Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-ministeru, dipartimenti u enti oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2005-2006? Jista' jgħid f'liema grad hu kull impjegat ġdid?

Response (GALEA, ĊENSU)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-pq 16613. Filwaqt li għat-tieni parti tal-mistoqsija qed inqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għat-2006.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Special Cleaners Limited

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, flimkien mad-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, kumpanniji u azjendi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu qattx ingaġġaw is-servizzi ta' Special Cleaners Limited? Jekk iva, f'liema każi, meta ġew ingaġġati, kif saret l-għażla tagħhom u kemm tħallsu s'issa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-Ministeru għall-Kompetittivita u Komunikazzjoni kif ukoll fid-Dipartimenti, Diviżjonijiet u Awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu, qatt ma ġew ngaġġati s-servizzi ta' Special Cleaners Ltd.

VAT — Servizz ta' helicopter

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kenitx qed titħallas VAT fuq is-servizz tal-helicopter?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-Każ ta' biljetti mibjugħa għas-servizz tal-helicopter bejn Malta U Għawdex ma kienitx tiġi mħallsa VAT meta t-titjira kienet tifforma parti minn titjira internazzjonali p.e. Londra-Malta-Għawdex. Il-VAT kienet titħallas biss fuq titjiriet magħmula mingħajr ebda konnessjoni ma titjiriet internazzjonali.

Ex Direttur tal-Kompetittivita'

Question

Jista' il-Minsitru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex wara li ġie promoss għall-kariga oħra l-ex direttur tal-kompetittivita' li ismu qed jintbagħat separatament, ma ġiex appuntat ieħor minfloku? Japprezza l-Ministru li minħabba din il-mankanza ma jistgħux jiġu intavolati rikorsi għal quddiem it-tribunal għall-kummerċ ġust? Japprezza li dan kollu qed jaffettwa avversament il-kummerċ ħieles?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-proċess ta' l-interviews neċessarji biex jimtela l-post tad-Direttur Ġenerali fid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni beda. Nixtieq ukoll ninforma l-Onor. Interpellant li waqt li ġie promoss għall-kariga oħra, l-ex-Direttur Ġenerali tal-Kompetizzjoni Ġusta baqa jżomm il-kariga ta' Aġent Direttur Ġenerali u li għalhekk ir-rikorsi setgħu jibqgħu jiġu intavolati quddiem il-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust. Fil-fatt ninsab infurmat li minn meta l-ex Direttur Ġenerali ġie promoss sa llum ġew intavolati 6 każi quddiem il-Kummissjoni. Dan minbarra numru ta' deċiżjonijiet li nħarġu minn dan l-Uffiċju li jinkludu konċentrazzjonijiet (Mergers).

Fondi mill-UE — Self-employed

Question

B'riferenza għal euros 10 miljun li ġew diretti mill-Unjoni Ewropea favur is-self-employed u negozji żgħar, jista' il-Ministru jgħid: a) minn min hu kompost in- network li dawwar dawn il-fondi favur is- self-employed u negozji żgħar; b) b'liema mod is-self- employed ġew informati bil-manjiera sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi; c) kif saret l-għażla ta' dawk li bbenefikaw; d) min huma dawk li bbenefikaw; u e) kemm hu l-ammont li kull wieħed irċieva minn dawn il-fondi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s'issa Self Employed u Negozji Żgħar ibbenefikaw minn aktar minn EUR 10 miljuni taħt diversi programmi imniedja minn inizzjattivi ta' diversi Ministeri u Dipartimenti li minnhom jistgħu jibbenefikaw negozji żgħar u self employed taħt proġetti bħal m'huma l-FP6, l-ESF, Fondi Reġjonali, Programmi ta' Agrikoltura, Programmi Edukazzjonali u oħrajn. Uħud minn dawn il-Proġetti qed jinħadmu permezz tan-Network favur aċċess aħjar għal Programmi ta' l-Unjoni Ewropea imniedi mill-istess Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed. Dan in-Networkhuwa network miftuħ sabiex il-Gvern flimkien ma' konsulenti li jipprovdu servizzi ta' informazzjoni fuq programmi tal-Unjoni Ewropea ikunu jistgħu jilħqu aktar negozji żgħar u self employed sabiex jibbenefikaw minn dawn il-fondi. Kull min hu interessat jista jissieħeb f'dan in-network li permezz tiegħu jinħadmu programmi tal-Unjjoni Ewropea mit-tfassil, sal-implimentazzjoni u rappurtaġġ. Dwar il-parteċipazzjoni f'dawn il-proġetti kollha nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jistaqsi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Kuntratti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21730 u jgħid x'sar outsourcing u kuntratti simili jew anċillari għall-proviżjon ta' servizzi mill-ministeru, mid-dipartimenti u mill-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru tiegħu matul is-snin 2004, 2005 u 2006? Min kienu l-kumpanniji, individwi, firms, etc. li ħadu dan ix-xogħol (outsourcing u kuntratti ta' proviżjoni ta' servizzi )matul l-istess snin u perijodi? Kemm tħallsu kull individwu u/jew ente li rċeviet xogħol bħal dan mill-ministeru, dipartiment jew ente li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-istess perijodi?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata meta tkun kompluta, billi din tinvolvi ġbir ta' nformazzjoni mingħand numru ta' entitajiet fuq numru ta' jiem.

