Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġiljan — Promenade

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar u kemm intefqu spejjeż sabiex dan sar fil-promenade ta' San Ġiljan, fl-ewwel fażi tagħha u fit-tieni fażi tagħha u kemm dawn damu sabiex isiru? Jista' wkoll jindika x'ħidma sejra ssir fit-tielet fażi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar fil-promenade fi Triq G Borg Olivier f'San Ġiljan kien jinkludi dan li ġej: twessiegħ tal-bankina, railings, pavimentar ġdid, verge tal-ħamrija, dwal dekorattivi, ġibjun, latrina pubblika u rampa li tagħti għal fuq il-blat. Twaqqa' wkoll il-club tal-waterpolo ta' San Ġiljan li nbena mill-ġdid biex jippermetti t-twessiegħ tal-promenade kif meħtieġ. L-ewwel fażi tax-xogħol saret bejn Frar 2001 u Ġunju 2001 u kienet tkopri l-promenade minn ħdejn iċ-'Chains' sa quddiem Trejqet Grenfell. In-nefqa matul l-2001 kienet tammonta għal Lm167,059. It-tieni fażi tax-xogħol saret bejn Ottubru 2001 u Ġunju 2002. F'din il-fażi tkompla x-xogħol fuq il-promenade sa ħdejn il-pitch tan-Neptunes WPC. Sar xogħol strutturali estensiv sew fl-art u fil-baħar biex ippermetta t-twessiegħ tat-triq fil-parti dejqa bejn iż-żewġ pitches. F'din il-fażi sar ukoll xogħol fuq il-wiċċ tat-triq, servizzi ġodda u bankina ġdida n-naħa tar-residenti. In-nefqa sa llum fuq ix-xogħol li sar f'din il-fażi jammonta għal Lm262,479. Fit-tielet fażi hu ppjanat li jitkompla x-xogħol fuq il-promenade minn ħdejn in-Neptunes WPC sa 'Barracuda Restaurant'. Għad jonqos isir ukoll xogħol fuq il-wiċċ tat-triq u servizzi relatati sa fejn Pjazza Balluta.

Paceville — Triq Wilġa

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar u kemm intefqu spejjeż sabiex isir it-tibdil neċessarju u tisbiħ ta' Triq Wilġa, f'Paceville?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar s'issa f'Wilga Street, Paceville kien jikkonsisti f'tibdil fl-arranġament tat-traffiku fl-inħawi tar-roundabout. Dan ix-xogħol mistenni li jitkompla f'Ottubru li ġej. In-nefqa għal dan ix-xogħol mistennija li tammonta għal madwar Lm30,000.

San Ġiljan — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar u kemm intefqu spejjeż sabiex isir it-tibdil neċessarju u tisbiħ ta' Triq Michelang Borg, viċin ta' Wied Kalċi, San Ġiljan preċiżament ħdejn Triq Reġjonali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-tibdil li sar biex tissebbaħ Triq Michelang Borg, San Ġiljan, kien jikkonsisti fi 93 metru kubu xogħol ta' ħitan tas-sejjieħ u bini ta' bankina, li ġew jiswew Lm4,871.

San Ġiljan — Ta' Lapsi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar fil-knisja l-antika ta' Lapsi, San Ġiljan u kemm intefaq fuqha u kemm dam għaddej dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar f'din il-knisja huwa xogħol ta' restawr fuq il-volta mpittra tal-knisja. Dan ix-xogħol kien neċessarju minħabba li biċċiet tal-pittura bdew jinqalgħu flimkien ma' partijiet mix-xorok, u dan kien qed jippreżenta periklu għan-nies. Ix-xogħol intemm fi Frar 2002 wara perjodu ta' 10 xhur u ntefqet is-somma ta' Lm24,000.

San Ġiljan — Triq B'Kara

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar mid-dipartiment relattiv sabiex tissolva l-problema tal-għargħar li kien hemm ġewwa Triq B'Kara, San Ġiljan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li saru mill-Unit għal Servizzi ta' Tisbiħ sabiex tiġi riżolta l-problema ta' l-għargħar li kien hemm ġewwa Triq Birkirkara, San Ġiljan, kienu jikkonsistu f'dan li ġej: Tħaffir ta' storm water gallery minn Triq Ġdida fi Triq Birkirkara, sat-Traffic Lights ta' taħt il-pont ta' San Ġiljan. Kostruzzjoni ta' sistema ta' ġbir ta' l-ilma tax-xita minn Birkirkara Hill, sal-mina msemmija hawn fuq. Kostruzzjoni ta' sistema ta' ġbir ta' l-ilma tax-xita minn Triq is-Siġra sa taħt il-pont. Tindif tal-culvert eżistenti ġo Triq Birkirkara. Tender oħra ġo Naxxar Road, San Ġwann għal xogħol simili u li hija kkunsidrata bħala l-aħħar fażi ta' dan il-proġett qiegħda tiġi proċessata u waslet biex tingħata.

