Legislature:
Category:
Reset
Active:

WSC — Korrispondenzi legali

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex meta ssir korrispondenza legali mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma rari tingħata risposta, bħal fil-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

L-ittra datata 21 ta' Jannar 2004 dwar ammonti dovuti għas-servizz u l-konsum ta' ilma u elettriku fil-fond li għalih saret referenza, waslet għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fit-22 ta' Jannar 2004. It-tweġiba għal din l-ittra ntbagħtet fid-29 ta' Jannar 2004.

Korporazzjoni Enemalta — Bdil ta' wires mikxufin

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess biex jinbidlu wires mikxufin? Meta beda dan l-eżerċizzju? Ta' min hi r-responsabbilta' li jsir dan ix-xogħol tal-korporazzjoni Enemalta jew ta' kuntratturi privati? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn il-wires mikxufin? Taħt liema regolamenti qed isir dan it-tibdil ta' wires?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li f'Malta u Għawdex hemm numru sostanzjali ta' wires mikxufin li bħala prinċipju ma hemm xejn ħażin fihom. Napprezza jekk l-Onorevoli Interpellant jindika għal liema wires qed jirreferi.

Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma — Kontijiet pendenti - kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji/għaqdiet, eċċ.,. li ma ħallsux il-kontijiet lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fis-sena 2003 u s-snin ta' qabel? X'inhu l-ammont dovut? Liema huma dawk li l-aktar għandhom jagħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

L-ammont dovut lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għal konsum ta' ilma minn entitajiet kummerċjali fil-31 ta' Diċembru 2003 kien hekk - Hotels Lm 492,582 Industrijali Lm 310,741 Kummerċjali Lm 495,706 Farms Lm 80,646 Apparti dawn, jista jkun hemm xi kontijiet ta' każi ta' casa bottega u oħrajn li huma kkunsidrati bħala konsum domestiku u allura mhux inklużi fiċ-ċifri ta' hawn fuq. Prattikament kull negozju jew entita' kummerċjali jkollha bilanċ pendenti mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Dan jiġri għaliex jkun hemm moviment fil-kontijiet billi kontinwament joħorġu l-kontijiet lill-konsumaturi u kontinwament isiru ħlasijiet. Fir-rigward ta' min huma dawk li l-aktar għandhom jagħtu, din hija nformazzjoni kunfidenzjali.

Direttorju tal-kodiċi postali

Question

Jista’ l-Ministru jirrispondi mistoqsija numru 3652 li oriġinarjament saret lill Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u cioe' jgħid meta se jiġi ppubblikat id-direttorju tal-kodiċi postali ġdid li l-uniku wieħed inħareġ 13–il sena ilu? Ma jaħsibx li dan huwa importanti li jiġi ppubblikat minħabba li l-awtoritajiet tal-posta jesiġu li l-kodiċi postali jitniżżel f'kull indirizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li direttorju ġdid tal-Kodiċi Postali hu ppjanat li jinħareġ meta jintemm il-proċess tar-riforma fit-tqassim, li qed isir propju bħalissa. Naqbel ma' l-Onorevoli Interpellant li l-użu tal-Kodiċi Postali huwa mportanti għall-effiċjenza tas-servizz postali.

WSC — Ħlas ta' arretrati ta' kontijiet pendenti

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm hu n-numru ta' persuni u kumpannija li fil-preżent għandhom agreement speċjali mal-korporazzjoni tad-dawl u l-ilma sabiex iħallsu l-arretrati tal-kontijiet pendenti li għandhom għas-servizzi tal-provvista tad-dawl u l-ilma? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal Malta u Għawdex separatament kif ukoll jinformani kemm hi ċ-ċifra globali ta' flus in kwestjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Santa Luċija — Servizz ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex is-servizz ta' drenaġġ għadu ma ngħatax lil numru kbir ta' intrapriżi żgħar u mdaqqsin li jinsabu f'Tarxien Road, Gudja/Santa Luċija u Triq il-Qoton, Santa Luċija (fejn il-Guttenberg Press)? Jaf li hemm intrapriża li timpjega diġa' 75 ħaddiema u dalwaqt se tikber iktar biex timpjega 100 ħaddiem u li dawn il-kumpannija qed ikollhom iħallsu flejjes kbar biex jeħilsu mill-waste tagħhom? Fid-dawl tal-kampanja li qed issir minn naħa tal-Gvern biex jitnaqqas il-burokraija għal dawn it-tip ta' intrapriżi, jista' il-Ministru jinformana meta se jingħata s-servizz ta' drenaġġ lil dawn l-intrapriżi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-estensjoni tad-drenaġġ f'din l-area għalissa mhix fil-lista ta' prijoritajiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Naturalment, din mhix kwestjoni ta' burokrazija iżda ta' allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji li hemm biex isir dan it-tip ta' xogħol.