Moll ta' l-Imġarr — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se jiġu jiswew ix-xogħlijiet sabiex tiġi rranġata r-rampa fil-moll ta' l-Imġarr li qed terġa' tiġi maqlugħa biex issir mill-ġdid? In oltre, jista' jgħid meta se jitlesta x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li r-rampa tat-Terminal ta' l-Imġarr mhux ser tinqala u ssir mill-ġdid iżda ser isirulha aġġustamenti fl-għoli tagħha. Dan ser isir minħabba li vetturi baxxi ħafna, f'ċertu każijiet, speċjalment meta jkunu ħerġin minn fuq il-vapuri b'veloċita', kienu jaħbtu l-qiegħ mar-rampa. L-istima ta' din il-modifikazzjoni hija stmata ċirca Lm5,500. Ir-rampa ser terġa tibda tintuża madwar l-ewwel ġimgħa ta' Diċembru 2006.

Awtorita' Marittima ta' Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa ċ-ċaqlieqa tal-Malta Maritime Authority ta' ftit metri ta' l-uffiċċju fil-Belt għal ġewwa l-footprint tal-Waterfront? Għal liema raġuni saret tali ċaqlieqa u jekk tali awtorizzazzjoni għal tali ċaqlieqa ġietx fl-ewwel instant impeduta li sseħħ peress li saret għal xejn b'xejn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar preċiż fil-mistoqsija tiegħu peress li l-Awtorita Marittima ma għamlet l-ebda ċaqlieqa ta' xi uffiċċju tagħha ġewwa l-footprint tal-Valletta Waterfront.

Awtorita' Marittima ta' Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi rapporti li l-bini tal-Malta Maritime Authority kienx ikkundannat jew ta' periklu għal ħaddiema u l-pubbliku in ġenerali u f'dan il-kontest jiġi ppreżentat ir-rapport jekk dan seħħ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li m'hemm l-ebda bini ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta li hu kkundanat jew hu ta' periklu għall-ħaddiema inġenerali.

Taxxa tas-safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif jiġi regolat il-ġbir tat-taxxa minn fuq it-tluq minn Malta li jistabilixxi kemm fir-realta' jsiefru u jitħallsu t-taxxi? Nitlob rendikont ta' kemm ilha li daħlet fis-seħħ tali sistema tassattiva versus l-ismijiet tal-passiġġieri.

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-taxxa ta' tluq hi miġbura mingħand il-linji ta' l-ajru li fuq il-bejgħ ta' biljetti lil dawk il-passieġieri li joriġinaw minn Malta. Dawn il-linji ta' l-ajru jagħtu rendikont regolari ta' l-ammont ta' biljetti li jkunu biegħu u jagħmlu l-pagament relativ. Qatt ma nġabbru ismijiet ta' passiġieri li kienu ħallsu t-taxxa ta' tluq kemm ilha li daħlet din it-taxxa mill-1997.

Terminal taċ-Ċirkewwa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala waqaf ix-xogħol fuq il-proġett tat-terminal taċ-Ċirkewwa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fuq it-Terminal taċ-Ċirkewwa għadu għaddej, tant li fil-jiem li għaddew ġew approvati l-permessi neċessarji mill-M.E.P.A. Bħalissa qed isiru l-preparamenti neċessarji għall-ħruġ tat-tenders għall-bini kif approvat.

Trasport bil-Baħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jinħarġu l-offerti għal trasport bil-baħar mill-Kottonera u Tas-Sliema lejn il-Belt?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kienet diġa ħarġet sejħa għall-offerti f'Mejju li għadda u minn dawk li applikaw ma kien hemm ħadd li jissodisfa l-kriterji meħtieġa li jiggarantixxu servizz kontinwu, effiċjenti u regolari minn diversi postijiet fil-port ta' Marsamxett u l-Port l-Kbir. Għaldaqstant ħa terġa toħroġ offerta oħra fil-futur qarib.

Trasport Bl-Ajru bejn Malta u Għawdex

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21770, jista' il-Ministru jgħid min għamel il-preżentazzjoni msemmija u x'tip ta' ajruplan fixed wing ġie propost u kemm jista' iġorr persuni? Xi bżonn inħass għall-preżentazzjoni bħal din meta s-servizz tal-helicopter kien għadu jaħdem bejn Malta u Għawdex? Mela kien previst diġa' li dan is-servizz ta' helicopter se jieqaf?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-preżentazzjoni saret minn kumpanija Ingliża fuq talba tagħha stess. Din ipproponiet l-użu ta' ajruplan b'żewġ magni li jġorr massimu ta' tmien passiġieri. Tajjeb wieħed igħid li fil-każ ta' servizz b'ajruplan, jekk l-airstrip tkun tippermetti, m'hemmx limitu ta' kemm ikunu l-operaturi li jipprovdu s-servizz.

Kalkara — Dgħajjes

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20376 fejn kien intqal li l-Ministru qed jiġbor l-informazzjoni neċessarja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ispazju li qiegħed jirreferi għaliħ l-Onor. Interpellant huwa spazju fuq art fejn jitpoġġew id-dgħajjes. L-Awtorita' Marittima ta' Malta qatt ma kienet responsabbli li torganiżża dan l-ispazju, peress li l-art ma taqax taħt il-ġuridizzjoni tagħha.

MMA — Uffiċini

Question

B'riferenza għall-bini ta' blokk ta' uffiċini ġodda mill-Malta Maritime Authority fix-xatt tal-Belt fejn is-Sea Malta, jista' il-Ministru jgħid: 1) x'inhu l-floorspace totali ta' dawn l-uffiċini; 2) dan il-floorspace hu kollu għall-użu ta' l-MMA u jekk fin-negattiv, minn min se tintuża; 3) x'kienet l-ispiża ta' dawn ix-xogħlijiet; 4) min kienu l-main contractors fuq dan il-proġett; 5) min kienu l-konsulenti u l-periti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-floor space totali tal-Maritime Trade Centre huwa 17,000m² maqsuma kif ġej: Ufficini, common areas, kuruturi, toilets, Meeting Rooms, Lobby u Canteen 11,800m² Car Park 2500m² Plant Area and Car Route Areas 2700m² Total 17,000m² Dan il-bini hu maqsum fi tlett blokki. Blokk minnhom hu għal użu ta’ l-Awtorita’ Marittima, fejn għall-ewwel darba d-direttorati kollha fi ħdan l-Awtorita' sejrin ikunu miġburin f’bini wiehed. Blokk ieħor sejjer iservi għas-servizzi komuni waqt li l-aħħar blokk huwa ntiż biex iservi bħala one-stop shop għall-affarijiet marittimi billi joffri uffiċini għall-kiri waqt li parti oħra sejra tintuża mill-kumpanija Valletta Gateway Terminals. Ix-xogħolijiet li saru huma stmati li ser jiswew is-somma ta’ LM4,334,000 (ex VAT) lill-Awtorita Marittima u LM1,030,000 lill-VISET plc. Il-kontribut tal-VISET plc huwa abbażi tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-Viset plc għall-proġett tal-Valletta Waterfront fejn il-VISET plc intrabtet li tikkumpensa lill-Awtorita' Marittima talli vvakat l-uffiċini tagħha f’Pinto Stores fix-Xatta tal-Belt Valletta. Il-kuntratturi prinċipali huma kif gej: - § Panta Contracting Ltd § Vassallo Builders Ltd § AX Holdings Ltd § Camray Company Ltd § Mekanika Ltd § Motherwell Bridge (Malta) Ltd § Aluserv Ltd § HalMann Ltd § FM Environmental Ltd § Attard Brothers Ltd Il-Periti u konsulenti huma kif ġej: § Architecture Project (AP) - għall-istruttura u l-arja tal-komun (AP huma l-periti tal-VISET plc) § Perit Martin Farrugia – għall-arja ta’ l-uffiċini § Scicluna & Associates – għall-inġenerija mekkanika u elettrika.

Trasport bl-ajru bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk matul l-aħħar xhur sarux laqgħat ma' kumpanniji li qed joffru servizz ta' trasport b'ajruplani fixed wing bejn Malta u Għawdex? Liema kienu dawn il-kumpanniji u fejn waslu n-negozjati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fit-22 ta' Settembru saret preżentazzjoni, li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala negozjati, fil-Ministeru għal Għawdex. Għal din l-preżentazzjoni kienu preżenti, jien, il-Ministru għal Għawdex u rappreżentanti tal-Gozo Tourism Association u tal-Gozo Business Chamber.

Għawdex — Heliport

Question

Jirriżulta li regolamenti internazzjonali fl-avjazzjoni jobbligaw li għal raġunijiet ta' sigurta' runway għall-ajruplani fixed wing anke żgħar jirrikjedu tul ta' mill-inqas 1,200 metru? Jekk hu hekk, il-gvern beħsiebu jestendi r-runway għat-tul ta' 1,200 metru fejn hemm il-heliport f'Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li m'hemm l-ebda regolamenti internazzjonali fl-avjazzjoni li jitlobu li runway li tintuża minn ajruplan fixed-wing trid tkun ta' mill-anqas 1200 metru.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Kuntratti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar outsourcing u kuntratti simili jew anċillari għall-proviżjon ta' servizzi mill-ministeru, mid-dipartimenti u mill-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru tiegħu matul is-snin 2004, 2005 u 2006? Min kienu l-kumpanniji, individwi, firms, etc. li ħadu dan ix-xogħol (outsourcing u kuntratti ta' proviżjoni ta' servizzi )matul l-istess snin u perijodi? Kemm tħallsu kull individwu u/jew ente li rċeviet xogħol bħal dan mill-ministeru, dipartiment jew ente li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-istess perijodi?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2006? X'kienet ir-raġuni ta' kull safra, minn min kienet komposta u x'kienet l-ispiża ta' kull safra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mgħotija fil-Mistoqsijiet Parlamentari numru 18898 u 19195, filwaqt li l-kumplament ta' l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Karozzi Mikrijin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm karozzi mikrija fid-dekasteru tiegħu, fejn qegħdin, kemm swew is-sena l-oħra u kemm kien il-fuel bill tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-preżent dan il-Ministeru għandu għaxar karozzi mikrija fid-dekasteru tiegħu, li tlieta minnhom qedgħin fil-Ministeru, tnejn oħra qedgħin fl-uffiċju tas-Segretarju Parlamentari u waħda fl-uffiċju tas-Segretarju Permanenti. Hemm ukoll waħda fid-Diviżjoni għall-Kummerċ, u tlieta oħra fid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni. Jien infurmat ukoll li s-sena l-oħra l-ispiża fil-karozzi mikrijin kienet ta' Lm22,898 f'kirjiet u l-fuel bill tagħhom għall-istess sena 2005 kien dak ta' Lm5,169.