Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gallerija Perikoluza

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li x-xogħol fuq gallerija perikoluza li hemm fi Blokk 2, Flat 12, fuq San Pawl, Bormla isir sabiex jitneħħa l-periklu? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol hu inkjest, x'se isir u meta ser isir dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li fil-parti annessa maċ-cheque tal-pensjonijiet, inkun hemm aktar tagħrif dwar kemm support hi l-pensjoni u kemm inqata', jekk ikun il-każ, għall-ħlas ta' residenza għall-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-aħħar ta' kull sena, pensjonanti li jkunu f'residenza għall-anzjani tal-Gvern diġa' jirċievu notifika dwar l-ammont ta' pensjoni u bonus imħallsa direttament lilhom u ta' l-ammont li jkun tħallas lill-Welfare Committee, skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, separatament matul dik is-sena.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta ser isiru x-xogħolijiet ta' riparazzjoni tant urġenti u neċessarji fil-fond li d-dettalji tiegħu qed jingħataw taħt separate cover? Jafx il-Ministru wkoll li d-dipartiment konċernat b'ittra datata 16 ta' Frar wiegħed li ser jagħmel dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li x-xogħol meħtieġ ser isir fil-futur immedjat hekk kif id-Dipartiment jingħata kwotazzjoni għax-xogħol mill-kuntrattur. Din l-istess informazzjoni ngħatat permezz ta' ittra lill-Onor. Interpellant il-ġimgħa l-oħra stess. Hu ppjanat għalhekk li dawn ix-xogħolijiet isiru f'April li ġej.

Tfal mil-Pakistan

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux veru li hawn persuna li qegħda tirranġa biex iġġib tfal mill-Pakistan lil koppji bla tfal Maltin biex dawn jaddottawhom qabel dawn jgħalqu t-30 sena u qabel ma jkun għalqu 5 snin miżżewġin? Jaf li din il-persuna qed iġġib dawn it-tfal taħt it-titolu legali ta' kura w kustodja għal finijiet tal-liġi Maltija u għal finijiet tal-liġijiet tal-Pakistan taħt addozzjoni? Din il-persuna hija awtorizzata u għandha standing legali? X'poter u x'għarfien fil-każ għandha din il-persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta sar magħruf każ ta' koppja Maltija li ġiebet mill-Pakistan minuri għal skop ta' adozzjoni, meta din il-koppja ma setgħetx tadotta skond il-liġi Maltija, id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja ħa passi legali biex dan l-arranġament ma jsirx. Irrid ninforma lill-Onor. Interpellanti li saru arranġamenti mat-Taqsima ta' l-Immigrazzjoni tal-Pulizija biex ma jkunux jistgħu jidħlu Malta tfal bi skop ta' adozzjoni kemm il-darba ma jkollhomx persuni adottivi prospettivi kwalifikati skond il-liġi Maltija. Il-liġi Maltija dwar l-adozzjoni tippermetti adozzjonijiet privati, jiġifieri, fejn id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja ma jkunx involut qabel it-tifel jew tifla jmorru joqgħodu mal-koppja li tkun ser tadotthom. Ma hawn ebda persuna awtoriżżata jew li għandha standing legali speċifikatament biex tagħmilha ta' sensara għal adozzjonijiet.

F.S.S.

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li numru ta' anzjani għadhom ma irċevew ebda żieda għall-għoli tal-ħajja? Jista' jgħid wkoll x'inhi r-raġuni li fejn tidher iż-żieda, ma jidhirx tnaqqis tal-F.S.S.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond ir-rekords tad-Dipartiment, huma biss l-anzjani li jinsabu rikoverati f'istituzzjonijiet tal-Gvern għall-anzjani li għadhom ma tħallsux iż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Peress li mill-pensjoni tas-sigurta' soċjali trid titnaqqas kontribuzzjoni li tista' tlaħħaq sa 60% tad-dħul tal-pensjonant bħala kontribuzzjoni dovuta lill-Kumitat tal-Welfare fil-każ ta' persuna residenti f'xi istituzzjoni tal-Gvern, ma tistax tiġi riveduta r-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali qabel jsir il-kalkolu tal-kontribuzzjoni dovuta. Bħalissa d-Dipartiment tal kura ta' l-Anzjani qiegħed jaħdem r-rata ta' kontribuzzjoni dovuta mill-anzjani fis-sena kurrenti. Dan jirrekjedi assessment tad-Dħul kollu tal-pensjonant biex tiġi stabbilita r-rata korretta dovuta lill-Kumitat tal-Welfare. Jiena nfurmat li x-xogħol fuq dawn ir-rati jinsab miexi sew u hekk kif jitlesta dan ix-xogħol t-Taqsima tal-pensjonijiet tkun tista' tħallas il-benefiċċju bir-rata dovuta lill-anzjani.

Computer Awareness Courses for the Unemployed

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-computer awareness courses for the unemployed li ġew ikkummissjonati mill-ETC lill-Executrain, kienu ġew imġiegħla jħallsu għalihom dawk li attendew għalihom (kull ġurnata)? Kemm -il course ġew esegwiti u kemm swew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Computer Awareness Courses for the Unemployed li ġew organiżżati mill-ETC fl-Executrain Training Centre kienu b'xejn għal dawk li attendew għalihom. F'dawn il-programmi ipparteċipaw 18-il persuna u sewa b'kollox Lm180.

Pensjoni

Question

B'referenza għall-dawk il-persuni li fil-passat kienu jaħdmu bħala sefturi u li llum anzjani, u li lilhom kienet ġiet mgħotija l-fakulta li jħallsu l-bolli kollha b'lura f'daqqa imma minħabba raġunijiet aċċettabli varji tilfu l-okkazjoni, hemm xi possibilita li dawn in-nies jerġgħu jingħataw din il-faċċilita sabiex huma wkoll jibdew jibbenefikaw u jirċievu l-pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija 24129 dwar dan is-suġġett. Naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza li l-iskema Nazzjonali hija skema ta' assigurazzjoni, mhux skema ta' investiment. Tajjeb jingħad li l-kontribuzzjoni tas-sigurta' soċjali ma titħallasx biss għal skopijiet ta' pensjoni. Għaldaqstant bħal kull assigurazzjoni l-aktar ħaġa importanti hi li titħallas l-premium fil-ħin biex il-persuna (jew l-eredi tagħha jekk ikun il-każ) tkun koperta meta tinqala' xi kontinġenza.

Kera

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jistax jinvestiga jekk il-kera ta' Lm 270 per annum li qed tinżamm lill-inkwilin ta' block 18A, Fl. 5, Fresja Str, S.Ġwann hiex ġustifikata billi l-inkwilin ikkonċernat jgħix bir-relief?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-kera ssussidjata li qiegħed iħallas l-inkwilin imsemmi fil-fatt hu ta' Lm64.50 fis-sena.

Kera

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga jekk il-kera ta' Lm 150.50 pa tal-flat 14A, Fl7, Stefanotis Str, San Ġwann hiex ġustifikata billi issa persuna mill-erba' residenti tal-flat ġiet qiegħda u b'hekk irriżulta li hemm persuna waħda biss minnhom li qed taħdem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-kera ssussidjata tal-familja ndikata hi maħduma sewwa skond il-ftehim tal-Kiri ffirmat fl-1 ta' Diċembru 1989.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tistax l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tiġi ikkunsidrata mill-ETC għal xogħol ta' salesman jew sales rep wara li ġiet qiegħda xi żmien ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif għidt kemm il-darba, il-Korporazzjoni tikkunsidra lil kull min qiegħed jirreġistra għax-xogħol meta jiġi riferut għall-intervista skond il-preferenza li qiegħed jirreġistra għaliha. Xorta waħda il-Korporazzjoni ser tieħu nota tat-talba tal-Onor. Interpellant.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'benefiċċji għandha dritt għalihom l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, għall-benefiċċji tal-mard, karta roża, telecare u sussidju fuq is-servizz ta' l-ilma u dawl?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li għal dak li jirrigwarda l-benefiċċju tal-mard, il-karta r-roża u s-sussidju fuq is-servizz ta' l-ilma u dawl, il-persuna ndikata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi tal-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Dwar is-servizz tat-Telecare il-persuna konċernata għandha tiġbor fuljett dwar is-servizzi lill-anzjani mis-Servizz Anzjan, Santa Venera jew mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta' tas-Sliema.

Għajnuna tal-Mard

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bbenefikaw minn għajnuna tal-mard f'Settembru 1998, 1999 u 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta' persuni li bbenefikaw għall-ewwel darba minn Għajnuna għall-Mard kien hekk: (i) Settembru 1998 - 105 (ii) Settembru 1999 - 117 (iii) Settembru 2000 - 50 Inżid ukoll li l-għadd totali ta' persuni li bbenefikaw minn Għajnuna għall-Mard fl-aħħar ta' Settembru 2000 kien ta' 13,601 persuna.

Bormla — Ġeneratur

Question

Peress li ilhom jinstemgħu ilmenti dwar storbju u irwejjaħ ġejjin minn ġeneratur li hemm fid-dar ta' l-anzjani, Bormla, u peress wkoll li l-ġirien ġew imwiegħda li dan l-inkonvenjent ser jispiċċa, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta ser isir dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux veru li l-ġeneratur tad-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla jagħmel l-istorbju u ċerti rwejjaħ.

M'Scala — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux xi spezzjonijiet fi Triq il-Riġnu, M'Scala u x'irriżulta minnhom? Kemm hemm postijiet f'din it-triq u f'kemm-il post saret spezzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fi Triq ir-Riġnu M'Scala hemm għoxrin Maisonette u saru għoxrin spezzjoni. Minn dawn l-ispezzjonijiet kien hemm disgħa benefiċjarji li ma kienux preżeenti u ser terġa ssirilhom spezzjoni oħra. Minn ħdax-il spezzjoni l-oħra għaxra minnhom huma okkupati u wieħed ġie traferit lill-terzi.

Bormla — Bini

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li bini tal-Gvern li qed jinbena fi Triq St John kantuniera ma St Frances Street, Bormla twaqqaf? Jista' jgħid wkoll xi drittijiet għandha l-familja li ġratilha ħsara fid-dar tagħha meta kien qed isir it-tħaffir tal-pedamenti ma' l-appoġġ ta' din id-dar u minħabba x-xogħol li qed isir ma' l-istess dar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għandi ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni li x-xogħol fuq dan il-proġett waqaf għax il-kuntrattur kien qiegħed jagħmel xogħol ħażin. Għal din ir-raġuni il-kuntratt ġie terminat u sejħa ġdida ħierġa fil-futur immedjat. Ma jirriżulta li sar ebda rapport lid-Dipartiment dwar hsara kawżata mix-xogħolijiet tat-twaqqiegħ. Għalhekk qiegħed nirreferi l-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga.