Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 11458. Bl-allegazzjoni ta'Lm3 għal kull membru tal-Korp fid-diversi taqsimiet/diviżjonijiet biex jiġi organizzat party tal-Milied, jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-somma totali li se tinħareġ din is-sena? Għal kemm, skond it-tweġiba għall-istess mistoqsija, huwa pprojbit li jsir ġbir ta'flus jew affarijiet oħra, jista' jiżgura li dan ma jsirx u jgħabbi b'inkarigu speċjali lill-uffiċjali għolja tal-Korp?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Lm3 allokati għal kull membru tal-Korp li jammontaw għal Lm5,445 jinħarġu mill-Police Fund li għalih jikkontribwixxu l-membri tal-Korp.
Ninsab infurmat ukoll li diġa` ħarġu struzzjonijiet bil-miktub kontra kull forma ta` ġbir għal dawn il-parties. Huwa d-dover ta` kull uffiċjal li jassigura li ma jkunx hemm abbużi mis-subalterni tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid, matul dawn l-aħħar ħames snin, kemm saru delitti bl-armi tan-nar? Jista' jgħid f'kull każ x'tip ta' arma ntużat? Jista' l-Ministru jgħid ukoll f'kull każ kemm l-arma kienet miżmuma bil-permessi meħtieġa?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal każi ta` omiċidji b`arma tan-nar, ninsab infurmat li mill-1995 sal-lum kien hemm 14-il każ.
F`10 każi, l-arma tad-delitt kienet senter, li 6 kienu liċenzjati, 3 ma kienux liċenzjati, filwaqt li f`każ ieħor l-arma tad-delitt u min wettaq id-delitt għadhom ma nstabux.
Fl-4 każi oħra, l-arma tad-delitt kienet pistola, li 2 irriżulta li ma kienux liċenzjati, filwaqt li fiż-żewġ każi l-oħra, la nstabet l-arma u lanqas min wettaq id-delitt u għaldaqstant ma jistax jingħad jekk dawn l-armi kienux liċenzjati jew le.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema skop u raġuni sar l-akkwist ta' l-art mill-gvern f'Bormla kif jidher immarkat fuq pjanta L.D. 176/90/A/1 għand id-Dipartiment ta' l-Artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-iskop li għalih sar l-akkwist ta` l-art f`Bormla, murija fuq il-pjanta L.D. 176/90/A/1, kien għal Slum Clearance.
Jista' l-Ministru jgħid għal-liema skop u raġuni sar l-akkwist ta' l-art mill-Gvern fil-Belt Valletta, kif jidher immarkat fuq pjanta L.D. 220 A/88 għand id-Dipartiment ta'l-Artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-iskop li għalih sar l-akkwist ta` l-art fil-Belt Valletta, murija fuq il-pjanta L.D. 220A/88, kien għal Slum Clearance.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex kamra li nbniet bla permess fi Triq il-Mensija 'l fuq mill-Cart Ruts li dwarha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ġiet informata mill-Kunsill Lokali ta' San Ġwann permess ta' ittra datata 11 ta' Frar, 1999 tiġi mneħħija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ġie nvestigat mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar u rriżulta li s-sit huwa kopert mit-tiġdid tal-permess PA 1775/93 f`permess PA 5936/94 approvat fis-17 ta` Lulju 1996. Dan il-permess approva t-twaqqiegħ ta` kamra/garaxx imsemmija u minflok jittella` garaxx ieħor tul il-plot kollu. Irriżulta wkoll li minħabba li hemm xi kawżi privati fil-Qorti dan ix-xogħol ma jistax jinbeda. L-Awtorita` ser tibqa` ssegwi l-iżvilupp tal-każ u tirregola ruħha skond il-liġi u ċ-ċirkostanzi.
Il-Kunisll Lokali ġie nfurmat bir-riżultat ta` dan fil-laqgħa tat-8 ta` Lulju 1999.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11686, jista' l-Ministru ġentilment igħidilna kif filwaqt li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għadha għaddejja minn riforma, nħoloq post ġdid ta' office administrator - liema vakanza mtliet diġa'?
