Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-dekasteru u dipartimenti oħra li jaqgħu taħtu? Kemm minn dawn intilfu jew nsterqu f'dawn l-aħħar 5 snin u minn liema dipartiment jew ente?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u d-dipartimenti, awtoritajiet u l-enti kollha li jaqgħu taħtu hemm 47 mobile phone. F'dawn l-aħħar 5 snin insteraq mobile wieħed mill-Ministeru u ntilfu tnejn mill-Fondazzjoni Ċentru għall-Krettivita' ta' San Ġakbu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu jservi fil-kariga ministerjali preżenti kemm kien hemm chairmen ta' kumitati, korporazzjonijiet, enti, awtoritajiet, aġenziji u korpi parastatali li jaqgħu taħtu li rriżenjaw jew talbu espressament li ma jiġux kkonsidrati mill-ġdid għall-kariga li kienu qegħdin jokkupaw? Min kienu u fejn kienu qegħdin iservu? Jista' jagħti d-dati ta' kull każ applikabbli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi iċ-chairmen li rriżenjaw jew talbu espressament biex ma jiġux kkonsidrati mill-ġdid għall-kariga tagħhom fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-enti li jaqgħu taħtu kienu kif ġej:
Is-Sur Hans Cauchi, Chairperson - Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti irriżenja fl-24 ta' Jannar 2007;
Ms Grace Borg, Chairperson - Malta Song Board irriżenjat fis-26 ta' Novembru 2005;
Is-Sur Alfred Chetcuti Chairperson - Kummisssjoni Nazzjonali Folklor irriżenja fit-22 ta' Novembru 2006;
Dr Mario Tabone Vassallo, Chairman - Orkestra Nazzjonali irriżenja f'Ottubru 2004;
Is-Sur John C. Grech, Chairman - Awtorita' Maltija tat-Turiżmu irriżenja fl-24 ta' Marzu 2004;
Is-Sur Romawald Lungaro Mifsud, Chairman - Awtorita' Maltija tat-Turiżmu irriżenja fil-31 ta' Awissu 2006;
Is-Sur Christopher Grech, Chairman - Awtorita' Maltija tat-Turiżmu talab li ma jiġix ikkonsidrat mill-ġdid għal din il-kariga fil-31 ta' Marzu 2005.
Jista' l -Ministru jgħid xi proċeduri ntużaw biex il-kumpannija li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħażel għal xogħol għall-awtorita' Maltija tat-turiżmu? Jista' jgħid ġewx avviċinati individwi/kumpanniji għall-istess xogħol? Fuq liema bażi ntagħżlet il-kumpannija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi minħabba n-natura urġenti tax-xogħol kif indikat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24267, din il-kumpannija tqabbdet permezz ta' direct order li ngħatat a bażi ta' l-esperjenza u track record eċċellenti tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid xi ħlasijiet saru jew iridu jsiru lill-kumpannija li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għax-xogħol li għamlet għall-awtorita' Maltija tat-turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-kumpannija msemmija ingħatat ħlasijiet kif ġej: Lm 742; Lm 1,000; Lm 2,318 u Lm 61 biex jiġi ppreparat rapport fuq l-istruttura tal-marketing ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu.
Dan l-inkarigu ingħata minħabba li nħass il-bżonn urġenti ta' re-engineering estensiv tal-mod kif jopera l-marketing fl-MTA biex jiġi assikurat li l-bidliet msemmija jsiru sa tmiem l-2006 sabiex jibda jinħass l-impatt immedjat tagħhom fl-2007.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-membri u chairperson tal-Malta Song Board 2005/2006 u 2006/2007?
Jista' jagħti l-ħlasijiet, salarji, allowances kollha li ħadu/jieħdu tul il-ħatra tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-proġetti turistiċi li se jsiru f'Malta u Għawdex b'fondi ta' l-Unjoni Ewropea matul din is-sena? Jista' jgħid kemm se jintnefqu fuq kull proġett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-proġetti turistiċi li l-finanzjamenti tagħhom mill-Unjoni Ewropea huwa diġa magħruf u deċiż huma kif jidher fit-tabella hawn taħt. Dawn ma jinkludux proġetti li jistgħu jiġu ko-finanzjati mill-Programm ta' Fondi Strutturali għal matul is-snin 2007-2008 kif indikat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 24086.
Isem tal-Progett
Agenzija li qed timplimenta l-progett
Valur tal-Progett
European Destinations of Excellence (European Commission – DG Enterprise and Industry, Tourism Unit)
Ministeru ghat-Turizmu u l-Kultura
Lm28,000
Jinkludi Ko-finanzjament mill-Kummissjoni Ewropea ta’ 50%
Tourism and Support Services Training Programme
(European Social Fund)
Awtorita’ Maltija ghat-Turizmu
Lm 159,300
(Lm89,598 matul 2007)
Jinkludi kofinanzjament mill-Fond Socjali Ewropew (ESF) ta’ 75%
Hagar Qim and Mnajdra Conservation and Interpretation Project
Heritage Malta
Lm 2,134,305
Jinkludi kofinanzjament mill-Fond Ewropew ghall-Izvilupp Regjonali (ERDF) ta’ 63%
Empoka
(Intelligent Energy Europe Programme)
Fondazzjoni Temi Zammit b’ghajnuna finanzjarja ta’ l-Awtorita’ Maltija ghat-Turizmu (il-progett ghandu numru ta’ partners barranin, u l-valur shih tal-progett jirrifletti l-valuri allokati lill-partners kollha)
L-ghajnuna ta’ l-MTA tammonta ghal Lm30,000 fuq it-tliet snin tal-progett 2006-2008 (Lm10,000 matul 2007)
Jinkludi Ko-finanzjament mill-Kummissjoni Ewropea ta’ 50%
Min huma l-persuni responsabbli mid-diversi segments turistiċi fl-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? Liema segments huma vakanti fit-tmexxija u kif, u meta se jimtlew dawn il-postijiet vakanti? Sakemm idumu vakanti min qed jieħu ħsieb dawn is-segments?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-uffiċjali ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu responsabbli għat-tmexxija tas-segments huma dawn:
· Dominic Micallef: Segment Head – History & Culture Segment
· Suzanne Cassar Dimech: Segment Head – MICE Segment
· Alexandra Valletta: Segment Head – Sports Segment u Language Learning Segment
· Stella Vella: Segment Co-Ordinator – Film Industry/Roots Programme
· Ian Cilia: Segment Executive – Cruise
It-tmexxija tal-Gozo Unit bħalissa tinsab vakanti u qiegħda titmexxa minn John Maistre sakemm tinħatar persnuna biex tmexxiha.
Il-Unit tal-Growth Markets huwa mmexxi minn John Maistre: Manager, filwaqt li Carlo Micallef huwa il-Head tat-Tour Operating & Leisure, fi ħdan l-International Marketing Division.
Mill-1 ta' Settembru, 2006 sa l-aħħar ta' Frar, 2007 kemm kien hemm impjegati li rriżenjaw jew intemmilhom l-impjieg tagħhom ma' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? Min kienu dawn l-impjegati u f'kull każ x'kienet ir-raġuni għat-tmiem ta' l-impjieg?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ impjegati li rriżenjaw jew intemmilhom l-impjieg tagħhom ma’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta mill-1 ta’ Settembru 2006 sa l-aħħar ta’ Frar 2007 kien ta’ sitta (6).
L-impjegati u r-raġunijiet għat-tmiem ta’ l-impjieg tagħhom kienu kif ġej:
Żewġ impjegati rriżenjaw, tnejn aċċettaw l-iskema ta’ rtirar kmieni u żewġ impjegati oħra kellhom il-kuntratt tagħhom terminat.
Jista' l-Ministru jgħid minn liema pajjiżi huma mistennija li l-low cost airlines iġibu 110,000 passiġġier matul is-sena 2007? Jista' jagħti l-istima pajjiż pajjiż?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi matul l-2007 il-linji ta' l-ajru low cost se joperaw minn dawn il-pajjiżi:
Luton, Renju Unit - Ryanair
Dublin, Irlanda - Ryanair
Pisa, Italja - Ryanair
Bologna, Italja - Meridiana
Stuttgart u Cologne, Ġermanja - German Wings
Barcelona, Spanja - Clickair
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li se jsiru f'Malta u Għawdex u li se jammontaw għal Lm4.4 miljun din is-sena biex jitjieb il-prodott turistiku? Jista' jagħti n-nefqa fuq kull proġett? Meta se jibda x-xogħol fuq kull proġett u meta se jintemm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-allokazzjoni ta’ Lm4.4 miljun għal proġetti ta’ titjib fil-prodott turistiku u kulturali Malti u Għawdxi, taħt il-budget tas-sena 2007 tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura, tirrelata mal-Fondi Strutturali 2007-2013. Għaldaqstant, f'dan l-istadju mhux prudenti li jingħataw id-dettalji mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu applikaw artisti biex jagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom għal-logo il-ġdid tal-kunsill Malti għall-kultura u l-arti? Min kienu dawn l-artisti? Jista' jgħid ukoll kif ġie deċiż li jintgħażel il-persuna li ntagħżlet għal-logo il-ġdid? Kemm se jitħallas għal dan il-logo?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi għas-sejħa pubblika li xandar għal proposti għall-logo ġdid , il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti irċieva 28-il sottomissjoni minn 28 artist differenti. Ma naħsibx li jkun etiku li jingħataw l-ismijiet ta' dawn l-artisti.
Il-Kunsill evalwa bir-reqqa s-sottomissjonijiet kollha u kkonkluda li l-ebda waħda ma kienet tesprimi l-missjoni tal-Kunsill, ċioe li jippromwovi l-Kultura u l-Arti Maltija sew f’Malta kif ukoll barra xtutna. Għalhekk, il-Kunsill iddeċida li jikkommissjona artist/diżinjatur. Ġie miftiehem li l-ħlas tal-kummissjoni ikun ta’ Lm500.
Għaliex l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu approvat li jsir żvilupp fuq il-blat tal-post Islet Promenade f'Buġibba? Meta tat l-approvazzjoni tagħha għall-qerda ta' din il-parti tal-kosta ta' Buġibba li għaliha ntalab permess mill-MEPA skond PA 2207/03, PA 116/07? Min ta l-approvazzjoni tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Naħseb illi l-Onor. interpellant qed jirreferi għall-proposta ta' Kids Park f'Islet Promenade. M'hix responsabbilta' ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu li tilqa' u tapprova proposti ta' żvillup ta' din ix-xorta u li m'humiex ta' natura turistika. Fl-ambitu ta' dan l-iżvillup, l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu approvat biss li jkun hemm bar (li jinkludi faċilitajiet bżonjużi bħal toilets u kamra għall-first aid) biex iservu l-ħtiġijiet tan-nies u tat-tfal li jiffrekwentaw dan il-post.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom f'Jannar 2007 ġew 4,000 passiġġier inqas minn Jannar 2006? Mistenni li dan it-tnaqqis jaffettwa t-tbassir li din is-sena jiġu 37,600 (10%) passiġġieri iżjed mis-sena 2006?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għalkemm il-mistoqsija m’hijiex ċara, nassumi li l-Onorevoli interpellant qiegħed jirreferi għall-cruise passengers li ma jingħaddux man-numru ta’ turisti.
Ir-raġunijiet għat-tnaqqis f’Jannar diġa ingħataw mill-VISET. Rigward it-tbassir għal bqija tas-sena wieħed irid jiftakar li l-istaġun proprju jestendi minn Marzu sa Ottubru. L-indikazzjonoijiet li għandna mis-suq huma li l-2007 għandha terġa tkun sena ta’ tkabbir f’dan is-settur.
Malta ser ikollha stand fit-12th International Mediterranean Tourism Market li ser isir f'Iżrael fil-ġejjieni qarib?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu mhux ser ikollha stand fit-12th International Mediterranean Tourism Market li ser isir f'Iżrael fil-ġejjieni qarib.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li joħorġu vacancies mal-Heritage Malta għall-Arkeoloġisti billi hemm min hu gradwat u ppreparat akkademikament li jaħdem f'dan il-qasam iżda s'issa ma kienx hemm vacancies għall-Arkeoloġisti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi minn żmien għal żmien Heritage Malta toħroġ dawk il-vacancies meħtieġa biex tkun f'qagħda li tagħti l-aħjar servizz kemm lill-viżitaturi u kif ukoll lil dawk li jagħmlu użu mis-servizzi li toffri din l-aġenzija. Dawn il-vacancies jinħarġu wara li Heritage Malta teżamina u taġġorna s-servizzi li tagħti. Għalhekk mhux eskluż li fil-ġejjieni jinħarġu sejħiet għall-applikazzjonijiet biex jimtlew vacancies ta' kuraturi jew gradi oħra li fihom jintalab li min japplika jrid ikollu degree fl-arkeologija.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol qed tagħmel il-kumpannija "Tuning Fork" fl-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu? X'deċiżjonijiet ittieħdu fl-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu wara rakkmandazzjonijiet tal-kumpannija "Tuning Fork"? Meta mistenni tlesti x-xogħol tagħha fl-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-kumpanija Tuning Fork qiegħda tassisti d-diriġenza ta’ l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu fil-proċess ta’ operational review u resource optimisation għal dawk li huma l-funzjonijiet ewlenin ta’ l-organizzazzjoni, fost l-oħrajn fid-diviżjoni tal-Marketing and Promotion, liema eżerċizzju issa tlesta.
