Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #18358 Sitting 378 2006-04-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru - kif ġentilment għamel il-Prim Ministru - jagħti tagħrif dwar l-infiq tal-ministeru, korporazzjonijiet, azjendi, enti u dipartimenti li jaqgħu taħtu, fuq mobile phones fis-sena 2005?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-ispiża totali fuq mobile phones fis-sena 2005 tilħaq Lm 63,614.86, liema spiża tinkludi l-Ambaxxati kollha ta' Malta, phone cards użati waqt iċ-CHOGM u mill-MIC, id-Diretturi kollha tal-Ministeru, linja partikulari li ntużat waqt il-ħidma konsulari rigward it-Tsunami, linja li tintuża waqt żjarat minn dinjitarji barranin u mid-Duty Officer, is-Segretarjat tiegħi u s-Segretarju Permanenti.

Affarijiet Barranin — Rigali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17614, ma jħossx il-Ministru li hu fid-dmir li jagħti l-informazzjoni mitluba ladarba r-rigali jinxtraw minn fondi pubbliċi? F'każ li fl-affermattiv, jista' jagħti l-informazzjoni mitluba?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ir-rigali tagħna jkunu jew kotba jew oġġetti żgħar tradizzjonali. Naturalment kollox isir skond ir-regoli normali tas-servizz pubbliku. L-istess tip ta' rigali jingħataw b'reċiproċita meta jkun il-każ. Minħabba n-natura tal-ħidma tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin mhuwiex possibbli jew prattiku li tinġabar din l-informazzjoni mill-2003 sa' llum. Pero', biex inserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant li kollox isir skond il-budgets allokati tlabt lid-dipartiment konċernat fil-Ministeru biex jibda l-proċess ta' ġbir ta' din l-informazzjoni għal dan l-aħħar sentejn.
Leg 10 PQ #18128 Sitting 376 2006-04-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ibħra Maltin għas-sajd

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati bejn il-Gvern Malti u dak Libjan dwar il-problemi li żviluppaw għas-sajjieda lokali wara li l-Libja estendiet l-ibħra tas-sajd tagħha?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Dawn id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin u l-materja ser tiġi diskussa wkoll fiż-żjara li l-Ministru responsabbli mis-sajd George Pullicino fil-Libja fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 10 PQ #18207 Sitting 376 2006-04-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Double Taxation Agreement

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji sħaħ dwar it-taħditiet li saru s'issa dwar id-double taxation agreement ma' l-Istati Uniti miż-żjara tal-Prim Ministru f'Washington sal-lum?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-materja bejn Malta u l-Istati Uniti tad-Double Taxation Agreement ħadet spinta 'l quddiem waqt iż-żjara tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi f'Washington. F'dik l-okkażżjoni l-President Bush ta sinjal ċar tax-xewqa tiegħu li jara l-bidu tat-taħdidiet. Immedjatament wara din il-laqgħa tal-Prim Ministru mal-President Bush, jiena kelli, kif ippjanat, laqgħa fid-dipartiment tat-Teżor mad-Deputy Secretary Robert Kimmit, fejn saru diskussjonijiet fl-istess spirtu pożittiv. Sussegwentement il-kuntatti komplew għaddejin bejn id-Dipartiment tat-Taxxi Interni ta' Malta u l-US Department of Treasury. L-Ambaxxatur Malti f'Washington kellu wkoll laqgħat ma' diversi membri tas-Senat Amerikan, Malta ġiet ukoll mwegħda appoġġ għall-ħidma tagħha sabiex jintlaħaq ftehim fuq dan it-Trattat, speċjalment meta dan jiġi quddiem il-Kumitat ta' l-Affarijiet Barranin tas-Senat għall-konferma. Din il-materja tqajmet ukoll minni f'laqgħa mas-Senatur Lugar. Taħdidiet uffiċċjali mistennija li jsiru f'Washington bejn il-25 u s-26 ta' April 2006.
Leg 10 PQ #18215 Sitting 376 2006-04-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Żjara tal-Ministru fil-Libja