Fl-istess tweġiba ntqal ukoll li l-kariga ta' personnel assistant se tiġi eliminata. Jekk iva, meta?
Response (BORG, TONIO)
Il-post il-ġdid ta` 'HR Office Administrator' inħoloq fil-proċess tar-riforma li qegħda ssir fl-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Wara li eżaminat il-bżonnijiet tal-funzjoni tar-Riżorsi Umani, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar iddeċidiet li l-pożizzjoni ta` Senior Administrative Assistant (Personnel) m`huwiex bżonnjuż f`dan l-uffiċċju.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy ta' re-instatement ta' pulizija nisa f'dan il-każ, tfajla ta' 26 sena, li diġa' kellha ħames snin servizz fil-Korp tal-Pulizija?
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal, meta se jkun finalizzat u eventwalment ippubblikat il-pjan ta' azzjoni għall-Pembroke?
Response (BORG, TONIO)
Il-Pjan għall-Portijiet tat-Tramuntana jinkludi 'policies' għal Pembroke li eventwalment joħorġu għall-konsultazzjoni pubblika f`xhur li ġejjin. Dan il-Pjan ikun jinkludi l-area ta` Pembroke li qabel kienet sejra tkun koperta bil-Pjan ta` Azzjoni. Marbut ma` dan, l-Awtorita` qed tħejji pjan ta` żvilupp għal żona partikolari f`dan il-lokal.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji liema kienu l-karozzi uffiċjali u mikrija mill-ministeru li kienu nvoluti f'kolliżjonijiet mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm ġew jiswew l-ispejjeż tal-ħsarat ta' dawn il-kolliżjoniet; (b) min kienu l-uffiċjali jew impjegati li fi żmien li saret il-kolliżjoni kienu responsabbli mill-vettura nvoluta; u (ċ) f'kull każ min kien qiegħd isuq il-vettura fil-ħin li saret il-kolliżjoni?
Response (BORG, TONIO)
L-unika kolliżjoni kienet tinvolvi il-karozza uffiċjali tal-Ministru. Dan ġara meta f`Marzu, 1999, karozza privata ħarġet minn side-street minkejja 'stop sign' u ħabtet magħha. Is-sewwieq tal-karozza privata ammetta t-tort mill-ewwel.
L-ispiża laħqet Lm802 u ġiet imħallsa mill-Insurance tal-parti l-oħra.
Is-sewwieq tal-karozza ministerjali kien ix-xufier tal-Ministru.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li min kien qed imur jiġbor informazzjoni mill-Uffiċċji tar-Reġistru Pubbliku tal-Belt, kien qed isib dizgwid sia l-informazzjoni għax ma setgħetx tinġabar u sia fl-istaff għax ma kienx jaf kif se jaqdi lin-nies?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għat-twaqqif ta` 'Search Unit' fi ħdan ir-Reġistru Pubbliku, ninsab infurmat li nħarġu l-avviżi neċessarji, kemm lill-impjegati, lill-pubbliku kif ukoll lis-sezzjonijiet interessati.
Naturalment kull transizzjoni minn proċedura għal oħra tkun teħtieġ xi żmien biex din tindara.
Ninsab infurmat li x-xogħol u l-proċeduri li jirrigwardaw din it-taqsima issa ġew għan-normal.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bini f'forma ta' razzett li jinsab fi Triq Sliema, Gżira kantuniera ma' Triq Reġjonali, eżattament quddiem ir-ristorant Papa Mario huwiex proprjeta' tal-Gvern?
Jekk huwa proprjeta' tal-Gvern, jista' l-Ministru jgħid (1) Minn min huwa okkupat? (2) Kemm ilu okkupat u minn min qed jokkupaw preżentement? (3) B'liema mod il-proprjeta' msemmija għaddiet għand l-inkwilin preżenti? (4) Kemm qed titħallas kera kull sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond ir-'records' tad-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` tal-Gvern, ir-razzett li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant mhux proprjeta` tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu u min kienu l-priġunieri li gawdew min amnestiji mit-12 ta' Mejju, 1987 'l hawn? Jista' l-Ministru jgħid f'kull każ kemm tnaqqsu ġranet lil kull priġunier?
Response (BORG, TONIO)
Wieħed jifhem li mhux prudenti li jingħataw l-ismijiet ta` inidvidwi li huma fil-ħabs.
Mhux prattikabbli li jiġu eżamati mat-8000 file sabiex jiġi stabbilit kemm-il ġranet ta` priġunerija inħafru b`kollox.
Dwar il-bqija tad-domanda, nagħmel referenza għal informazzjoni simili li ngħatat fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 11774.
Citizenship and Expatriate Affairs — Bejjiegħa Barranin - Permessi
Question
Jista'l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11795 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilek u cioe': jista' l-Ministru jgħid x'permessi kellhom jagħmlu dawk il-barranin li għandna f'Malta jbiegħu prodotti ta' pajjiżhom, li huma armati fit-toroq speċjalment dawk li hemm fil-Furjana? Kemm kien hemm applikazzjonijiet ta' din ix-xorta fl-1999 sal-lum? Mil-liema pajjiż ġew? Kemm qed iħallsu għal dawn il-permessi?
Response (BORG, TONIO)
Persuni barranin li jkunu nvoluti f`attivitajiet li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellant għandhom bżonn, minbarra permessi oħra, liċenzja ta' impjieg skond l-Att ta' Immigrazzjoni (Cap 217).
Ninsab infurmat li matul din is-sena, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta` l-Expatriates sarulu erba` talbiet għal permessi simili dwar barranin li kienu ġejjin minn dawn il-pajjiżi : Sirja, Eġittu, Ġordan, Marokk, Libja u Tuneżija.
Fil-każijiet imsemmija hawn fuq inġabru Lm150 fi ħlasijiet għall-liċenzji ta' impjieg.
Ninsab infurmat ukoll li l-fiera li tellgħet il-Furjana kienet koperta bil-permess mill-Pulizija u li għalih tħallset is-somma ta' Lm57 bir-rata ta' Lm3 għal kull ġurnata mit-18 ta' Novembru, sas-6 ta' Diċembru, 1999 u ċioe` għal 19-il ġurnata.
F'din il-fiera ipparteċipaw persuni mill-pajjiżi msemmija aktar 'il fuq.
Il-Pulizija ma kellha l-ebda applikazzjoni oħra ta' din ix-xorta matul din is-sena.
Ninsab infurmat ukoll li biex tinżamm il-fiera msemmija tħallset is-somma ta' Lm1,270 lid-Dipartiment ta' l-Artijiet.
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li l-Qorti (speċjalment f'dawk superjuri) jkun hemm numru ta' pulizija li jkunu stazzjonati bħala "fixed point" billi m'huwiex l-ewwel darba li numru ta' avukati u persuni jiġu aggrediti u mhedda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kuljum ikun hemm kuntistabbli dettaljat speċifikament għall-bon ordni fil-bini tal-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw il-blokki residenzjali tal-Gvern f'dawn il-lokalitajiet, Bormla, Birgu, Isla, Kalkara, il-Belt Valletta u l-Furjana?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li r-rekords miżmuma mid-Dipartiment ta` l-Estate Management ma jurux in-numru ta` blokki residenzjali iżda n-numru ta` appartamenti li, fil-lokalitajiet imsemmija fil-Mistoqsija, hu kif ġej :
Bormla 506 Birgu 274 Isla 179
Kalkara 158 Valletta 1,054 Floriana 207
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni u x'qed iżżomm lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar milli toħroġ il-permess ta' landscaping project tal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan fl-area ta' Ta' Giorni Housing Estate? Jaf il-Ministru li dan il-proġett huwa wieħed għall-ġid pubbliku tan-nies ta' l-inħawi u li ilu preżentat quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar madwar erba' snin? Jista' l-Ministru jara li fejn jidħlu proġetti kapitali ta' din ix-xorta l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tħaffef il-proċeduri?
Response (BORG, TONIO)
Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li proġetti kapitali li minnhom igawdi l-pubbliku jingħataw l-importanza u l-attenzjoni kollha li jixirqilhom.
Dwar il-każ li qed jirreferi għalih fil-Mistoqsija, ninsab infurmat li l-applikazzjoni kienet tikkonċerna żvilupp li sostanzjalment kien ser isir fuq art ta` terzi persuni u mhux fuq art pubblika u għalhekk fil-bidu ta` Diċembru ta` l-1998 intalbu pjanti ġodda emendati biex jirriflettu din is-sitwazzjoni. Dawn il-pjanti wasslu għand l-Awtorita` lejn tmiem Awissu ta` din is-sena.
Sadanittant tlesta id-D.P.A. report li ser jintbagħat fil-ġranet li ġejjin lill-Kunsill Lokali, qabel ma l-applikazzjoni tintbagħat lill-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp biex jiddeċiediha.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex applikazzjoni quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar b'numru PA 03485/99 ta' persuna b'diżabilita' li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għal installazzjoni ta' lift b'aċċess mill-gallarija titħaffef fil-proċess u eventwalment approvata biex malajr kemm jista' jkun jitnaqqas l-inkonvenjent u l-iskariġġ żejjed għal din il-persuna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proposta fl-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġiet ikkunsidrata iżda rriżulta li din kienet ser taffetwa ħażin lil terzi u lid-disinn tal-blokk.Il-perit inkarigat kien qed jipprova jsib soluzzjoni differenti għall-problema ta` l-aċċess possibbilment flimkien ma` l-Awtorita` tad-djar.
Ninsab infurmat ukoll li l-proposta kif ġiet sottomessa ġiet irrifjutata fil-25 ta` Novembru, 1999. Dan ir-rifjut japplika għall-proposta kif inhi, u jistgħu jiġu kunsidrati proposti oħra. Dan qed jingħad bla preġudizzju għad-dritt ta` appell mid-deċiżjoni tal-25 ta` Novembru, 1999.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm impjegati ġewwa l-Awtorita' ta'l-Ippjanar fis-sena 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li preżentament fl-Awtorita` ta' l-Ippjanar hemm 321 impjegat.
Din il-figura tinkludi n-nies li huma direttament impjegati ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar, ħaddiema Detailed, impjegati b'Kuntratt Definit u mpjegati part-time.
B'riferenza għal Press Release Nru.1889 (li qed tintbagħat separatament), jista' l-Ministru jara li fit-toroq li hemm devjazzjoni l-pulziija tkun preżenti għal kull superviżjoni li jkun jenħtieġ li tikkontrolla l-PARKING li ma jkunx addattat għal dak iż-żmien li ddum id-devjazzjoni bħal fil-każ ta' Ħal Qormi?
X'passi ttieħdu f'dan il-każ partikolariment fi Triq Edward, Triq il-Vittorja u Triq San Bastjan, Qormi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija qed tkun preżenti f`Imdina Road fejn qed isir ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmat ukoll li ma tinħassx in-neċessita` li fit-Triq San Dwardu, Triq il-Vittoria u Triq San Bastjan ma jitħalliex isir parking għax it-traffiku f`dawn it-toroq miexi normali. Il-Pulizija tad-Distrett tagħmel is-sorveljanza meħtieġa biex tevita li jkun hemm xi ostakolu tat-traffiku f`dawn it-toroq u l-inħawi.
Dipartiment tal-Pulizija — Civilian Immigration Officer
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjoni (MPO CIR No.83/99) dwar postijiet ta' civilian immigration officer fid-Dipartiment tal-Pulizija?
Saru interviews? Kemm irridu minnhom? Kemm applikaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kien hemm 236 applikazzjoni minn impjegati tal-Gvern biex jagħmlu xogħol bħala Civilian Immigration Officers, liema applikazzjonijiet għad iridu jiġu proċessati u jsiru l-intervisti meħtieġa.
Ninsab infurmat ukoll li fil-preżent hemm tmien postijiet battala ta` Civilian Immigration Officer.