A bażi ta’ wħud mir-rikomandazzjonijiet riċerkati u studjati tal-kumpanija
Tuning Fork
, dak li kien id-direttorat tal-
Marketing and Promotion
ġie strutturat b’tali mod sabiex jirrifletti numru ta’ tibdiliet li l-ħtiega għalihom kienet ilha tinħass. L-istruttura preżenti tinkludi
International Division
u
Head Office Division
, filwaqt li l-funzjoni ta’
Hospitality
issa tifforma parti mill-
PR and Communications Division
.
B’riżultat ta’ dawn il-bidliet, id-diviżjonijiet ta' l-
International Marketing
u l-
Marketing Support & Development
sejrin jaħdmu aktar mill-qrib sabiex jiżvillupaw, jesegwixxu, u jevalwaw b’mod kostanti l-
Marketing Plan
ta’ l-Awtorita’ sabiex tiżdied il-kwalita' u l-valur tat-turiżmu lejn Malta.
Dan il-proċess ta’
resource optimisation
huwa wieħed kontinwu. Madankollu l-kumpanija
Tuning Fork
tqabbdet a bażi ta’ proġett, proġett, kull wieħed b’termini definiti. Fl-aħħar mil-aħħar, dan l-eżerċizzju qiegħed isir ukoll sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-Awtorita’ innifisha, u sabiex tiżgura suċċess għas-settur turistiku ta’ pajjiżna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-premjijiet għall-Karnival tas-sena 2006? Jista' jgħid ukoll kemm saru l-premijiet għall-Karnival ta' din is-sena 2007? Jista' minbarra l-informazzjoni globali jagħti din l-istess informazzjoni għal kull kategorija li tingħata premju għas-sena 2006 u 2007?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.
X'inhu t-tbassir tal-Ministeru u l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu dwar kif ser imur t-turiżmu f'pajjiżna tul is-sena 2007 meta x-xejriet dinjin huma li jkompli jikber fuq is-sena 2006?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi minn feedback li l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu qiegħda tirċievi minn operaturi ta' l-ivjaġġar u permezz tan-network ta' uffiċini u rappreżentanti tagħha, hemm indikazzjonijiet ili s-sena 2007 għandha tkun waħda pożittiva għal Malta. L-isforzi ta' l-MTA huma konċentrati fuq kampanja pubbliċitarja fis-swieq prinċipali permezz ta' serje ta' rekalmi li jutilizzaw diversi mezzi ta' komunikazzjoni. Din il-kampanja ilha għaddejja mill-bidu tas-sena.
Dawn l-isforzi flimkien ma' kollaborazzjoni aktar effettiva ma' linji ta' l-ajru, operaturi, parteċipazzjoni f'fieri u l-użu aktar aggressiv tal -portal www.visitmalta.com jikkontribwixxu għal sens ta' ottimiżmu kawt fir-rigward ta' l-andament tas-sena 2007, kif konfermat miċ-cifri proviżorji li ħarġu s'issa għall-ewwel ftit ġimgħat tas-sena.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' għamara/pittura tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi ma ntefaq l-ebda ammont għall-kiri ta' għamara/pittura matul l-2006 mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-ikliet u hospitality tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi n-nefqa globali għall-ikliet u hospitality matul l-2006 jammonta għal Lm 43,981.48. Din iċ-ċifra ma tinkludix hospitality tal-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu marbuta ma' promozzjoni ta' pajjiżna bħala destinazzjoni turistika.