Question

F'press release bid-data 8 ta' Marzu 2006 wara ż-żjara tiegħek fil-Libja, intqal li hu maħsub li jkun hemm għadd ta' żjarat ministerjali u mawriet ta' timijiet tekniċi li kienu mistennija jwasslu għal ftehim u inizjattivi bejn Malta u l-Libja f'setturi varji, fosthom ix-xiri taż-żejt u prodotti relatati, kif ukoll il-mawra tal-Kurunell Qaddafi f'Malta xi progress kien hemm f'dan ir-rigward s'issa? X'passi ttieħdu dwar dak li inti aċċennajt għalih bħala review tal-ftehim ta' koperazzjoni mal-Libja ta' l-1984? Ġew issuġġeriti xi dati għall-mawra ta' Qaddafi f'Malta?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Membru li d-dettalji taż-żjara uffiċċjali tiegħi fil-Libja mid-19 sal-21 ta' Jannar 2006 ġew ippubblikati fl-istqarrija tad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni ta' nhar is-Sibt 21 ta' Jannar 2006 [Riferenza DOI 73]. L-Onorevoli Tonio Borg, Viċi-Prim Ministru u Ministru għall-Ġustizzja u l-Intern, żar il-Libja u ltaqa ma' l-E.T. M Naser Al-Mabrouk Abdulla, Segretarju Libjan għas-Sigurta' Pubblika, nhar l-14 sas-16 ta' Frar 2006. Matul din iż-żjara, huma ddiskutew l-aħjar mod kif iż-żewġ pajjiżi ħbieb u ġirien jistgħu jsaħħu l-koperazzjoni ta' bejniethom fil-kuntest tal-fenomenu ta' l-immigrazzjoni llegali u kif iż-żewġ naħat jistgħu jikkoperaw aktar mill-qrib fi ġlied kontra l-kriminalita' organiżżata u t-terroriżmu. Huwa ppjanat li, fil-ġimgħat li ġejjin, ikun hemm żjarat mill-Ministru George Pullicino u mill Ministru Ċensu Galea. Dan qed isir fl-isfond ta' tisħiħ tad-djalogu politiku f'diversi oqsma inkluż l-edukazzjoni u l-agrikoltura u s-sajd. F'Lulju ta' l-2005, il-Mexxej Libjan aċċetta formalment bil-ferħ l-istedina tal-Gvern ta' Malta sabiex jagħmel żjara statali f'Malta. Nixtieq ukoll intenni l-ftehim politiku li jeżisti bejn il-Gvern ta' Malta u dak tal-Libja sabiex ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu dejjem jissaħħu għal ġid u benefiċċju tal-poplu Malti u dak Libjan.
Leg 10 PQ #18169 Sitting 373 2006-04-03 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Uffiċċju ta' rappreżentanza fi Brussell

Question

Jista' il-Ministru jispjega kif fondi biex jinfetaħ uffiċċju ta' rappreżentanza fi Brussels mhux se jinfetaħ u mbagħad il-kariga ta' konslu f'Toronto qed jissemma isem ta' persuna li tgħix Malta u li din se tiġi assenjata dan ix-xogħol ta' rappreżentanza li se jiswa ħafna iktar flus il-poplu li kieku jiġi maħtur persuna Maltija minn fost il-Maltin f'Toronto, Canada?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Ir-risposta tigħata f`seduta oħra.

Affarijiet Barranin — Rigali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq rigali li ngħataw minnu jew mill-istaff privat tiegħu, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, matul l-2003, 2004, 2005 u minn Jannar 2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid lil min ingħataw, fiex kien jikkonsisti r-rigal li ngħataw, kemm qam flus, minfejn inxtara u min approva x-xiri tiegħu? Jista' jgħid x'rigal ingħata hu bħala Ministru b'reċiproċita'?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ir-rigali tagħna jkunu jew kotba jew oġġetti żgħar tradizzjonali. L-istess japplika għal dawk li jingħataw b'reċiproċita meta jkun il-każ. Mhuwiex possibbli jew prattiku li tinġabar din l-informazzjoni mill-2003 sa' llum. Kollox isir skond ir-regoli normali tas-servizz pubbliku.
Leg 10 PQ #17743 Sitting 369 2006-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Overseas development fund

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm nefaq il-gvern fis-snin 2004 u 2005 fuq boroż ta' studju u għotjiet lill-istudenti u tqies bħala overseas development fund?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Universita` ta` Malta eżentat numru ta` studenti minn pajjiżi eliġibbli għall-Overseas Development Assistance milli jħallsu għall-edukazzjoni terzjarja tagħhom. Għas-sena skolastika 2004-2005 , dan l-ammont wassal għal Lm54,600.
Leg 10 PQ #17865 Sitting 369 2006-03-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija f'Ginevra

Question

Huwa minnu li hemm ħsieb li tintbagħat Genevra fl-Ambaxxata Maltija persuna li la hi esperta tal-Ġnus Magħquda jew tad-WTO u lanqas hija membru tal-korp diplomatiku?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-Onorevoli Interpellant qed jassumi affarijiet mhux minnhom. Persuna speċjaliżżata qed tintbagħat fil-Missjoni ta' Malta f'Ġinevra fuq 'assignment' ta' sena dwar materji li jikkonċernaw il-kummerċ dinji u id-WTO. L-istess persuna ilha żmien twil responsabbli mis-suġġett fi ħdan il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin. Din il-persuna kkoordinat l-pożizzjoni ta' Malta fuq diversi suġġetti b'rabta mad-WTO u aspetti ta' kummerċ internazzjonali.
Leg 10 PQ #17894 Sitting 369 2006-03-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17624 u jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet matul l-2005?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Matul l-2005 il-Ministeru, l-Ambaxxati u l-enti li jaqgħu taħtu krew sittax-il karozza bi spiża totali ta' Lm13,423.61
Leg 10 PQ #17731 Sitting 368 2006-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Overseas development fund

