Jista' l-Ministru jgħid kemm il-Environment Impact Assessment/Statement saru minn Settembru ta' l-1998 sal-lum, fuq talba tal-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Minn min saru u kemm swew?
Jista' l-Ministru jikkonferma li wara s-sħubija ta' Malta fl-UE jidħlu forom ta' levies fuq l-ikel tal-Maltin u l-Għawdxin ferm għola minn dawk li tneħħew?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-negozjati finali ma' l-Unjoni Ewropea fuq Kapitolu 7 (Agrikoltura) għadhom fl-istadju inizjali u għalhekk m'hux il-mument opportun li tingħata l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-UE timponi fuq pajjiżna s-sistemi tat-TARIC fuq l-importazzjoni ta' l-ikel qabel u wara li Malta ssir membru ta' l-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Unjoni Ewropea ma timponi xejn fuq pajjiżna la qabel u lanqas wara li Malta tissieħeb.
Jista' l-Ministru jikkonferma li r-roħs tal-prezzijiet ta' l-ikel imħabbra mill-Gvern minħabba t-tneħħija tal-levy se jkun limitat sal-perjodu qabel Malta ssir membru ta' l-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
Le ma nikkonfermax li r-roħs tal-prezzijiet ta' l-ikel imħabbar mill-Gvern minħabba t-tneħħija tal-levies se jkun limitat sal-perjodu qabel Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea. L-għajnuna finanzjarja li se tingħata mill-Gvern titkompla wkoll wara s-sħubija bil-għan li l-prezzijiet tal-prodotti lokali jkunu kompetittivi fis-suq lokali.
Jista' l-Ministru jgħid tul l-2001 u tul l-2002 sa l-1 ta' Ġunju kemm saru applikazzjonijiet biex tkun tista' tinġarr ħamrija minn post għal ieħor?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul is-snin 2001 u 2002 (sa' l-1 ta' Ġunju) saru 77 applikazzjoni biex tkun tista' tinġarr ħamrija minn post għal ieħor. 55 applikazzjoni saru matul is-sena 2001, u 17-il applikazzjoni saru fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista' ta' 87 prodott ta' l-ikel li se jkunu suġġett ta' kwota u tariffa wara li Malta ssir membru ta' l-UE kif spjegat fit-tweġieb tiegħu fis-seduta 720?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant jirriferi għat-Taric ta' l-U.E.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista' ta' 539 prodott ta' ikel li fuqhom se jkun hemm special safeguards ta' l-agriculture products li l-UE għanda reġistrati mad-WTO wara li Malta ssir membru ta' l-UE kif spjegat fit-tweġieb tiegħu fis-seduta 720?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi l-Onor. Interpellant għal ftehim bejn l-U.E. u d-WTO li sar qabel u jifforma parti mil-ftehim ta' Marachesh.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-levies tal-Biedja f'pajjiżna huma limitati biss fuq 25% tal-prodotti li nikkonsmaw?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-levies tal-biedja f'pajjiżna huma dawk elenkati fl-Ewwel Parti tat-Tieni Skeda ta' l-Att dwar il-Promozzjoni ta' Prodotti Lokali (Kap. 336) kif jidhru fl-Avviż Legali 74 ta' l-2002 ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-28 ta' Marzu, 2002.
Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex il-ġnien fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjed ma sarx matul dawn l-aħħar snin?
Kemm il-darba iltaqgħa l-kunsill lokali tar-Rabat sabiex jiddiskuti dawn ix-xogħolijiet?
Meta u x'progress sar?
Meta fil-fatt se jibdew ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapurtati mill-ministeru u/jew dipartimenti, korporazzjonijiet eċċ, li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-minsteru bejn Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena?
X'valur, x'oġġetti eċċ, ġew misruqa?
X'passi ittieħdu?
Jista' jinfurmani ukoll bin-numru ta' serqiet li saru matul is-sena li għaddiet 2001?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li bejn Jannar u Marzu ta' din is-sena ġiet rappurtata serqa waħda. Din kienet ta' sitt palmiet mill-mixtla ta' Wied Inċita b'valur totali ta' Lm300. Il-każ kien irrappurtat lill-Pulizja u twaqqaf Bord biex jistabbilixxi l-fatti u jekk kienx hemm xi negliġenza minn naħa ta' xi impjegat. Is-sena li għaddiet kienu rappurtati disa' serqiet.
Jista' l-Ministru jinfurmani bl-azzjonijiet li qed jissoktaw sabiex fil-portijiet tal-gzejjer tagħna jkunu seguiti miżuri ta' kontrolli ħalli ma tidhierx f'pajjiżna l-marda t' l-ilsien u d-dwiefer?
