Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27198 u ċioe jinfurmani x'passi ħa dwar ir-rapporti li għamel il-kunsill lokali tal-Mtarfa lid-Dipartiment tad-Drenaġġ dwar l-iżbruffar u ntejjen kbar tad-drenaġġ li qed jirriżultaw fl-inħawi ta' l-Imtarfa kif rappurtati mill-kunsill tal-Lokal?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li wara laqgħa li uffiċjali tad-Drenaġġ kellhom mal-Kunsill ta' l-Imtarfa qiegħed jitħejja pjan biex isir tindif tas-'sewer mains' f'dan ir-raħal ħalli jitneħħew l-inkonvenjenti msemmija.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 27432 u l-fatt li l-ministru rriferini għal ministru konċernat dan ifisser li l-ministru ma ħa ebda passi dwar il-kopja ta' ittra li rċieva mir-residenti in kwestjoni? Jekk le, jista' għaldaqstant jinformana bil-passi li ħa?
Jista' l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet li ilhom sew meħtieġa f'taraġ imħarbat u sprall maqlugħ li hemm f'Valley Road, Msida kantuniera ma' Parilja Str, St Venera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).
JIsta' l-Ministru jgħid x'ġara mill-PB 110/92/3592/89 maħruġ mit-Taqsima tax-Xogħlijiet fl-20 ta' Jannar 1992 lill-organizzazzjoni 'Hsieb ta' l-Annimali' biex jinbnew faċilitajiet għaż-żamma tal-klieb?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-permess imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien ħareġ f'isem is-Sur Anglu Farrugia Sacco. Jien infurmat li ma saret l-ebda rikjesta lit-Taqsima tax-Xogħlijiet għal xi forma ta' għajnuna biex jinbnew faċilitajiet għaż-żamma tal-klieb.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu biex jiġi mwaqqaf drenaġġ li ta' spiss joħroġ fi Triq il-Villeġatura f'San Pawl il-Baħar u li qed jikkawża inkonvenjent għar-residenti ta' l-istess triq u madwar u għal kulmin jgħaddi minn hemmhekk?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li waqt xogħlijiet ta' excavation fi propjeta privata, it-triq ċediet minħabba t-toqol tal-vetturi li kienu qegħdin iġorru l-materjal skavat.
Irriżulta illi l-manhole partikolari sfrundat, bil-konsegwenza li nħoloq blockage. Dan il-blockage issa tneħħa u d-drenaġġ m'għadux jiżbroffa.
Jista' l-Ministru jinformana s'passi ħa dwar kopja ta' ittra li rċieva nhar l-24 ta' Novembru 2000 dwar l-ilmenti li resqulu residenti Mostin? - kopja ta' l-ittra qed tintbagħat separatament -
Xi progress sar u meta se jiġu rranġati l-inġustizzji u l-inkonvenjent li qed isofru r-residenti Mostin in kwestjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministri konċernati.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 27166, jista' l-Ministru jispjega kif ix-xogħol ta' l-upgrading tas-sistema tad-drenaġġ konness mal-proġett tal-Kottonera lanqas biss għadu beda meta suppost li xahar ieħor parti mill-proġett se tkun lesta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ftuħ ta' parti mill-Proġett tal-Kottonera ma jaffetwax is-sistema tad-drenaġġ kif inhija eżistenti.
Jista' l-Ministru jirrispondi il-mistoqsija parlamentari nru. 27253?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi wara li saret spezzjoni minn żewġ esperti tekniċi w inħarġu żewġ rapporti separati, ġie kkonfermat li l-istat ta' deterjorazzjoni li wieħed jista' jara fil-wiċċ tkompi wkoll taħt il-livell tal-baħar. Saru wkoll bore-holes u ttieħdu samples ta' dan l-istess moll. Din l-informazzjoni ġiet analizzata u r-riżultat li l-istess moll kien u għadu fi stat perikoluż ħafna. Għaldaqstant inħasset il-ħtieġa li din l-istruttura tissaħħaħ minn isfel għal fuq jiġifieri li jintużaw sistemi li jorbtu l-moll mal-blat u ma' wara. Dan ix-xogħol ta' 'strengthening u upgrading' jirrikjedi qabel ma jinbeda, permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Jeħtieġ ukoll li tinħareġ 'Call for Tenders' għal dan ix-xogħol.
Għaldaqstant huwa previst li x-xogħol ikun jista' jinbeda fi żmien erba' xhur u jiġi komplut sitt xhur wara li jinbeda.
L-istima ta' dan ix-xogħol hija ta' Lm360,000. Din iċ-ċifra tista' tinbidel kemm minħabba kundizzjonijiet varji li jistgħu jimponu l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, kif ukoll skond il-konkorrenza tal-kuntratturi għal dan il-kuntratt.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 27247, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-valur tax-xogħol li se jsir mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-valur tax-xogħol li ser isir mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi jammonta għal Lm26,200.