San Ġiljan — Pjazza Balluta

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm sar xogħol u x'intefaq fi flejjes fir-restawr ta' l-istatwa li hemm fi pjazza Balluta, San Ġiljan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-istatwa tal-Pjazza tal-Balluta ġiet restawrata mit-Taqsima tar-Restawr. Sar ix-xogħol meħtieġ kemm fuq l-istatwa kif ukoll fuq il-vaska. Ix-xogħol sewa Lm2,000.

Valletta — Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid tistax ix-xbiha tal-qalb ta' Ġesu li hemm kantuniera bejn Triq l-Ifran u Triq St. Lucia Valletta tiġi restawrata fiż-żmien li ġej?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta għandu programm kontinwu ta' restawr ta' statwi tal-kantunieri. Din l-istatwa ilha fil-programm iżda hemm żewġ problemi li għad iridu jiġu riżolti. L-ewwelnett, din l-istatwa tagħmel parti minn propjeta privata u l-Gvern ma jistax jaqbad u jidħol jagħmel xogħol f'din il-gallerija jekk ma jkunx hemm talba speċifika mill-propjetarji. It-tieni problema hi, li din l-istatwa hija post għoli ħafna u għalhekk irid isir proġett għalih u mhux titqies mal-proġett kontinwu ta' manutenzjoni ta' statwi 'normali' tal-kantunieri.

Qui-Si-Sana — Public Convenience

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsiru public convenience fl-inħawi ta' Qui-Si-Sana f'Tas-Sliema minħabba l-fatt li ħafna nies inkluż turisti jiffrekwentaw din l-akkwata speċjalment fix-xhur tas-sajf u m'hemmx fejn jaqbdu l-bżonnijiet naturali tagħhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li għalissa ma jidhirx li hemm xi pjani li jsiru public conveniences fl-inħawi ta' Qui-Si-Sana f'Tas-Sliema, iżda dan ma jeskludix li iżjed 'il quddiem ma tiġix proġettata biex tinbena waħda.

Żabbar — Drenaġġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 34843 possibli d-drainage department jinnota li l-inkonvenjent imsemmi jinxtamm l-aktar f'nofs Triq San Ġużepp fil-parti ta' triq li hi mħarrbta u li tgħaqqad iż-Żejtun ma' Ħaż-Żabbar? Possibli d-drainage department jagħmel inspection fuq il-post ħalli jikkonferma dan l-inkonvenjent u possibilment jirrimedja s-sitwazzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant hemm discharge point u r-riħa li tinxtamm kull meta jkun qiegħed isir tbattil minn xi bowser. Ta' min isemmi illi din id-discharge point ġiet imressqa reċentement għax kienet aktar lejn l-abitat. Peress illi f'din it-triq għaddejja l-mina li twassal id-drenaġġ lejn Wied Għammieq mhux possibbli illi jinstab post aktar adattat għal din id-discharge point.

Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema u impjegati li jkunu qed jaħdmu fuq xogħlijiet fuq barra humiex jingħataw faċilitajiet ta' per eżempju mobile toilets, fejn jaħslu idejhom u fejn jieklu u dan fil-kuntest tal-politika favur is-saħħa u s-sigurta' tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol? Min hu jew huma nkarigati mis-safety ta' dawn il-ħaddiema fuq dawn il-lantijiet tax-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-postijiet fejn isir ix-xogħol mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet ivarjaw ħafna kemm fil-kobor tax-xogħol fiż-żmien li jieħdu, kif ukoll fin-numru ta' ħaddiema li jkunu fuq il-lant. Minħabba f'hekk il-faċilitajiet li ssemmew mill-Onorevoli Interpellant mhux dejjem li jkun hemm bżonnhom kollha. Fi proġetti ta' ċerta entita' u żmien fit-tul, il-faċilitajiet imsemmija ġeneralment ikunu provduti. F'każi oħra ssir evalwazzjoni taċ-ċirkostanzi u jittieħdu l-miżuri neċessarji. Dawn il-miżuri jinkludu arranġamenti ma' Kunsilli Lokali, entitajiet Governattivi jew Parastatali, biex il-ħaddiema jinqdew bil-faċilitajiet li jkollhom dawn l-entitajiet. Bħalissa d-Diviżjoni qed tagħmel eżerċizzju biex isir upgrading tal-faċilitajiet mobbli li diġa' għandna u biex jinxtraw oħrajn ġodda. Għalkemm il-ħaddiem innifsu għandu jara li s-sigurta' tiegħu titħares, fuq kull lant ikun hemm uffiċjali tekniċi jew professjonali li jkunu responsabbli minn dak ix-xogħol. Din ir-responsabbilta' tinkludi s-saħħa u s-sigurta' tal-ħaddiema. Ma' dan inżid li d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet għandha unit li tieħu ħsieb is-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol. L-Ispetturi ta' dan il-unit jagħmlu spezzjonijiet regolari fuq lantijiet tax-xogħol u jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lid-Direttur tad-dipartiment konċernat. Inkompli nżid li f'Mejju 2002 id-Diviżjoni ħarġet dokument ta' policy dwar is-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol kif ukoll statement ta' policy li qed jiġi ffirmat mid-Direttur Ġenerali u d-diretturi u mill-ħaddiema.

