Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – Kennedy Drive – mewt ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi qed jittieħdu sabiex jiġi evitat il-mewt ta’ iktar siġar fl-inħawi ta’ Kennedy Drive San Pawl il-Baħar, u b'mod partikulari fi Triq il-Qawra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sit li qed issir referenza għalih (Kennedy Drive) m’hemmx siġar mejtin. Siġar taċ-ċipress (leylandi) li kienu mietu f’lokażjonijiet oħrajn ġewwa l-Park tas-Salina kienu ġew imneħħija. Dawk li kienu mardu kienu ġew imbexxa b’bexx li kien rakkomandat mid-Direttorat tas-Saħħa tal-Pjanti. Fil-fatt konna bexxejna lis-siġar (leylandi) kollha. Fil-post ta’ dawk is-siġar li mietu ħawwilna siġar tac-ċipress (Cupressus sempervirens). Mietu ¿ewġ siġriet fi Triq il-Qawra li, kif rakkomandat ukoll mid-Direttorat imsemmi qabel, ser jiġu maqlugħa u maħruqa.

Raħal Ġdid – Vjal Sir Paul Boffa — siġar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21766, jista’ l-Ministru jara jekk rappreżentanti tad-Dipartiment tal-Ambjent jistgħux jmorru fuq il-post sabiex jikkonstataw is-sitwazzjoni tas-siġar li hemm fil-bidu ta’ Vjal Sir Paul Boffa Raħal Ġdid billi jidher li dawn kibru ħafna u jistgħu jiġu miżbura aħjar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 21766. Inżid ngħid li l-Ministeru ħa nota ta’ din il-Mistoqsija u bħala l-Ministru responsabbli mill-ambjent, ser insegwi l-ilment mal-Ministru kkonċernat.

Catamaran — klieb - vjaġġi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26184, jista' l-Ministru jaċċerta li tinstab soluzzjoni immedjata għall-problema ta' klieb li qed jitħallew fil-garaxx tal-Catamaran (l-isem tal-operatur qed jingħata separatament) li jaħdem bejn Malta u Sqallija, minħabba l-fatt li aktar kemm tisħon il-klima, aktar qed jikber ir-riskju tal-klieb li qed jiġu ordnati b'mod abbużiv li jibqgħu fil-karozzi fil-garaxx b'riskju ta' heat stroke li tista' tkun fatali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Kap 439 tal-Liġijiet ta’ Malta dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali jimponi lill-operatur sabiex jevita kull forma ta’ periklu li jista’ b’xi mod joħloq tbatija bla bżonn lill-annimal. Il-liġi tgħid ċar ukoll, li sidien li jkunu qed iġorru magħhom pets huma wkoll responsabbli li jaċċertaw li l-annimali tagħhom huma b’saħħithom biżżejjed biex jivjaġġaw u li jekk dawn jitħallew ġol-karozza għandhom jiżguraw li għandhom ċirkolazzjoni tal-arja. Id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja qiegħed jissuġġerixxi modi sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tat-trasport fil-waqt li jevalwa u jinvestiga każijiet fejn dan ma’ jseħx għad-detriment tal-annimali.

Uffiċjali tal-Ambjent imħarrġa fuq il-konvenzjoni CITES

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali tal-Ambjent imħarrġa fuq il-konvenzjoni CITES, sena b’sena mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-1 ta’ Mejju 2016? X’taħriġ ingħataw kull sena u x’investiment sar f’dan it-taħriġ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella A u Tabella B bl-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn jinkludu l-uffiċjali li kienu mħarrġa fuq is-suġġett. Taħriġ ieħor ingħata primarjament lill-uffiċjali, speċjalment lil dawk ġodda, minn kollegi b’iktar esperjenza b’mod kontinwu wkoll. Lejn l-aħħar tal-2015, kienet reklutata wkoll uffiċjal b’Masters Degree speċifikament fuq il-konvenzjoni CITES.

Il-Mosta — Ġnien Wied il-Għasel - upkeep

Question

Jista' l-Ministru jara li jinżamm l-upkeep ta' Ġnien Wied il-Għasel, il-Mosta?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat u bħala l-Ministru responsabbli mill-ambjent ser insegwi l-ilment mal-Ministeru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – Park tas-Salini — turf

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħol hu mistenni li jsir fil-Park tas-Salini, limiti ta' San Pawl il-Baħar, u b'mod partikulari fil-parti tal-park fejn hemm it-turf, liema turf preżentement jinsab fi stat ħażin? Jista' jikkunsidra li dan l-istess turf jerġa' jinżera kif kien qabel biex jiġi evitat li jkun hemm dehra ta' nixfa, kif hemm preżentement? Jista' jikkonferma li fil-post hemm ġibjun li jesa ħafna ilma u li jista' jiġi wżat għat-tisqija ta' dan l-istess turf? Min hu responsabbli biex jara li t-tisqija ssir b'mod regolari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ tisbieħ li mistenni jsir fix-xhur li ġejjin ġewwa l-Park tas-Salina, jinkludi żvilupp ta’ spazji addizzjonali fejn ser jitwaħħal apparat tal-logħob għat-tfal, installar ta’ dwal ġodda simili għal dawk li saru ġewwa Kennedy Grove, u tqegħid ta’ turf artifiċjali. Iż-żona partikolari li għaliha qed jagħmel referenza l-Onor. Interpellant ukoll ser tiġi miksija b’turf artifiċjali. Meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi dwar tqegħid ta’ turf naturali hemm bosta fatturi li jkun irid jikkonsidra, fosthom: l-impatt mill-pubbliku li jżur il-Park, il-kwantità u kwalità ta’ ilma disponibbli u spejjeż oħra ta’ fertilizzant, biex ma nsemmux ix-xogħol ta’ manteniment kontinwu speċjalment f’żoni tant frekwentati. L-ilma tal-ġibjun li għalih qed issir referenza m’huwiex tajjeb għat-tisqija tat- turf minħabba l-kwalità inferjuri peress li huwa ilma li jinġabar mit-triq, iżda dan xorta waħda jintuża għat-tisqija tas-siġar kollha li hemm ġewwa dan il-park, speċjalment dawk li jkunu għadhom fl-ewwel snin ta’ żvilupp. Tali xogħol isir minn ħaddiema tal-PARKS.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — vetturi - allowances

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bejn l-1 ta’ Jannar 2008 sal-10 ta’ Marzu 2013, min kellu l-karozza fully expensed minbarra l-Ministru jew kellu allowance biex juża l-vettura personali tiegħu jew tagħha?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika jekk iridx ukoll l-istess informazzjoni għad-Dipartimenti.

Uffiċċju tal-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi — binja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju tal-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi f'Għawdex hux se jibqgħu fl-istess binja mal-Awtorità għall-Ippjanar jew humiex se jkunu f'post separat kif sar f'Malta? Meta hu maħsub li dawn iż-żewġ entitajiet f'Għawdex ma jibqgħux joperaw mill-istess uffiċċji?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi tikkonferma li l-uffiċċju tagħha f’Għawdex qed jopera mill-istess binja mal-Awtorità għall-Ippjanar.

San Pawl il-Baħar – Ix-Xemxija – siġar taż-żebbuġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jiġi assigurat li s-siġar taż-żebbuġ, u l-ħafna ħaxix u friegħi nexfin li hemm taħthom fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, ma jispiċċawx jinħarqu b’konsegwenzi serji għall-ambjent tal-inħawi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tal-Ambjent – standards rigward imbarazz ta’ kostruzzjoni li jitħalla barra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità dwar l-Ambjent għandhiex xi standards partikulari li għandhom jiġu osservati meta jkun ser isir bini, fis-sens ta' jekk għandhiex regoli li japplikaw biex persuni li jkunu qed jibnu, ma jħallux imbarazz ta' kostruzzjoni barra, jiġri fit-toroq? Jekk le, jista' jara li din l-awtorità tikkordina ma' awtoritajiet oħra governattivi, biex dan it-tip ta' materjal ma jkunx jista' jibqa' jitwaddab ma kullimkien bla ebda kontroll, b'detriment għad-dehra ġenerali tal-lokalitajiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkoncernat.

Każi ta’ abbużi ta’ rimi ta’ skart ta’ kull tip

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tinstab soluzzjoni, flimkien ma' ministeri u awtoritajiet oħra, biex każi ta' abbuż ta' rimi ta' skart ta' kull tip ikunu jistgħu jiġu kkontrollati b'mod aħjar, u li jiġu wkoll osservati xi regoli li diġà jeżistu, jekk jeżistu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-abbuż ta' rimi ta' skart huwa rregolat minn S.L. 549.40 - Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f ’Postijiet jew Żoni Pubbliċi. Għalhekk il-Kunsilli Lokali għandhom kull poter li, permezz tal-gwardjani lokali, jaġixxu biex jitħarsu dawn ir-regolamenti flimkien ma’ regolamenti oħra li għalihom huma responsabbli.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — tenders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24391 u jgħid kemm kien in-numru ta' tenders li ħarġu mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu sena b’sena mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minnhom ġew aċċettati/approvati? Kemm għadhom pendenti u kemm ġew irtirati? Fil-każ tal-aħħar, x'kienu r-raġunijiet? Kemm mit-tenders approvati tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu u x'inhi ċ-ċifra f'somma ta' flus tal-pagamenti mħallsa u pendenti separatament?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' tenders li ġew ppublikati mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt l-MSDEC mit-13 ta’ Marzu 2013 sal-aħħar tas-sena 2013 kien ta’ 56, 118 għas-sena 2014, 137 għas-sena 2015 u 41 sa l-aħħar ta’ Mejju 2016. In-numru ta’ tenders mogħtija fil-perjodu msemmi kien ta’ 236 filwaqt li n-numru ta’ tenders pendenti u dawk irtirati hu ta’ 116. Kienu diversi r-raġunijiet għaliex tenders ġew irtirati, fosthom minħabba il-fatt li ħadd ma jkun tefa’ offerta għat-tali tender jew inkella ma jkunux konformi mal-linji gwida tal-istess tender. Mit-tenders approvati tħallsu 170 u 66 għad iridu jitħallsu b’ċifra ta’ €11,185,007.52 u €4,230,614.74 rispettivament. Fost dawn it-tenders kien hemm ir-riabilitazzjoni u tranġar tal-Port tal-Veċċja, ix-xiri u provvista ta’ kontenituri għall-iskema “School Fruit Scheme 2014-2017 ”, il-bini u tranġar tal-bini u l-ġnien botaniku f’Ħal-Lija.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24392 u jgħid kemm huwa n-numru ta' mobile phones li ntużaw u tħallsu mill-voti tal-Ministeru tiegħu kull sena mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Min huma l-persuni li qed jużaw dawn il-mobile phones u kemm kienet l-ispiża ta' kull mobile phone separatament sena b' sena?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li numru ta’ mobile phones li tħallsu mill-voti tal-Ministeru bejn Marzu 2013 u l-aħħar ta’ April 2016 kien ta’ 67. Il-persuni li qed jużaw jew użaw dawn il-mobile phones huma dawk li jew ingħataw approvazzjoni skont paragrafu 2.6.2 tal-Public Service Management Code jew li huma intitolati għall-faċilitajiet ta’ telefonija ċellulari a bażi tal-kuntratt tagħhom. L-ispiża totali, separatament sena b’sena, kienet ta’ madwar €49,000 għas-sena 2013, €69,000 għas-sena 2014, €58,000 għas-sena 2015 u €25,000 sal-31 ta’ Mejju 2016.Fost dawk li huma intitolati għall-użu ta’ mobile phone, skont ir-regoli tal-PSMC hemm uffiċjali fil-grad / pożizzjoni minn Direttur il-fuq, fi ħdan il-Ministeru kollu.

Dipartiment tal-Agrikoltura — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24396 u jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema li hemm jaħdmu fid-Direttorat tal-Agrikoltura sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari? Xi grad għandhom? X'apparat ġdid ingħatalhom matul dawn l-aħħar tliet snin u kemm sewa dan l-apparat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x’tip ta’ apparat qed jirreferi għalih.