Jista' l-Ministru jinvestiga x'qed jikkawża n-nuqqas ta' ndafa pubblika fl-inħawi ta' Baħar ic-Ċagħlaq u jara li tiġi rimedjata s-sitwazzjoni sabiex ir-residenti jkollhom ambjent kif jixraq u ċioe jkun hemm indafa pubblika sodisfaċenti f'dawn l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27242 (Seduta 576).
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mid-dipartiment ta' l-ambjent biex jaġġorna ruħu fuq il-liġi ta' CITES?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ftehim CITES huwa ftehim dwar il-kummerċ internazzjonali dwar speċi ta' flora u ta' fawna mhedda. (Convention on International Trade in Endangered Species of Flora and Fauna). L-għan ta' dan il-ftehim huwa li jikkontrolla l-kummerċ ta' dawk l-ispeċi li huma mhedda li għax jekk dan ma jkunx ikkontrollat dawn l-ispeċi jistgħu jinqerdu.
Speċi li jidhru jew jinstabu fil-gżejjer Maltin u li huma jinstabu fil-kummerċ u għalhekk huma mniżżla f'xi lista ta' dan il-ftehim CITES jinkludu, l-fkieren tal-baħar kollha, d-dniefel u l-balieni, t-tajr tal-priża u l-kokk kollha, kif ukoll xi speċi ta' borok. Dawn l-ispeċi kollha huma misjuba f'xi waħda mit-tlett listi ta' dan il-ftehim CITES.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ispeċi fl-abitat Malti mniżżla taħt il-liġi ta' CITES?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn mindu fl-1989 Malta ssieħbet fil-ftehim tas-CITES (Ftehim dwar Kummerċ Internazzjonali ta' Speċi ta' Flora u ta' Fawna Mhedda), mill-ewwel ittieħdu passi biex jitfasslu u jiġu ppubblikati regolamenti li l-għan tagħhom huwa li jonoraw l-obbligi li l-pajjiż għandu taħt dan il-ftehim.
Għandi l-pjaċir ukoll ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Malta hija meqjusa fost l-aqwa membri fejn dan il-ftehim huwa osservat, imħaddem u inforzat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-problema ta' żbroff tad-drenaġġ li qed joħroġ minn Triq Mater Boni Consilii fil-Fgura?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-iżbroff tad-drenaġġ li ġara fi Triq Mater Boni Consilii, Fgura kien minħabba ħsara li żviluppat fil-main li jwassal id-drenaġġ mill-Pumping Station tal-Marsa għall-impjant ta' purifikazzjoni ta' Sant'Antnin. Tqabbad minnufih kuntrattur li bl-għajnuna ta' ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ qegħdin jibdlu l-parti mkissra tal-main.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla s-servizz tad-drenaġġ fi Triq is-Saqwi ġewwa Ħaż-Żabbar minħabba l-inkonvenjent, t-tbatija u periklu ta' nuqqas ta' iġjene?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-estensjoni msemmija qiegħda nkluża f'tender li ġie ppubblikat dan l-aħħar, jiġifieri WD 268/2000/1. Din għandha ssir fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jara biex il-culvert fi Triq Santa Liena, Bormla, li tħaffer xhur ilu mill-Water Services, jinkesa bit-tarmak, peress li ż-żrar li nxteħet diġa' telaq mar-roti tal-karozzi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jsir il-proġett tal-bajja ta' San Ġorg, f'San Ġiljan, u cioe' li tingħata r-ramel?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-proġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed tieħu ħsiebu l-Awtorita' tat-Turiżmu. Għalhekk, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinformana kemm kien in-numru ta' rapporti ta' fawran tad-drenaġġ li rċieva d-dipartiment tad-drenaġġ matul dawn l-ewwel xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament? F'liema lokalitajiet irriżultaw dawn l-iżbroffi? Jista' l-Ministru jikkunsidra fil-każi li nqerdu l-uċuh tar-raba' l-bdiewa konċernati jingħataw kumpens għal ħsara li sofrew?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala d-drenaġġ qiegħed ifur b'mod regolari fi Triq il-Pitkali u Triq il-Mosta, Ħ'Attard.
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-raġuni illi far id-drenaġġ fi Triq il-Pitkali u Triq il-Mosta, Ħ'Attard huwa minħabba r-rimi li jsir minn bowsers f'discharge point li hemm taħt ir-Rabat. Dawn il-bowsers xi kultant jarmu illegalment ħmieġ u anke biċċiet ta' annimali mejta.
Din il-problema tissolva meta jitlesta l-main tar-Rabat li qiegħed isir mill-Master Plan Unit u għalhekk jonqos il-volum ta' drenaġġ li jgħaddi minn Ħ'Attard.