Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tourism police zones — estensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk din is-sena hux mistenni li jkun hemm estensjonijiet fit-Tourism Police Zones, wara l-esperiment tas-sena li għaddiet? Kemm hu n-numru ta' pulizija li fil-fatt daħlu biex jagħtu dan is-servizz, u kemm għad fadal minnhom li baqgħu jagħtu l-istess servizz?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li qed isiru diskussjonijiet mal-Ministeru tat-Turiżmu rigward il-possibilità ta’ estensjonijiet fit-Tourism Police Zones. Infurmat ukoll ii segwew il-kors fit-Tourism Policing, (41) wieħed u erbgħin membru tal-Korp. Bħalissa, għaż-żona ta’ San Ġiljan u tas-Sliema hemm (11) ħdax-il membru tal-Korp li qegħdin jagħtu s-servizz ta’ Tourism Police Officer. Jekk iż-żoni jiġu estiżi, jistgħu jiġu miżjudin aktar membri kif ukoll utilizzati l-membri l-oħra li segwew il-kors ukoll.

San Pawl il-Baħar – laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija – grupp ta’ ħarsien ambjentali

Question

Billi fil-media soċjali dehru posts li jgħidu li kienu talbu laqgħa mal-Kumissarju tal-Pulizija biex jitwaqqaf grupp ta' ħarsien ambjentali fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt din il-laqgħa seħħitx u jekk iva x'kien l-eżitu tagħha?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ħadd ma talab li ssir din il-laqgħa mal-Kumissarju tal-Pulizija.

Investigazzjonijiet dwar kitbiet li dehru madwar Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija hux qed twettaq xi investigazzjonijiet partikolari għal dak li jikkonċerna l-bosta kitbiet li dehru madwar Malta, liema kitbiet jidher li għandhom tifsiriet partikolarment qawwija?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29462

Rapporti dwar każijiet ta’ ġlied fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każi ta’ ġlied fit-toroq li seħħ matul l-2016, u li rapporti dwarhom waslu għand il-pulizija? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn ir-rapporti fil-fatt kellhom l-investigazzjonijiet tagħhom konklużi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx din l-istatistika fil-forma mitluba

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — person of trust u position of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il person of trust u position of trust, elenkati separatament hemm fil-Ministeru tiegħu sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Korp tal-Pulizija – ħatra ta’ Assistenti Kummissarji

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm il-ħsieb li jinħatru xejn inqas minn disa’ Assistenti Kummissarji fil-Korp tal-Pulizija? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-organigram tal-uffiċjali kollha li hemm bħalissa fil-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma nistax nikkonferma. Dwar l-organigramtal-uffiċjali, din titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra meta tkun approvata.

Kuntratt ta’ servicing lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-ġimgħat li għaddew ġie deċiż li jiġi mġedded kuntratt ta’ servicing lill-kumpanija li hija proprjetà u/jew li huwa involut fiha l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jekk fl-affermattiv jista’ jgħid kemm huwa l-valur tal-imsemmi kuntratt u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie deċiż li jingħata u/jew jiġi mġedded lil din il-kumpanija?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu u jindika għal liema kuntratt qed jirreferi biex tingħata risposta relattiva`.

Spetturi tal-Pulizija – CHOGM – ħlasijiet għall-overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont dovut lill-Ispetturi tal-Pulizija għall-overtime li għamlu waqt iċ-CHOGM u meta huwa mistenni li jsiru dawn il-ħlasijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23578.

San Ġwann – Għassa tal-Pulizija – rapporti dwar bankina

Question

Jista’ l-Ministru jara fiex waslet l-investigazzjoni dwar ir-rapport li hemm fl-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġwann dwar bankina quddiem id-dar li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma’ sar l-ebda rapport fl-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġwann dwar bankina quddiem id-dar li d-dettalji dwarha ngħataw separatament.