Dipartimenti/Awtoritajiet – kiri ta’ karozzi u makkinarju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24398 u jgħid kemm għandu karozzi u makkinarju tal-kiri kif ukoll karozzi u makkinarju proprjetà tal-Gvern fid-Dipartimenti/Awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Kemm hi l-ispiża separatament għal kull Dipartiment/Awtorità mħallsa mill-Ministeru tiegħu? Kemm hemm karozzi u vetturi oħra proprjetà tal-Gvern weqfin jistennew spare parts u kemm ilhom jistennew? Hu veru li m'hemmx flus biex jinxtraw l-ispare parts imma hemm flus biex jinkrew il-karozzi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ karozzi u makkinarju tal-kiri kif ukoll karozzi u makkinarju proprjetà tal-Gvern fid-Dipartimenti u l-Awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima hu ta’ 171. L-ispiża annwali ta’ din is-sena sal-31 ta’ Mejju fid-dipartimenti hi ta’ €164,293 filwaqt li fl-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi l-ispiża annwali hi ta’ €1,843. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, irrid ngħid li x-xiri tal-ispare parts u l-ispejjeż marbuta mal-kiri tal-karozzi jsiru minn budget line items differenti u għalhekk waħda ma teskludix lill-oħra. Irrid ngħid ukoll li mhu minnu xejn li hemm nuqqas ta’ flus għall-ispare parts u fil-fatt, bħalissa fil-garaxx tal-Għammieri, ma hemm l-ebda karozza jew makkinarju li jinsabu weqfin minħabba nuqqas ta’ parts.

Dipartiment/sezzjoni — ħamrija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24397 u jgħid jekk preżentament hawnx xi sezzjoni/dipartiment fi ħdan il-Ministeru tiegħu, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, li jieħu ħsieb jara fejn se tkun se tittieħed il-ħamrija li titħammel minħabba żvilupp għall-bini?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm uffiċjal fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura li huwa responsabbli mill-permessi ta’ ġarr ta’ ħamrija minn siti ta’ żvilupp jew għelieqi f’Malta, għal ġo għelieqi oħra eżistenti, f’Malta. Dan isir skond l-Att dwar Ħamrija Fertili (Preservazzjoni), Att XXIX tal-1973 - Kap 236.

Front Gardens – twaddib ta’ imbarazz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li l-front gardens ma jintużawx bħala post li fihom jitwaddab kull tip ta' mbarazz? Billi huma bosta dawk il-persuni li jħallu kull tip ta' materjal f'dawn il-postijiet, li għalkemm huma privati, xorta waħda huma esposti għall-pubbliku, jista' jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-passi li huma permissibli li jittieħdu fil-konfront ta' persuni li jabbużaw minn tali sitwazzjonjiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ġwież impurtat bil-baħar

Question

Billi Malta hi gżira u għalhekk il-ġwież li jingħata l-livestock tagħna jrid jiġi mportat bil-baħar bi spejjeż addizjonali għall-pajjiżi oħra Ewropej, jista’ l-Gvern jagħmel każ mal-Unjoni Ewropea biex ir-raħħala tagħna jiġu kkumpensati għal dawn l-ispejjeż żejda?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandi dawn l-iżvantaġġi ta’ insularità u l-għoli tal-inputs meħtieġa mill-agrikoltura bħalma huma ċ-ċerejali li jiġu importati f’Malta sabiex jinħadmu f’ġwież ilhom jiġu mqanqla mal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea sa min-negozjati tas-sħubija u ġew imsarrfa f’għadd ta’ derogi u konċessjonijiet speċjali għal Malta kemm fit-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta kif ukoll fir-Riformi tal-Politika Agrikola Komuni.

Deminimis Aid — Raħħala li jrabbu l-majjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax illi dawk ir-raħħala li jrabbu l-majjali jingħataw id-de minimis Aid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul dawn l-aħħar 3 snin dawk li jrabbu l-majjal ngħatawlhom għajnuniet statali sabiex isir titjib fil-merħla tagħhom, kif ukoll għajnuna eċċezjonali temporanja minħabba d-diffikultajiet fis-suq u anki biex isostni l-introjtu tagħhom fil-qafas de minimis. Fil-preżent hemm taħdidiet għaddejjin mal-Koperattiva ta’ min irabbi l-majjal sabiex ikomplu jiġu esplorati soluzzjonijiet ulterjuri u mhuwiex eskluż li tinħareġ xi għajnuna addizzjonali; madankollu l-għajnuna de minimis fiha numru ta’ limitazzjonijiet kemm fuq bażi nazzjonali u wkoll individwali li jridu jiġu osservati.

Farm fl-Għammieri – infiq fi ġwież għall-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24255 u jgħid kemm il-gvern nefaq fi ġwież għall-annimali li qed jitrabbew fil-farm tal-Għammieri xahar b' xahar minn Jannar 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.