Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Kors għal wardens

Question

Billi jirriżulta li applikaw aktar minn 80 għal kors ta' warden, jista' l-Ministru jikkonsidra li dawn il-korsijiet isiru f'Għawdex stess biex b'hekk jitnaqqas ħafna mill-inkonvenjent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kien pjaċir għalija ninnota li kien hemm ħafna persuni li applikaw biex jagħmlu l-kors tal-Gwardjani Lokali organżżat mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Il-Korporazzjoni diġa bdiet tagħmel arranġamenti biex torganiżża l-kors f'Għawdex aktar tard din is-sena biex b'hekk l-applikanti Għawdxin ma jkollohomx għalfejn jiġu Malta. 1.3.99

Awtorita' tad-Djar — Garaxxijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għaddiet garaxxijiet l-Awtorita' tad-Djar lid-Dipartiment ta' l-Art minn dawk li l-istess awtorita' bniet fi Triq Ġanni Bonnici/Triq is-Siġġiewi, f'Ħaż-Żebbuġ? Kemm ġew mikrija lill-okkupanti tal-flats?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar ma għaddiet l-ebda garaxx lid-Dipartiment tal-Art. F'dan il-proġett kien hemm 24-il garaxx li għoxrin minnhom ġew abbinati u allokati mall-appartamenti, wieħed qed jintuża bħala 'substation' u tlieta inħarġu jew ser jinħarġu għall-bejgħ b'offerti. 1.3.99

Sigurta' Soċjali — Unemployment benefits

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f'unemployment benefits sena b'sena, bejn l-1994 u llum, f'kull uffiċċju distrettwali, uffiċċju b'uffiċċju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 1.3.99

Sigurta Soċjali — Social Assistance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm familji f'Għawdex bdew igawdu wara li l-każ tagħhom deher quddiem is-Social Assistance Bord mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-5 ta' Settembru 1998 l'hawn kien hemm żewġ każijiet ta' persuni Għawdxin li qed japplikaw għall-Għajnuna Soċjali lill-Bord maħtur apposta taħt il-liġi. Dawn iż-żewġ applikazzjonijiet saru fit-30 ta' Novembru, u fl-10 ta' Diċembru 1998 rispettivament. Applikazzjoni għal din l-Għajnuna ssir wara li l-persuna konċernata tkun nqatgħet mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ milli tkun reġistrata fuq l-Ewwel Parti tar-reġistru, u tiġi reġistrata fuq it-Tieni Parti. Fil-każijiet li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant, jirriżulta li dawn kienu rrifjutaw impieg li kien ġie offrut lilhom mill-Korporazzjoni. Fiċ-ċirkostanzi l-Onor. Interpellant jifhem li d-Dipartiment jeħtieġ aktar investigazzjonijiet, skond il-proċeduri stabbiliti mill-Bord ta' l-Assistenza, qabel ma tittieħed deċiżjoni. 1.3.99

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pensjonanta li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għadha ma ħaditx iż-żieda ta' l-għoli tal-ħajja għall-1998 u lanqas ingħatat l-arretrati li kienu dovuti lil żewġha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ser tiġi nfurmata dwar il-pensjoni tagħha u ż-żidiet dovuti lilha. 24.2.99

Ċentru ta' Ħal Far — Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'diżabilita' li jmorru fiċ-Ċentru ta' Ħal Far? Kemm hemm vetturi biex iwassluhom? Fi x'ħin dawn il-vetturi suppost li jiġbru lil dawn il-persuni? Fi x'ħin fil-fatt qed jiġbruhom? Għaliex persuna miż-Żurrieq li suppost tinġabar għall-ħabta tat-8.00 a.m. qed imorru għaliha għall-ħabta tad-9.00 a.m. u din il-persuna ddum ħafna tistenna l-vettura fil-kesħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni b'diżabilita' li jattendu ċ-Ċentru ta' Ħal-Far huwa 82. Dawn qed iwassluhom 8 vannijiet provduti mill-Koperattiva tal-'Minibuses': dawk li huma 'wheel-chair users' qed jiġu mwassla minn 2 'tail-lift vans'. Il-vannijiet jibdew jiġbru lit-tfal fit-8.00 ta' filgħodu, iżda żgur li jkun hemm dewmien fil-ġbir tal-persuni b'diżabilita' minn dar għall-oħra. Jiena nfurmat li l-'van' li jiġbor il-persuni b'diżabbilita' miż-Żurrieq jaslu fiċ-Ċentru ta' Ħal-Far bejn it-8.45am u d-9.00am. Il-persuni b'diżabbilita', inklużi dawk taż-Żurrieq, jinġabru kollha minn quddiem il-bieb tagħhom u għalhekk ħadd ma huwa mitlub li jistenna barra fil-kesħa. 24.2.99

Liġi tas-Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inbediex ix-xogħol fuq ir-reviżjoni tal-liġi tas-sigurta' soċjali? Jekk iva, f'liema stadju qiegħed ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-suġġeriment biex il-liġi dwar is-Sigurta' Soċjali tiġi riveduta biex tinftiehem aħjar minn kullħadd qegħda tiġi kkunsidrata. 24.2.99

Ministeru għall-Politika Soċjali — Computer scanners

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computer scanners kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta'tad-dekasteru tiegħu dipartiment, b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma? Meta nxtraw? Kemm swew fi spejjeż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. 23.2.99

Djar — Allokazzjoni ta' postijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-postijiet li ġew allokati mill-elezzjoni sal-lum? F'liema lokalita' u f'liema dati ġew allokati? Jista' l-Ministru jinformana wkoll dwar il-marki li kellhom biex ikkwalifikaw biex jieħdu l-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni qeda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 23.2.99

Liġi tal-Koperattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' konsultazzjoni qed issir fir-rigward tat-tibdil fil-liġi tal-Koperattiva? Ma' min qed issir din il-konsultazzjoni? Meta hi ppjanata li din ir-reviżjoni tiġi ffinalizzata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, issa li reġa nħatar il-Bord tal-Koperattivi, ser jitkompla x-xogħol fir-rigward tat-tibdil fil-Liġi tal-Koperattivi. Il-Bord preċedenti kien diġa' beda dan ix-xogħol fejn: (a) stieden lill-koperattivi reġistrati jibagħtu s-suġġerimenti tagħhom, (b) ha pariri mingħand Prof. Hans Munkner, li kien għen fl-abbozz tal-liġi preżenti u (c) ipprepara abbozz preliminarju ġdid tal-liġi. Il-Bord il-ġdid issa qiegħed jidentifika esperti internazzjonali oħra fil-qasam koperattiv li flimkien ma' istituzzjonijiet u persuni interessati jistgħu jikkontribwixxu għal dan it-tibdil fil-Liġi. Huwa wkoll mistenni li l-Organiżżazzjoni Apex u l-Allejanza Internazzjonali tal-Koperattivi jikkontribwixxu f'dan il-proċess. Huma ppjanati li jsiru aktar laqgħat u diskussjonijiet sabiex jitkompla dan il-proċess tar-reviżjoni. 23.2.99

ETC — Rapport tas-sena 1998

Question

B'riferenza għal dak li nsibu f'paġna 30 tar-rapport ta' l-ETC għas-sena li għaddiet, jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom ifittxu xogħol skond l-age groups differenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'referenza għal dak li nsibu f'pagna 30 tar-rapport ta' l-ETC, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ta' kemm nies ilhom ifittxu xogħol skond l-eta' għal Settembru 1998. 23.2.99

Djar — Responsabbiltajiet

Question

Peress li skond ma ġie rapportat fit-12 ta' Frar, 1999 fin-Nazzjon, responsabbiltajiet tad-dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali se jiġu taħt l-Awtorita' tad-Djar, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawn ir-responsabbiltajiet u x'inhu l-ħsieb tal-gvern? Jista' jgħid ukoll x'se jiġri mill-ħaddiema tad-dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ħtieġa li l-funzjonijiet li preżentement iwettqu l-Awtorita' tad-Djar, d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali u d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jitwettqu b'mod aktar integrat ilha tinħass u fil-fatt xi żmien ilu kien tħejja rapport dwar dan is-suġġett mill-"Management Efficiency Unit" ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Għadu prematur, iżda, li tingħata l-informazzjoni speċifika mitluba mill-Onor. Membru. 23.2.99

Pensjonijiet — Pensjoni ta' invalidita'

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' dawk l-individwi li mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-lum: (i) ingħataw il-pensjoni ta' l-invalidita' taħt il-pensjoni tan-National Insurance; (ii) ingħataw SKA; (iii) ingħataw SA; u (iv) ingħataw l-unemployment benefit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif ġej:- i. Pensjonijiet ġodda ta' l-Invalidita' wara s-7 ta' Settembru 1998 kien hemm 286. ii. Numru li ngħataw l-SKA kien ta' 546. iii. Numru ta' persuni li ngħataw l-SA kien ta' 1727. iv. In-numru ta' unemployment jew special unemployment benefit kien ta' 1504. Fil-każi ta' SA u SKA jrid jingħad li dawn il-figuri jistgħu jinkludu numru ta' każijiet li ġew reveduti mis-7 ta' Settembru 'l hawn u li għalhekk setgħu kienu jitħallsu wkoll qabel din id-data. 23.2.99

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifri ta' dawk li qegħdin jirreġistraw f'Għawdex għax-xogħol taħt Part I u Part II xahar b'xahar minn Settembru sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' Għawdxin li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa Diċembru 1998 kien kif ġej: XHUR PART I PART II ---- ------ ------- Settembru 1998 579 13 Ottubru 1998 594 14 Novembru 1998 595 27 Diċembru 1998 577 27 23.2.99

Djar

Question

Jista' l-Ministru jara li tintlaqa' t-talba ta' l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament sabiex il-bieb tal-flat li ġiet allokata ftit ilu jiġi msaħħaħ peress li qed tibża' tidħol fih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-ispezzjoni meħtieġa. 23.2.99

Djar — Bini ta' appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' tad-Djar hux se tkompli bil-ħsieb li jinbnew sulari addizzjonali fuq appartamenti tal-gvern diġa' abitati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

S'issa għada ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali jekk l-proġett ta' bini ta' sulari addizjonali ghandux jitkompla. 23.2.99

Children's allowance

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li rċevew u qed jirċievu Children's Allowance ġewwa l-ibliet ta' Bormla, Birgu, Senglea, u l-irħula ta' Xgħajra, Kalkara tul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 u kemm għalhekk tħallsu flus fuq dan sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' familji li rċevew l-Allowance tat-Tfal ġewwa l-bliet ta' Bormla, Birgu u l-Isla u l-irħula tax-Xgħajra u l-Kalkara matul is-sena 1997 u 1998 huwa kif jidher aktar 'l isfel. Ma teżistix informazzjoni dwar is-snin 1995 u 1996. Qatt ma inħass il-bżonn li tinġabar statistika dwar l-ammonti ta' Allowance tat-Tfal li jkunu ġew imħallsa f'kull lokalita' ta' Malta. BELT JEW RAĦAL 1997 1998 -------------- ---- ---- Bormla 687 718 Birgu 307 297 L-Isla 433 402 Xgħajra 97 115 Kalkara 367 387 22.2.99

Bormla — Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista'l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema pożizzjoni wasal il-bini ta' kostruzzjoni u tkomplija tad-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla u jekk kemm-il darba hemmx xi intoppi imprevisti f'dan il-proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ix-xogħol ta' kostruzzjoni fid-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla ilu li tlesta. F'dawn l-aħħar 4 xhur inħarġu numru ta' tenders sabiex jitkomplew xogħolijiet oħra, bħal xogħol ta' ilma u dranaġġ, tibjid u tikħil, xogħol fuq il-bjut, bibien u twieqi ta' l-aluminium, xiri u stallazzjoni ta' "lifts", xiri ta' "catering equipment" u xogħol ta' madum u kmamar tal-banju. Inqala intopp fl-għotja tat-tender tal-madum u kmamar tal-banju peress li sar protest uffiċjali quddiem id-Direttur tal-Kuntratti. Għadni kif ġejt infurmat li d-Direttur tal-Kuntratti, wara seduta pubblika li saret fl-20 ta' Jannar 1999, iddeċieda li dan it-Tender għandu jerġa joħroġ. 22.2.99