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' debt relief li għamel il-gvern ma' pajjiżi oħra fis-snin 2004 u 2005 u tqies overseas development aid?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Fis-sena 2004, ma' kien hemm l-ebda ammont ta' flus li tqies bħala debt relief fl-overseas development assistance. Fis-sena 2005, inħafer dejn ta' Lm2.8 miljun lill-Iraq.
Leg 10 PQ #17733 Sitting 368 2006-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Overseas development aid

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm fis-snin 2004 u 2005 il-gvern ta għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi oħra, liema għajnuna tqieset overseas development aid?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għajnuna bilaterali li l-Gvern ta lill-pajjiżi sottożviluppati fis-sena 2004 kienet lill-Iran u dan għal raġuni umanitarja sussegwenti għal traġedja naturali.. Bl-għajnuna tad-Dipartiment għall- Protezzjoni Ċivili, inġabru mas-6,000 kutra li ntbagħtu f` containers. Dan kien jammonta għal xi Lm6,000. Għas-sena 2005, il-Gvern amministra madwar Lm477,673 li nġabru mill-Istrina u li qed jintużaw fi proġetti ta` rikostruzzjoni ġewwa s-Sri Lanka. Iktar informazzjoni dwar infieq ta` flus minn entitajiet differenti tal-Gvern għas-sena 2005 għadha qed tinġabar.
Leg 10 PQ #17740 Sitting 368 2006-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Refuġjati

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont finanzjarju li l-gvern nefaq fuq ir-refuġjati fis-snin 2004, 2005 u tqies bħala overseas development aid?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-ammont li l-Gvern nefaq fis-sena 2004 (Jannar 2004 - Diċembru 2004) fuq l-assistenza umanitarja lill-immigranti illegali li niżlu ġewwa xtutna (u li mhux bilfors kienu refuġjati jew ingħataw status ta' refuġjat) kienet ta' Lm1,474,729. Din is-somma tinkludi transport, assistenza medika, ikel, sigurta' u nfieq għar-ripatrijazzjoni.
Leg 10 PQ #17789 Sitting 368 2006-03-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

CHOGM — Audited accounts

Question

Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra - kif wegħidt - l-audited accounts taċ-CHOGM? Jekk dawn għadhom ma ġewx finalizzati, meta mistennija li jitqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ir-rapport bl-'audited accounts' taċ-CHOGM tlesta u mistenni li jitqiegħed fuq il-Mejda tal-kamra mill-Prim Ministru fil-ġranet li ġejjin.
Leg 10 PQ #17864 Sitting 368 2006-03-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Development Policy tal-Gvern

Question

F'Jannar tas-sena l-oħra inti kont ħabbart li d-development policy tal-Gvern Malti kellha tiġi mħabbra sa tmiem is-sena li għaddiet. Għalkemm kien hemm riferenza għal dan fl-istrategic objectives tal-ministeru, huwa minnu li beħsiebek tippubblika white paper dwar dan? Jekk iva, meta se tinħareġ il-white paper kif indikajt aktar kmieni? X'fondi hemm biex din il-policy tiġi implimentata kif suppost? Xi pjani għandu l-gvern biex jinvolvi s-settur privat u l-NGOs f'dan il-qasam? Malta kemm attendiet laqgħat dwar l-iżvilupp u l-assistenza umanitarja mill-bidu tas-sena sal-lum? X'kienu dawn il-laqgħat? Min qed jattendi dawn il-laqgħat? Huwa minnu li l-gvern flok bagħat uffiċjal fi Brussels bi brief speċifiku dwar dan is-suġġett qed jibgħat żewġ uffiċjali regolarment Brussels għall-istess għan kważi kull ġimgħa?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Politika dwar assistenza umanitarja u ta' żvilupp qed tiġi formulata għall-pubblikazzjoni. Sa issa ma ġie assenjat ħadd fi Brussel dwar din il-materja li hija ttrattata direttament mill-Ministeru.
Leg 10 PQ #17754 Sitting 367 2006-03-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Stqarrija mis-sotto-segretarju Taljan

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17616, jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm il-ftehim milli jiġi finalizzat?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Peress illi l-ftehim mhux finaliżżat ma nħossx li huwa opportun illi nagħti dettalji.

Affarijiet Barranin — Karozzi

Question

Jista' il-Ministru tgħid kemm inxtraw, inkrew jew ġew leased karozzi fil-ministeru u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament bejn Ottubru sa Diċembru 2005 u mill-1 ta' Jannar sal-lum separatament? X'inhi ċ-ċilindrata ta' dawn il-karozzi u x'tip ta' fuel jużaw?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fiż-żewġ perijodi indikati nxtrat karozza waħda u dan mill-Ambaxxata ta' Malta f'Tuneż xtrat karozza xierqa rappreżentattiva. Il-karozza ta' qabel kienet inxtrat fl-1996. Matul l-istess żewġ perijodi ma nkrew jew ġew leased l-ebda karozzi ġodda.
Leg 10 PQ #17624 Sitting 365 2006-03-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Kiri ta' Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet matul l-2005?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Ir -risposta tingħata f`seduta oħra.