Buġibba u l-Qawra — negozju fuq il-front

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28058 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari W449, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm instabu li kien hemm persuni li qed jarmaw fuq dan il-front mingħajr m’għandhom permess? Fejn hemm il-permessi, minn min huma maħruġa dawn l-istess permessi? Kemm kien hemm każi li ttieħdu passi fil-konfront ta’ dawk li kienu qed jaħdmu mingħajr ma kellhom il-permessi meħtieġa? Jekk le, x'inhi r-raġuni għal dan?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi matul is-sena 2016 kien hemm tnax (12) il-każ fejn il-Pulizija sabu persuni li qed jarmaw mingħajr permess fiż-żona rispettiva kif indikat fit-tweġiba tal-mistoqsija W449. Il-permessi għal dan it-tip ta’ negozju huma maħruga mit-Trading Licences Unit. F’kull każ fejn matul din is-sena instabu li persuni ħadmu mingħajr permess, inħarrgu it-taħrikiet meħtieġa.

graffiti li saru madwar Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija investigatx min seta' għamel il-bosta graffiti, li qed jingħad li huma bil-lingwa Serba, li saru madwar Malta? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt inqabadx xi ħadd minn dawk li għamlu dawn l-istess graffiti, u jekk ittieħdux passi kontra xi persuni, b'riżultat ta' dawn l-investigazzjonijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi l-pulizija qed tieħu azzjoni biex jiġu evitati inċidenti ta’ kitba ta’ graffiti bil-lingwa Serba u qed tinvestiga min seta' għamilhom. Madankollu, sal-lum għadhom ma saru ebda arresti ta’ persuni li huma suspettati li għamlu dawn l-istess graffiti u għalhekk ma ttieħdu passi kontra ħadd.

San Pawl il-Baħar — kontrolli

Question

Billi f'San Pawl il-Baħar qed tikber ferm il-kwestjoni marbuta mal-atteġġjament ta' ċertu barranin, li jew joqogħdu fil-lokalità, jew jiġu għal xi żmien f'dawn in-naħiet, tant li spiss qed ikun hemm kitbiet ta' natura iebsa, fil-konfront tal-istess barranin, kemm minn Maltin, kif ukoll minn barranin oħra, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kontoll partikulari qed isiru, mill-pulizija (mhux tad-distrett waħidhom, li diġà huma mgħobbija żżejjed bix-xogħol normali tagħhom), biex jiġi assigurat li dawk li joqogħdu f'dawn l-inħawi huma fil-fatt regolari bil-preżenza tagħhom f'pajjiżna? Meta saru l-aħħar spezzjonijiet mill-pulizija, minħabba dawn il-problemi ta' konflitt soċjali u razzjali li qed jinħolqu f'din il-lokalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi waqt li hu minnu li l-pulizija tad-Distrett jagħmlu minn kollox biex waqt ir-ronda tagħhom jikkontrollaw dak kollu li hu relatat ma kull ksur ta’ liġi, fil-każ ta’ kontrolli fuq persuni barranin, dawn isiru wkoll minn uffiċjali tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni. Irid jingħad illi anke sezzjonijiet oħra li jkunu fuq ronda fl-inħawi indikati ukoll jieħdu azzjoni jekk u meta jiġi skopert ksur ta’ liġijiet fl-inħawi indikati u oħrajn. Fid-dawl tal-kontenut tal-mistoqsija, it-taqsimiet konċernati fi ħdan il-Korp qed jiġu mitluba biex dawn iż-żoni jiġu mħarsa u spezzjonati aktar frekwenti bil-għan illi min hu responsabbli ta’ xi ksur ta’ liġi, jiġi nvestigat u proċessat skond in-normi f’każijiet bħal dawn.

Korp tal-Pulizija – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Korp tal Pulizja sena b'sena fis-snin 2013, 2014, 2015 u 2016? Jista’ l-Ministru jagħti break down ta’ kull direct order li ngħatat kemm fl-ammont kif ukoll lil min ingħatat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dettalji ta’ direct orders li ngħataw mill-Korp tal-Pulizja sena b'sena fis-snin 2013, 2014, 2015 u 2016 qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.

Forzi Armati ta’ Malta – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) sena b'sena fis-snin 2013, 2014, 2015 u 2016? Jista’ l-Ministru jagħti break down ta’ kull direct order kemm fl-ammont kif ukoll lil min ingħatat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-breakdown ta’ dawn id-direct orders qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizzi ta’ Detenzjoni u Awtoritajiet tal-Ħabs – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mis-Servizzi ta’ Detenzjoni u mill-Awtoritajiet tal-Ħabs sena b'sena fis-snin 2013, 2014, 2015 u 2016? Jista’ l-Ministru jagħti break down ta’ kull direct order kemm fl-ammont li ngħata kif ukoll lil min ingħatat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Il-breakdown ta’ dawn id-direct orders qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija – riċeviment annwali tal-Milied — mistednin

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li għar-riċeviment annwali tal-Milied tal-Korp tal-Pulizija li sar fit-30 ta’ Diċembru 2016 fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, kien hemm l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fil-lista tal-mistednin? Jekk fl-affermattiv, jidhirlu l-Ministru li huwa ta’ ġieħ għall-Korp tal Pulizija li jiġi mistieden għal tali riċeviment, persuna li nstabet ħatja b'kompliċità fi qtil ta’ persuna waqt li kienet arrestata u dan waqt li kienet tokkupa kariga għolja fil-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Iva nikkonferma. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija qed nifhem sew, li l-Onor. Interpellant qed jissuġerixxi, li din il-persuna, minkejja li ħadet is-sentenza mill-Qorti u din ġiet onorota, għandha tibqa’ kkastigata għal għomorha u anke tiġi bbojkotjatha? Jekk inhu hekk allura l-kliem tal-oppożizzjoni dwar korrezzjoni u rijabilitazzjoni f’min kien u hu fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin huwa kollu kliem fieragħ.

Safar uffiċjali tal-Ministru – użu mill-mini bar — policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-policy fil-Ministeru tiegħu dwar użu u konsum ta' prodotti mill-mini bar fil-kmamar ta’ lukandi waqt safar uffiċjali tal-Ministru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat illi kif stipulat fir-regolamenti tas-safar uffiċjali li jirregolaw is-safar uffiċjali tal-Gvern, wara kull safra isir rendikont ta’ l-ispejjeż li jkunu saru u l-Ministeru jagħmel rimbors għal dawk l-ispejjeż direttament relatati mal-vjaġġ uffiċjali.

Tourism Police — ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Pulizija li kienu qegħdin jaħdmu bħala Tourism Police fix-xahar ta’ Ġunju 2016, Lulju 2016, Awwissu 2016, Settembru 2016, Ottubru 2016, Novembru 2016 u Diċembru 2016? Jista’ jgħid xahar b’xahar kemm kienu l-ħlasijiet dovuti lil dawn il-Pulizija għax-xogħol li għamlu fl-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-ħlasijiet għadhom pendenti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — persuni f'position of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni fuq position of trust minn Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Minn dawn, kemm saru tal-post għax ġew assorbiti fis-Servizz Pubbliku u b'hekk ma baqgħux fuq position of trust?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li minn Marzu 2013 ġew maħtura 9 persuni f’position of trust mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta` Nazzjonali. Bħalissa fil-Ministeru fadal 5 persuni f’position of trust. Ħadd minn dawn ma kellu għalfejn jiġi assorbit fis-Servizz Pubbliku għax biex persuna tkun f’position of trust trid tkun fis-settur pubbliku.

L-Imsida – vandaliżmu fuq proprjetà pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ vandaliżmu fuq proprjetà pubblika fl-Imsida mill-2013 'l hawn?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi saru tlieta u għoxrin rapport ta’ vandaliżmu fuq proprjetà pubblika fl-Imsida mis-sena 2013 sa l-aħħar ta’ Novembru 2016, kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.