ammont li kellu jiġi ordnat u għalhekk seta` jinxtara ammont ta` reagents fi kwantitajiet żgħar.
Leg 9 PQ #37116 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Tenders

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentri numru 36654, jista' l-Ministru jgħid jekk għar-re-configuration of locks fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin intalbux offerti oħrajn barra dik ta' Messrs. Philip Toledo? Jekk iva, ta' min kienu u kemm kien il-prezz ikkwotat? Jekk le, x'inhuma r-raġunijiet? Jista' l-Ministru jgħid għaliex saret ir-re-configuration tal-locks bi spiża ta' Lm 7,417 meta ftit żmien qabel inxtrat sistema ta' katnazzi bil-prezz ta' Lm 6,537.16? Jista' l-Ministru jispjega kif ir-re-configuration tal-locks tiswa aktar mis-sistema ta' katnazzi? Jista' l-Ministru jiġġustifika nefqa ta' kważi Lm 14,000 fuq sistema ta' katnazzi u re-configuration tal-locks?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għar-re-configuration of locks ma intalbet ebda offerta. Dan għaliex dan ix-xogħol kien ta tibdil minn partijiet ta` locks diġa` imwaħħla u mhux tibdil ta` locks f`oħrajn ġodda. Għaldaqstant bilfors kellhom jinġiebu il-partijiet neċessarji mill-istess ditta li forniet is-serraturi oriġinarjament. Fir-rigward tas-sistemi ta` katnazzi u serraturi ninsab infurmat illi dawn ma għandhom x`jaqsmu xejn ma` xulxin. Il-katnazzi jintużaw fiċ-ċelel, filwaqt li s-serraturi jintużaw għal bibien l-oħra tal-ħabs. Il-katnazzi l-ġodda eliminaw l-użu ta` madwar 200 ċavetta differenti, għax bis-sistema l-ġdida in-numru ta` ċwievet hu ta` 20.
Leg 9 PQ #37117 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Tenders

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 36654, jista' l-Ministru jispjega għaliex għas-sistema ta' audio recording system bi spiża ta' Lm 8295 il-kuntratt ħareġ b'tender filwaqt li għall-immunology analyser bi spiża ta' Lm 19,435 il-kuntratt ħareġ b'direct order?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi filwaqt li għas-sistema ta` audio recording system seta jinħareġ Tender, minn naħa l-oħra ma setax jinħareġ Tender għall-Immunology Analyser. Dan peress li dan l-apparat jiġi utilizat bilfors skond ir-regolamenti tal-Ħabs. L-awtoritajiet tal-Ħabs ġew infurmati mill-manifatturi tal-magna li kienet qed tintuża li ma kienux ser ikomplu jipprovdu reagents, consumables u spare parts u għalhekk il-magna ma setgħetx tintuża aktar. Kien għalhekk l-urġenza li tinħareġ din id-direct order.
Leg 9 PQ #37118 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Tenders

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 36654 u billi l-approvazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi tingħata biss wara li d-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi jkun għamel l-għażla tal-kumpanniji, jista' l-Ministru jgħid min mid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi kien jew kienu responsabbli mill-għażliet tal-kumpanniji li saru fil-każ tad-direct order ta' l-immunology analyser u tar-re-configuration of locks?

Response (BORG, TONIO)

Fir-rigward ta` Re-Configuration of locks nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 37116. Fir-rigward ta` Immunology Analyser kien ġie ikkunsultat il-Professur Richard Muscat li huwa il-Head of Neuro Science & Faculty of Medicine & Surgery ta` l-Universita` ta` Malta.
Leg 9 PQ #35964 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Liċenzji tal-Kaċċa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni bejn it-18 u l-21 sena li għandhom liċenzji tal-kaċċa u kemm hemm pendenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 565 persuna taħt il-21 sena li għandhom liċenzja sabiex iġorru arma tan-nar għal kaċċa, filwaqt li 132 oħra għandhom l-applikazzjoni tagħhom qed tkun proċessata.
Leg 9 PQ #35966 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Atti Oxxeni fil-Pubbliku

Question

Billi fi Ġnien il-Kunsill ta' l-Ewropa, il-Gzira ta' kuljum bil-lejl qegħdin isiru atti oxxeni fil-pubbliku, jista` l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni mill-pulizija din is-sena f'dan il-post?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena tressqu quddiem il-Qorti 23 persuna fuq akkużi ta` tlajjar għal skop ta` prostituzzjoni fl-inħawi tal-Gżira. Barra dan kien hemm każ ta` persuna li tressqet il-Qorti fuq akkuża kontra l-pudur fil-ġnien imsemmi mill-Onor. Interpellant. Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed tagħmel ronda fl-inħawi sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm abbużi.
Leg 9 PQ #35967 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Tappjar ta' Telefons

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm il-darba huwa awtorizza ttappjar ta' telefons minn servizz sigrieti din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8273.
Leg 9 PQ #36464 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid isirx xi screening speċjali meta jidħlu immigranti illegali biex jiġi żgurat li fosthom m'hemmx terroristi jew kriminali magħrufa? Jekk fl-affermattiv kif isir?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hekk kif tkun stabbilita` l-identita` tal-persuna li tkun daħlet Malta illegalment, il-Pulizija tagħmel il-verifiki meħtieġa.
Leg 9 PQ #36465 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Immigranti Illegali

Question

Minbarra affarijiet bażiċi li jingħataw lill-immigranti illegali, jista' il-Ministru jgħid jekk dawk li jdumu hawn jingħatawx xi tagħlim basiku per eżempju ta' l-Ingliż biex ikun jista' jgħinhom jekk it-talba tagħhom tintlaqa'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jingħatax tagħlim kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Pero` fil-futur qarib it-tfal ser jingħataw opportunita` jattendu l-iskola. Dan il-pjan qed jinħadem mill-Illegal Immigrants Steering Committee li twaqqaf fi ħdan il-Ministeru ta` l-Intern u l-Ambjent fit-12 ta` Awissu li għadda. Dal-Kumitat hu magħmul minn rappreżentanti ta` NGO`s u dipartimenti tal-Gvern.
Leg 9 PQ #36466 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm tfal li bħalissa huma ikkunsidrati ukoll bħala immigranti illegali? X'inhuma l-akbar u l-iżgħar eta' tagħhom? X'qed isir biex dawn it-tfal jkunu jistgħu jitgħallmu x'ħaġa u jingħataw xi ħaġa biex ikunu jistgħu jilgħabu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fost il-persuni li qed jinżammu mill-Awtoritajiet tas-Sigurta` minħabba li daħlu Malta llegalment, hemm 110 li huma tfal. L-iżgħar fosthom hija tarbija li twieldet Malta ftit tal-jiem ilu u l-akbar hija ta` 16-il sena. Infurmat ukoll illi għalkemm fil-preżent dawn għadhom mhux qed jingħataw tagħlim, qed isiru arranġamenti sabiex dawn it-tfal ikunu jistgħu jibdew jattendu l-iskola. Dawn it-tfal ġew mogħtija diversi ġugarelli kemm minn għaqdiet kif ukoll mill-pubbliku.