Jista' jgħid port port x'miżuri qed jittieħdu u meta saru l-ispezzjonijiet matul dawn l-aħħar tlett xhur sabiex ikun assigurat dan il-kontroll?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-miżuri li qegħdin jittieħdu bħalissa huma dawk normali jiġifieri kontrolli fuq prodotti, filwaqt li d-Dwana tikkoopera billi tassigura li l-ebda prodott ta' l-annimali ma jiddaħħal mill-passiġġieri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa overtime għamlet il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament minn Jannar ta' din is-sena 'l hawn?
Kemm fil-fatt ilha mal-Ministeru u jew mad-dipartiment din il-persuna?
Kemm-il siegħa overtime għamlet din il-persuna matul l-1999, 2000 u l-2001?
X'inhuwa r-rwol ta' din il-persuna fil-Ministeru jew fid-dipartiment?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-persuna li għaliha qed jirriferi l-Onor. Interpellant, għandha rwol ta' Security Officer, ilha mal-Ministeru mit-18 ta' Jannar 2000.
Din il-persuna għamlet 31 siegħa sahra bejn Jannar u Frar ta' din is-sena. Fis-snin 2001 u 2000 is-sahra li ħadem kienet ta' 485 siegħa u 363.5 siegħa rispettivament.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettal tagħha qed jintbagħat separatament tingħata bowzer ilma?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li peress li ma ngħatax l-isem tal-persuna u peress li l-indirizz lanqas ma jidher fir-Reġistru Elettorali, ma kienx possibbli li jsir kuntatt bit-telefon mal-persuna konċernata biex ikun jista' jintbagħtilha bowser ilma, kif talab l-Onor. Interepllant.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'kienu r-raġunijiet li l-gvern ma żammx il-wegħda mas-sajjieda cioe li jirraġa s-slip way il-kbira ta' Marsaxlokk matul dawn l-aħħar 40 xahar?
Jista' jara li din is-sena jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet ħalli s-sajjieda jkunu jistgħu jtellgħu l-opri tas-sajd tagħhom għaliex fil-preżent ma jistgħux?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kuntrarjament għal dak li qed jallega l-Onor. Interpellant, jien infurmat li s-slipways kollha ta' Marsaxlokk ġew irranġati f'dawn l-aħħar 40 xahar inkluż s-slipway il-kbira li anki twaħħlulha kaxxi tad-dawl. Jien infurmat li jsir xi jsir fuq is-slipway il-kbira qatt ma jista' jkun hemm spazju għal madwar 400 dgħajsa u għalhekk hemm il-ħsieb u qed titħejja applikazzjoni għal sistema biex issolvi din il-problema. Meta jkunu approvati dawn il-pjani dan il-proġett jiġi attwat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammont ta' pjanti u xtieli li tkabbru sabiex id-dipartiment tal-biedja jiprovdihom lid-dipartimenti tal-gvern, skejjel, mużewijiet sabiex jissebbħu?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' pjanti u xtieli li tkabbru mit-Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali biex tipprovdihom lid-Dipartimenti tal-Gvern, skejjel, u mużewijiet is-sena li għaddiet ammonta għal 2,588.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Ministeru ppermetta s-second report ta' l-SMPPMA ntbagħat lill-EU bla ma ġie diskuss u jew approvat minn naħa tal-bdiewa, raħħala, sajjieda u l-Agro Industrija?
Response (ZAMMIT, NINU)
It-tieni rapport ta' l-SMPPMA kien diskuss b'mod estensiv mas-setturi kollha konċernati fil-laqgħat tal-MUSEAC kif ukoll fil-laqgħat ma' għaqdiet li jirrappreżentaw lill-bdiewa u lir-raħħala kif ukoll l-agro industrija. Dawn il-konsultazzjonijiet servew biex isir tibdil fir-rapport kif suġġerit mill-għaqdiet infushom. L-Unjoni Ewropea ġiet magħrfa b'dan it-tibdil.
B'referenza għall-istat ħażin li jinsabu fih il-ġonna tal-buskett, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li saru matul l-1999, 2000, 2001 u l-l2002 dwar din is-sitwazzjoni?
X'kienu r-raġunijiet li minkejja li skond il-ministru kellhom isiru x-xogħlijiet fir-Razzett tal-Bagħal matul dawn l-aħħar tlett snin, il-bini tar-razzett kompla ġġarraf aktar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li qegħdin isiru diskussjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar xogħlijiet meħtieġa fil-Buskett. Meta dawn id-diskussjonijiet jiġu ffinalizzati, jitħejja pjan ta' ħidma biex ix-xogħlijiet, inklużi dawk fuq ir-Razzett tal-Bagħal, jitwettqu skond il-fondi u riżorsi disponibbli.
Fil-frattemp qegħdin isiru xi xogħlijiet minuri mill-fondi u riżorsi umani disponibbli għat-Taqsima ta' l-Urban and Rural Landscaping fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura.