Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – investigazzjoni ta’ każijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm każijiet bħalissa li qed jiġu investigati mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur għal xi allegat ksur tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li bħalissa hemm tmien investigazzjonijiet fejn proċeduri amministrattivi jew kriminali huma pendenti.

Laqgħat bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni rigward ilmenti ta’ konsumaturi fil-qasam tal-komunikazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena ma saret l-ebda laqgħa bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni rigward ilmenti. L-Uffiċċju kkomunika direttament mal-Awtorita’ msemmija permezz ta’ emails u telefonati.

Laqgħat bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji rigward ilmenti ta’ konsumaturi f’dan il-qasam?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ma kienx hemm ħtieġa li jsiru laqgħat bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji rigward ilmenti dwar dan il-qasam. Ir-raġuni hija li l-ilmenti f’dan il-qasam jiġu mressqa direttament lill-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – ħlas lill-membri

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28913, tista’ l-Ministru telenka kemm tħallsu l-membri tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur fis-sena 2014, 2015 u 2016?

Response (DALLI, HELENA)

Matul il-perjodu 2014-2016 iċ-ċhairperson u membri tal-kunsill tħallsu: EXP 2013 EXP 2014 EXP 2015 EXP 2016 Onoraria €13421.60 €11364.74 €8520.35

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – taxxa mħallsa

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28913, tista’ l-Ministru tgħid fiex kienet tikkonsisti t-taxxa mħallsa mill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur kif indikat fir-rapport magħmul mill-Kunsill?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-imsemmija taxxa tirreferi għat-taxxa fuq l-Onoraria.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – Infiq

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28913, tista’ l-Ministru tgħid x’kienet ir-raġuni li ntefqu €1289.18 għat-travel li sar mill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-irċevuti?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-ispejjez ta’ l-vjaġġar jinkludu; biljett tal-ajru €430, subsistence allowance €701.8, insurance €9. Kien ukoll imnizzel reklamar ta' €148.38 ma dawn it-totali li gew inkluzi fit-total ta’ bi zvista. Dawn l-ispejjez tar- reklami xorta kienu maħruġa mill-kunsill f’dik is-sena imma taħt infieq oħra. Għaldaqstant l-spiża fuq vjaġġar kien ta’ €1140.8 u mhux €1289.18.

Liġi dwar ħatriet ta’ persuni b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tinforma l-Kamra x’passi ħa l-Gvern minn mindu daħal fis-seħħ l-Att numru VII tal-2015 – fl-10 ta’ Marżu 2015, jiġifieri aktar minn sena u tmien xhur ilu – rigward ħatriet ta’ persuni b’diżabilità fid-diversi entitajiet indikati f’dik l-istess liġi?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru kkoncernat.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar ix-xandir ta’ sports

Question

B’referenza għat-tweġiba ghall-mistoqsija parlamentari 28891 rigward ix-xandir tal-isports, partikolarment tal-football, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx imressaq ilment quddiem l-Uffiċċju fuq din il-kwistjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li kien tressaq ilment fuq dan il-kaz.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar ix-xandir ta’ sports

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28890 rigward ix-xandir tal-isports, partikolarment tal-football, tista’ l-Ministru tgħid liema kienu dawk il-prattiċi li kienu allegati fis-sena 2010 u li ma baqgħux għaddejjin? Tista’ tgħid b’liema mod l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni aċċerta ruħu li l-allegati prattiċi ma baqgħux għaddejjin? Tista’ tgħid ukoll kif l-istess Uffiċċju aċċerta ruħu li l-effetti ta’ ħsara m’għadhomx jippersistu?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma jistax jagħti informazzjoni ulterjuri milli diġa pprovda fit-tweġibiet parlamentari preċedenti qabel ma l-investigazzjoni tiġi formalment konkluża għax dan jista’ jkun ta’ preġudizzju tal-każ.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar ix-xandir ta’ sports

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28890 rigward ix-xandir tal-isports, partikolarment tal-football, tista’ l-Ministru tgħid kemm f’dawn l-aħħar sentejn kien hemm investigazzjonijiet li kienu jimmeritaw iktar attenzjoni mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni skont l-artikolu 15 (1) (a) u (c) u liema setturi dawn jikkonċernaw?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-ufficcju kellu 28 kaz li kien jimmeritahom priorita. Rigward is-setturi, l-Onorevoli interpellant qed jiġi riferut għat-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 34711 tas-seduta tas-17 ta’ Mejju 2012 fejn intqal dan li ġej: ‘ma jkunx prudenti li l-Uffiċċju jiddikjara b’mod pubbliku s-setturi u l-każijiet li hu jkun qed jagħti prijorità dan għax din l-informazzjoni tista’ tippreġudika l-investigazzjonijiet li l-Uffiċċju jkun qed jagħmel jew bi ħsiebu jagħmel. Apparti dan jista’ jagħti messaġġ lil setturi oħra li huma mhux ser jiġu investigati.’

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar ix-xandir ta’ sports

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28890 rigward ix-xandir tal-isports, partikolarment tal-football, peress li jiena wkoll staqsejt meta l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ddeċieda li dan il-każ m’għadux rilevanti, tista’ l-Ministru tgħid meta l-Uffiċċju wasal għal din id-deċiżjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju wasal għal din id-deċiżjoni imsemmija fil-bidu tal-2015.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar ix-xandir ta’ sports

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28890 rigward ix-xandir tal-isports, partikolarment tal-football, tista’ l-Ministru tgħid meta saret ir-riċerka fil-files kif indikat fit-tweġiba?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li r-riċerka fil-files pendenti kienet saret fil-bidu tal-2015

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28888 rigward korrispondenza li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni bagħat lill-Kummissjoni Ewropea rigward id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tat-3 ta’ Mejju 2016, tista’ l-Ministru tgħid min, minn dawk indikati fl-artikolu 28 tal-Kap. 510, iddeċieda li partijiet tal-email għandhom jiġu ingassati għax meqjusa kunfidenzjali?

Response (DALLI, HELENA)

L-informazzjoni ingassata ġiet meqjusa interna skont artikolu 28 tal-Kap. 510, Att dwar il-Kompetizzjoni, mid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni.

MCCAA – Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – konsultazzjoni pubblika

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28530, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Bord tal-Gvernaturi tal-MCCAA ġiex ikkonsultat qabel l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni bagħat il-kontribuzzjoni tiegħu?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-kontribuzzjoni saret mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u għal din ir-raġuni l-Bord ma ġiex ikkonsultat.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – kontribuzzjoni fil-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni Ewropea ‘Empowering the National Competition Authorities to be more Effective Enforcers

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28530, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn il-kontribuzzjoni tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni hija meqjusa bħala kunfidenzjali?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju bagħat it-tweġibiet għall-kwestjonarju u għażel li jwieġeb skont waħda mill-għażliet offruti jiġifieri li “ Cannot be directly published but may be included within statistical data.” Dan sar għax ċertu informazzjoni tista’ tkun, informazzjoni interna jew sensittiva.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – kontribuzzjoni għall-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni Ewropea ‘Empowering the National Competition Authorities to be more Effective Enforcers

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28530, peress li l-Ministru rreferiet għall-għadd ta’ awtoritajiet ta’ stati membri oħra li għażlu li t-tweġibiet tagħhom jintbagħtu fuq bażi kunfidenzjali u ma jiġux ippubblikati, tista’ l-Ministru tgħid għal liema awtoritajiet oħra qed tirreferi u li allura għażlu li jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom b’dan il-mod?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li kif jirriżulta mis-sit tal-Kummissjoni Ewoprea http://ec.europa.eu/competition/consultations/2015_effective_enforcers/index_en.html taħt is-sezzjoni “Public Authorities”, numru ta’ awtoritajiet għażlu li t-tweġibiet tagħhom jiġu ippubblikati mentri t-tweġibiet ta’ awtoritajiet oħra ma ġewx ippubblikati fosthom tal-Bulgaria, Greċja, Ungerija, Slovenia, Ċipru, Lussemburgu u Polonja.

Direttur Ġenerali (Konsumatur) – ħruġ ta’ Avviżi Pubbliċi skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumaturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena, minn Marzu 2013 ‘il hawn, kemm-il avviż pubbliku ġie maħruġ mid-Direttur Ġenerali (Konsumatur) skont l-Artikolu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur għad-deċiżjonijiet tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi li ma ġewx onorati? Għal kull każ, tista’ tindika meta nħarġet id-deċiżjoni tat-tribunal, meta ġie maħruġ l-avviż pubbliku mid-Direttur Ġenerali (Konsumatur) u kemm għadda żmien biex ġie maħruġ l-avviż pubbliku minn meta nħarġet id-deċiżjoni tat-Tribunal? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal u l-avviżi pubbliċi riferuti?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informzzjoni mitluba.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – laqgħat mal-organizzazzjoni li tablet il-ħruġ ta’ interim measure

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28886 fejn intqal li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni mhux obbligat joħroġ deċiżjoni jekk issirlu talba biex tinħareġ interim measure, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret bejn l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u l-organizzazzjoni li talbet li tinħareġ l-interim measure? Jekk dawn il-laqgħat ma sarux, tista’ tgħid għaliex dawn ma sarux?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li peress li l-Ufficcju tal-Kompetizzjoni kien għadu qed jiġbor l-informazzjoni mingħand l-intrapriżi msemmija fit-talba, ma setgħax joħroġ interim measure jew jiltaqa’ mal-organizzazzjoni li kienet qed tagħmel it-talba.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar ix-xandir ta’ sports

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28891 rigward ix-xandir tal-isports, partikolarment tal-football, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-każ huwiex meqjus bħala magħluq mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Ufficcju ma jqisx li l-kaz huwa magħluq.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni –każijiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru, mingħajr ma tindika l-partijiet, telenka liema setturi jikkonċernaw dawk il-każijiet kollha li għadhom pendenti quddiem l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u li ġew imressqa quddiemu wara li saru l-emendi għall-Att dwar il-Kompetizzjoni fl-2011? Għal kull każ, tista’ l-Ministru tgħid liema huma dawk l-artikoli tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li dawn il-każijiet allegatament qed jiksru? Għal kull każ, tista’ tgħid liema huma dawk l-artikoli tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li l-Uffiċċju qed juża sabiex jinvestiga dawn il-każijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lil Onorevoli Interpellant għat-twegiba li ngħatat għal-mistoqsija 28518 rigward is-setturi konċernati. Peress li l-investigazzjoni għadhom għaddejjin ikun prematur li jindika taħt liema artiklu qed jiġu investigati. L-investigazzjonijiet qed isiru taħt Artiklu 12 tal-Att Dwar il-kompetizzjoni.