San Pawl il-Baħar — Funtana

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax id-dipartiment tal-kunsilli lokali jinvestiga x'ġara mill-funtana li kienet tpoġġiet fil-baħar ta' Buġibba mill-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar u jingħad li kienet ġiet tiswa Lm34,000?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-funtana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet inxtrat mill-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni. In-nefqa totali fuq ix-xiri u stallazzjoni tal-funtana kien jammonta għal madwar Lm56,776. Din il-funtana sas-sajf l-ieħor kienet qed tintrama fix-xhur tas-sajf f'Buġibba b'arranġament ta' armar u manutenzjoni mal-kumpanija MDS (parti mill-WSC). Dan l-arranġament kien qed jiswa lit-Taqsima tax-Xogħlijiet is-somma ta' Lm7,000 fis-sena. Għaldaqstant ittieħdet deċiżjoni li għalissa din il-funtana ma tintramax aktar u bħalissa tinsab maħżuna f'imħażen tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.

Reverse Osmosis

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 34730 x'passi ttieħdu kontra l-bore holes bla permess f'qiegħ il-Wied tal-Marfa mill-operatur ta' lukanda?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34730, fejn ġie kkonfermat li ħarġet Enforcement Notice lill-operatur fil-11 ta' Lulju.

Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel sitt xhur tas-sena kemm tħallas overtime fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid minn meta bdew in-nofs ta' nhari fil-15 ta' Ġunju liema huma d-dipartimenti li qed jaħdmu bis-sahra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' Ġunju 2002, l-ammont imħallas f'overtime fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien ilaħħaq għal Lm322,223. Skond l-approvazzjoni għal overtime li għandu l-uffiċju tas-salarji, huma d-dipartimenti msemmija hawn taħt li xi wħud mill-ħaddiema tagħhom ser ikunu qed jaħdmu bis-sahra b'effett minn meta bdew in-nofs ta' nhari: Il-Ministeru Id-Dipartiment tal-Finanzi u Amministrazzjoni Id-Dipartiment tas-Servizzi ta' Tisbieħ Id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni Id-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi Id-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija Id-Dipartiment tad-Drenaġġ Id-Dipartiment tal-Bini, Kostruzzjoni u Industrija Id-Dipartiment tal-Kunsill Konsultattiv tal-Bini u Industrija Peress li d-Dipartiment għall-Immaniġjar ta' l-Iskart u Implimentazzjoni ta' l-Istrateġija m'għandux nofs ta' nhari, u l-ħaddiema jaħdmu sitt ijiem fil-ġimgħa, l-overtime baqa' jsir skond l-esiġenza.

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara tissewwiex ħsara li suppost ilha li ssewwiet fis-sistema ta' drenaġġ li qed tikkaġuna żbroff fi 3, Triq il-Farfett tal-Fejġell, Żabbar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li parti mill-main ta' Triq il-Farfett tal-Fejġel f'Ħaż-Żabbar kien inbidel żmien ilu u d-Dipartiment tad-Drenaġġ m'għandux rapporti ta' aktar ħsarat. Madankollu d-Dipartiment se jiċċekkja l-main għal darb'oħra biex jara jekk hemmx xi problemi.

Ilma tat-Tisqija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-ilma għat-tisqija mill-impjant ta' Sant' Antnin qed jintrema minħabba li jkolu livell għoli ta' salinita'? X'jikkawża dan il-livell għoli ta' salinita' u kemm intrema volum ta' ilma u fejn intrema?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Zabbar — Triq San Guzepp

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li d-dipartiment tad-drenaġġ jinvestiga u jirrimedja r-riħa qawwija tinten li ħierġa mis-sistema tad-drenaġġ li hemm fi Triq San Ġuzepp, Żabbar (fil-parti tat-triq li tgħaqqad iż-Żejtun ma' Ħaż-Żabbar) li qed tkun ta' inkonvenjent kbir għad-diversi residenti li hemm fl-inħawi? Billi din ir-riħa qed tinxtamm minn diversi zoni residenzjali ta' l-inħawi possibli jsiru spezzjonijiet u s-sitwazzjoni tiġi rimedjata? X'inhu jikkawża dawn l-irwejjaħ u x'inhi s-soluzzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ ma daħallux rapport ta' rwejjaħ fi Triq San Ġużepp, Żabbar. Għaldaqstant, nitlob l-Onorevoli Interpellant biex jispeċifika fejn eżatt hemm l-inkonvenjent msemmi billi din it-triq hija twila ħafna. Jekk il-każ huwa li r-riħa tinxtamm fin-naħa taż-Żejtun, din tista' tkun peress illi hemm discharge point tad-drenaġġ fejn ibattlu l-bowsers.

Lukanda Riviera — Bore-Holes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi tat-tħaffir bore-holes, il-lukanda Riviera fil-qiegħ tal-wied tal-Marfa? Xi spezzjonijiet saru biex jiġi verifikat kemm fil-fatt tħaffru bore-holes minn din il-lukanda u x'effett ħallew fuq l-ispejjer tal-bdiewa tal-Wied?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tal-Maltija għar-Riżorsi ma tat l-ebda permess biex jitħaffru boreholes mil-lukanda Riviera. Minn spezzjonijiet li saru jirriżulta li tħaffru erba' boreholes. L-ippumpjar minn dawn il-boreholes ikollu effett ta' 'drawdown' fuq l-aquifer u għalhekk boreholes fil-qrib jistgħu jonqsilhom l-ilma. Ma' dan, wieħed irid iżid l-effett tan-nuqqas ta' xita tul dawn l-aħħar snin, kif ukoll ippumpjar qawwi minn bdiewa oħrajn. Jirriżulta li ħafna bdiewa irreklamaw art li qabel kienet xagħri u ma tissaqqiex, mingħajr ma taw każ il-limitazzjonijiet ta' l-aquifer u problemi ta' tisqija. Medded kbar ta' art ġew maqlubin f'saqwi li jitlob volum ta' ilma ħafna iktar minn qabel. Dawn ir-raġunijiet flimkien taw lok għal din is-sitwazzjoni li ma tistax tkun attribwita għal raġuni waħda.

Street Naming

Question

Jista' l-Ministru jindikali meta dawn it-toroq f'Ħaż-Żebbuġ (l-lista tagħhom qegħda tintbagħat separatament) sejrin jingħatalhom in-numru fir-residenzi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fit-8 ta' Ġunju fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern numru 16,802 kienet ġiet ippubblikata lista sħiħa ta' toroq ġewwa l-lokal ta' Ħaż-Żebbuġ fejn fit-toroq konċernati ngħataw numri ġodda ta' bibien lir-residenti milquta. Sfortunatament, waħda mit-toroq konċernati, Triq Vincenzo Adrario ġiet tagħmel parti minn triq oħra u għalhekk minħabba dawn iċ-ċirkostanzi li ma kellna l-ebda kontroll fuqhom, irid jerġa' jsir eżerċizzju ġdid fit-triq imsemmija. Din is-sena, kien hemm il-ħsieb li nkomplu n-numerazzjoni tal-bibien f'Ħaż-Żebbuġ iżda f'Novembru 2001 ngħata bidu ntensiv ta' bdil ta' l-I.D. Cards, liema eżerċizzju jintemm f'Novembru 2002. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li minflok din il-Unit tingħalaq, issir ħidma iżjed bil-mod sabiex bla ebda mod ma tfixkel il-ħidma fuq skala nazzjonali tal-Kummissjoni Elettorali. Dan minbarra l-fatt li bla ebda mod ma ridna nkunu ta' nkonvenjent mar-residenti. Tajjeb wieħed jinnota li fil-lokal ta' Ħaż-Żebbuġ din is-sena kien hemm l-elezzjoni għall-Kunsilli Lokali. Dan kollu ħarbat il-pjanijiet kollha li kellna kemm għal Ħaż-Żebbuġ kif ukoll għal bliet u rħula oħra. Ladarba jgħaddi ftit taż-żmien ieħor nikkunsidraw li nkomplu bil-ħidma tagħna bin-numerazzjoni tal-bibien.

Proġett tal-Kottonera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar dik il-biċċa art fir-Rinella, Kalkara li ingħatat lil wieħed mill-consortia imdaħħla fil-proġett tal-Kottonera?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li s'issa ma saru ebda żviluppi dwar l-art msemmija.