Mellieħa — Il-Kortin - servizz tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm residenti fl-inħawi magħrufa bħala Il-Kortin fil-Mellieħa li għadhom mhumiex imqabbdin mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ u għadhom bis-sistema tal-fosos?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn stħarriġ li sar irriżulta li hemm madwar tmien (8) residenti fi Triq Kepler li ma humiex mqabbdin mas-sistema tad-drenaġġ tat-tramuntana u dan minħabba li ma hemmx mains tad-drenaġġ fil-parti ta' triq li qegħda quddiemhom. It-triqat l-oħrajn kollha għandhom mains imqabbdin mas-sistema tad-drenaġġ.

Mellieħa — Il-Kortin - Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li r-residenti kollha fl-inħawi magħrufa bħala Il-Kortin fil-Mellieħa jkunu mqabbdin mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 4124. Jiena nfurmat li in-nuqqas ta' servizz li qed jonqos lil madwar tmien (8) residenti mhux b'kapriċċ iżda minħabba li parti minn Triq Keppler msemmija taqleb 'l isfel, il-main ma setax jiġi mqabbad mal-mains ezistenti li saru xi sentejn ilu. Hemm żewġ soluzzjonijiet għal din il-problema: (i) jew li ssir pompa għal dawn it-tmien (8) residenti biss, bil-konsegwenza ta' possibilita' ta' rwejjaħ għar-resident nfushom jew (ii) id-drenaġġ ta' dawn it-tmien (8) residenzi jitqabbad mas-sistema ta' Santa Marija Estate (aktar 'l isfel). Din il-konnesjoni tkun trid tgħaddi mill-irdum u minn ġo proopjetajiet privati. Dwar dawn ta' l-aħħar, diġa kien hemm oġġezzjoni verbali min-naħa tal-propjetarji. Il-Korporazjzoni għada trid tiddeċiedi liema soluzzjoni sejra taddotta.

Servizz ta' drenaġġ

Question

Jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex ir-residenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, ikollhom id-dar tagħhom imqabbda mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ? Meta se jittieħdu dawn il-passi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li d-dettalji tar-residenti ndikata mill-Onorevoli Interpellant ġew mgħoddija lis-sezzjoni tad-drenaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. F'kull każ ser issir spezzjoni ħalli tkun stabbilita r-raġuni għaliex ir-residenza għadha mhix imqabbda mas-sistema tad-drenaġġ u/jew jekk hemmx bżonn ta' estensjoni tas-sistema eżistenti.

Mellieħa — Il-Kortin - fosos tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema struttura pubblika hija responsabbli biex tara li l-fosos tar-residenti privati fl-inħawi tal-Kortin fil-Mellieħa jitbattlu regolarment? B'liema regolarita' jitbattlu dawn il-fosos peress li jasluli ilmenti li ġieli bowser tal-gvern idum għaxar ġimgħat biex imur ibattal fossa ta' xi residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-kuntrattur li jbattal il-fosos ġie mwissi biex ibattal il-fosos regolarment kif inhu l-obbligu tiegħu. Huwa sostna illi qatt ma ħalla xi fossa mingħajr ma titbattal għal tul ta' żmien indikat fil-mistoqsija. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi indiriżż speċifiku ta' fejn mhux qiegħed jingħata s-servizz regolari, nissuġġerixxi li l-individwu kkonċernat jikkuntatja lill-Customer Care tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex tittieħed ażżjoni mmedjata.

Servizz tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-Mellieħa, l-Imġarr, San Pawl il-Baħar, il-Għargħur, in-Naxxar, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u Tas-Sliema li d-djar tagħhom mhumiex imqabbda mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ, lokalita' b'lokalita'? Xi pjan hemm biex din is-sistema tilħaq lil dawk ir-residenzi li għadhom mingħajr dan is-servizz bażiku fil-bidu tas-seklu 21?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-informazzjoni mitluba tieħu ħafna ħin biex tinġabar b'mod korrett u eżawrjenti. Għaldaqstant tweġiba tingħata aktar 'il quddiem.

Malta Shipbuilding — Xogħol ta' bagi tal-Blue water

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru sigħat ta' overtime fuq ix-xogħol ta' bagi tal-Blue water mit-8 ta' Novembru, 2003 sal-lum? Xi profitt se tagħmel il-Malta Shipbuilding fuq l-imsemmi proġett?

Response (GATT, AUSTIN)

Id-dettalji tal-overtime maħdum fuq proġett partikulari u l-profitti ma jistgħux jingħataw għal raġunijiet kummerċjali.

Tarzna — Scrap ta' l-azzar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inbiegħ scrap ta' l-azzar (skond il-piż), xahar b'xahar fl-2003? Kemm inbiegħ scrap ta' l-azzar (skond il-piż) fit-8 ta' Jannar 2004? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li kien hemm daqstant scrap f'dan il-post minn fejn inġabar? Kemm-il vjaġġ sar biex ittieħed dan l-iscrap? Min iċċertifika liema azzar kien scrap u liema ma kienx? Min segwa li l-azzar li jittieħed kien dak immarkat bi scrap? X'inhi l-proċedura tal-bejgħ ta' dan l-iscrap? Min huwa/huma l-kuntrattur/kuntratturi li jixtru dan l-iscrap mit-Tarzna? Kif qegħda l-proċedura ta' min imissu jixtriq l-iscrap mit-Tarzna?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Enemalta — Triq ta' wara l-Marsa Sports Klabb

Question

Jaf il-Ministru li t-triq ta' wara l-Marsa Sports Klabb bla dawl u għaldaqstant hija perikoluża u hemm nuqqas ta' sigurta'? Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi biex din is-sitwazzjoni tiġi megħluba?

Response (GATT, AUSTIN)

Ix-xogħol ta' street lightning ġdid ġie devolut lill-Kunsilli Lokali u għalhekk m'għadux responsabilita tal-Enemalta.

Bormla — Triq il-Mitħna - Arbli tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jarali jinbidlu żewġ arbli tad-dawl li tmermru u huma ta' periklu li hemm fi Triq il-Mitħna Bormla, maġenb l-Sweet Shop?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ix-xogħol meħtieġ biex jinbidlu l-arbli msemmija għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.

Bomla — Għadajjar ta' l-ilma

Question

Peress li f'mistoqsija parlamentari li għamilt ftit ilu, il-Ministru qal li se tissolva l-problema ta' l-għadajjar ta' l-ilma li hemm ħdejn l-iskola J.L. ta' Verdala, Bormla, u peress li ntbagħtu ħaddiema sabiex jirranġaw il-ħsara, jista' il-Ministru jara li dan l-eżerċizzju jerġa' isir peress li l-għadajjar għadhom hemm?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Spam fil-computers

Question

Fuq livell prattiku, kif tista' tiġi miġġielda l-ġlieda ta' l-ispam fil-computers minn pajjiżna meta ħafna minnha toriġina mill-Istati Uniti u ġurisdizzjonijiet oħra li mhumiex koperti minn leġislazzjoni effettiva? Il-gvern xorta waħda beħsiebu jkompli bil-pjani li jkollna leġislazzjoni dwar dan is-suġġett? X'jista' isir u x'qed isir biex jitjib il-cross border co-operation dwar network security u law enforcement bħala parti mill-multipronged drive fil-ġlieda biex titħares l-integrita' ta' l-internet? Għalkemm Malta mhijiex membru sħiħ tal-OECD il-Gvern Malti jikkordina l-ħidma tiegħu fil-qasam ta' l-informatika ma din l-organizzazzjoni dinjija? Il-Gvern Malti kien rappreżentat fl-OECD workshop on spam li ġie ospitat dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea fi Brussels?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-ġlieda kontra l-ispam hija iebsa u t-tnedija ta' leġislazzjoni hija mod wieħed biss ta' kif nistgħu nsibu soluzzjoni għal din il-problema. L-aħjar mod biex innaqsu l-effett negattiv ta' l-ispam huwa li inqajmu kuxjenza fuq din il-problema u ngħallmu liċ-ċittaddin li għandhom jerfgħu r-responsabilita' tagħhom meta jużaw l-Internet u meta jagħtu d-dettalji tagħhom personali. Il-pubbliku jrid ikun konxju mir-regoli bażiċi li huma applikabli għal l-ispam u kif jista' jevita l-ispam. Għalhekk huwa importanti li l-ġlieda kontra l-ispam tiġi affrontata prinċipalment mil-lat edukattiv. Il-Kodiċi Kriminali diġa jittratta l-kwistjoni tal-ksib ta' databases mingħajr awtorizzazjoni. Il-problema ta' Spamming hija mħarsa l-aktar fl-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, fejn jingħad li ħadd m'għandu juża jew iġiegħel li jintuża xi servizz ta' telekomunikazzjoni li jkun disponibbli pubblikament sabiex jagħmel xi komunikazzjoni mhux mixtieqa għall-fini ta' bejgħ diret permezz ta': (a) Kommunikazzjoni elettronika, jew (b) Facsimile, jew (c) posta elettronika lil xi persuna naturali, kemm il-darba l-individwu ma jkunx ta l-kunsens tiegħu espliċitu bil-quddiem u bil-miktub. Persuna li tikser din il-liġi tista' teħel penali amministrattiva ta' mhux iżjed min elf lira. F'dan l-isfond il-Gvern għandu żewġ għazliet - jista' jieħu pożizzjoni iebsa jew inkella jħalli kollox kif inhu b'xi emendi żgħar. Eżempju ta' pożizzjoni iebsa fil-każ tal-Kodiċi Kriminali tista' tkun li l-pieni jiżdiedu jekk jiġi ppruvat li l-offiża saret bi skop ta' profitt. Fiċ-ċirkostanzi, għad irid isir iżjed studju fil-fond qabel ma tittieħed deċizjoni finali. Il-Gvern isegwi mill-qrib l-iżviluppi u r-rakkomandazjonijiet ta' l-OECD, u anke adotta xi rakkomandazzjonijiet ta' din l-organizzazzjoni fil-Pjan Nazzjonali Strateġiku għall-oqsma tat-Teknoloġija ta l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni. Iva, il-Gvern Malti kien rappreżentat f'dan il-workshop.

Ministeru għat-Teknoloġija ta' l-informatika u Investiment — Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-Dikasteru tiegħu? Minn min qed jintużaw u kemm tħallsu f'kontijiet ta' dawn il-mobile phones matul is-sena 2003?

Response (GATT, AUSTIN)

Fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti u fl-Uffiċċju tas-Segretarjat tal-Ministeru intużaw 13-il mobile phone u 5 GSM Connect Gateway Cards matul 2003. Dawn intużaw mis-Segretarju Permanenti, minni u l-istaff tas-Segretarjat tiegħi. Is-somma globali kienet tammonta għal LM3564.84.

PBS — MFA - Drittijiet televiżivi

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani kemm tħallas il-PBS lill-MFA, għal drittijiet ta' TVrights fis-sena? Dawn jitħallsu fix-xahar jew f'daqqa? Dan il-kuntratt għandu terminu fiss, jekk fl-affermattiv, għal kemm snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-mistoqsija magħmula mill-Onor. Interpellant hija ta' natura kummerċjali għaldaqstant ma nħossx li għandha tiġi ppublikata.

Residenzi li kellhom t-telefon maqtugħ — Ħlasijiet ta' kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-2003 kemm kien hemm residenzi li kellhom it-telefon tagħhom maqtugħ għaliex ma thallsux il-kontijiet? Jista' jgħid kemm kien hemm ħlasijiet dovuti lill-Maltacom minn familji li ma ħallsux il-kontijiet tat-telefon tar-residenzi tagħhom fl-2003 u s-snin ta' qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall- P.Q. 1130.