Jista' l-Ministru jara li t-taqsima SpLD tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni kemm evalwat mill-istudenti li għandha fl-eta' bejn 3 u 16 biex tara jekk għandhomx id-dyslexia?
X'persentaġġ huma dawn mill-istudenti li huma dyslexic li f'pajjiżi oħra huma 10% ta' l-istudenti kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-SpLD Service taħdem l-aktar ma' tfal bejn l-eta' ta' 7-16-il sena. Dan is-servizz ma jingħatax lit-tfal fl-ewwel żewġ klassijiet ta' l-iskola.
Fis-sena 1991 ma kien hemm ebda tifel/tifla li kien ġie identifikat bħala dyslexic. Bil-ħidma ta' l-SpLD Service l-għalliema u l-kapijiet ta' l-iskola bdew jirċievu informazzjoni u taħriġ fuq din il-kundizzjoni u bil-mod dawn bdew jagħrfu u jirreferu t-tfal li dehru li kellhom dan it-tip ta' diffikulta`.
S'issa ġew referuti u evalwati 567 tfal mill-iskejjel ta' Malta minħabba l-problema tad-dyslexia.
Jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26229?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-istutuzzjonijiet post-sekondarji saret laqgħa waħda biss ta' informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea. Din saret fl-iskola Sir M A Refalo F'Għawdex fl-24 ta' April 2001. Il-laqgħa inżammet waqt il-break u l-attendenza kient fuq bażi volontarja. Ħadd ma qal lill-istudenti li se jaqtgħulhom mill-istipendju jekk ma jattendux. Fil-fatt ma nqatgħalhomx l-istipendju.
Informat ukoll li fi tlett skejjel oħra saru laqgħat ta' informazzjoni dwar il-Programm Leonardo da Vinci II, )u mhux dwar l-Unjoni Ewropea.) Fl-iskola tal-Hairdressing and Beauty Therapy il-laqgħa saret waqt il-ħin ta' l-iskola u attendew studenti li dak il-ħin ma kellhomx lezzjonijiet. Ħadd ma qal lill-istudenti li se jaqtgħulhom mill-istipendju jakk ma jattendux. Fil-fatt ma nqatgħalhomx l-istipendju. Fil-Fellenberg Training Centre il-laqgħa saret waqt il-ħin ta' l-iskola u kienet fuq bażi volontarja. Ħadd ma qal lill-istudenti li se jaqtgħulhom mill-istipendju jekk ma jattendux. Fil-fatt ma nqatgħalhomx l-istipendju.
Informat ukoll li fl-iskola Paolino Vassallo (li magħha ġiet amalgamata l-iskola Sir Hannibal Scicluna) il-laqgħa ta' informazzjoni dwar il-Programm Leonardo da Vinci II kienet waħda minn sensiela ta' laqgħat li jiġu organizzati matul is-sena dwar suġġetti varji. Il-laqgħat huma għall-istudenti kollha u jsiru fil-ħin skedat għal-lezzjonijiet. Intużat l-istess proċedura ta' reġistrazzjoni ta' attendenza li ssir għal-lezzjonijiet u għal kull waħda minn dawn il-laqgħat, u dan minħabba finijiet ta' proċedura kif stipulati mill-iStudents Maintenance Grants Regulations. Għaldaqstant min m'attendiex inqatgħalu l-istipendju.
Jista' issa l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26228?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista bl-għalliema li mhumiex jgħallmu fi klassi għax qed jaħdmu f'dipartimenti jew entitajiet oħra qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minbarra dawk li jidhru fuq il-lista hemm numru ta' għalliema mingħajr teaching load għal raġunijiet mediċi. Hemm għalliema oħra illi għalkemm mhumiex jgħallmu fi klassi xorta baqgħu jagħtu servizzi fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni b'konnessjoni mat-tagħlim f'taqsimiet bħal ma huma: Educational Assissment Unit, School Libraries Unit, ICT, Drama, YSO, Media Education Broadcasting Centre u oħrajn. L-għalliema konċernati jieħdu biss dik l-allowance stabbilita fil-ftehim kollettiv għall-għalliema. Dawk immarkati b'* jieħdu l-allowance kif stabbilit fil-Memorandum dwar uffiċċjali li jservu f'Segretarjati Privati ta' Ministeri.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-passi li kellhom jittieħdu biex jinstab post alternattiv għall-qtates li qed jinżammu fis-santwarju li hemm mal-kulleġġ tal-biedja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Assoċjazzjoni tal-qtates għadha ma sabitx post alternattiv adattat biex isir santwarju għall-qtates. Tlabt lid-Dipartiment fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li taħtu taqa' din l-iskola biex jinsisti li jinstab il-post alternattiv.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkomplew ix-xogħlijiet meħtieġa fil-bini ta' l-iskola primarja ta' Tas Sliema? Meta se jmorru għal xi żmien fil-parti l-oħra tal-bini ta' l-iskola li diġa' ġiet irranġata? Hemm xi ħsieb li l-parti lesta tal-bini flok tintuża għall-istudenti tibda jintuża bħala uffiċini għall-fondazzjoni tas-servizzi edukattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fit-tieni ġimgħa ta' Lulju 2001 ser jingħata bidu għaż-żarmar u l-bini mill-ġdid tat-taraġ prinċipali ġo l-iskola sabiex jitlesta qabel jidħlu lura t-tfal f'Settembru li ġej. Hu ppjanat li f'Settembru 2002 it-tagħlim għal perjodu ta' sentejn jibda jingħata fl-iskola sekondarja darba din tkun kompluta mix-xogħlijiet kollha. Fil-preżent numru ta' kmamar fl-iskola sekondarja jintużaw mill-Istitut għall-Appoġġ tat-Tfal u Ġenituri, u dan sakemm l-operat ta' l-iskola primarja jkun trasferit għal ġo dan l-imkien.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkomplew ix-xogħlijiet meħtieġa fl-iskola prmarja ta' l-Imġarr għax issa ilhom ix-xhur wieqfa? Meta se titkompla s-sala ta' l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħlijiet fl-iskola primarja ta' l-Imġarr sejrin jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin peress li riedu jinkisbu l-approvazzjonijiet meħtieġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Ġew identifikati numru ta' xogħlijiet li jridu jitwettqu u dawn qegħdin jiġu evalwati. B'ebda mod dawn ix-xogħlijiet m'huma sejrin itellfu t-tagħlim u lanqas kienu ta' detriment għall-iskola meta kienu mwaqqfa temporanjament.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex l-istruttura tat-taqsima SpLD tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni tinbidel b'mod li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li tagħmel xogħol tajjeb ħafna ma' l-istudenti dyslexic tkun tista' tavvanza fil-karriera tagħha f'din l-istruttura għax hemm il-periklu li din titlaq minn din it-taqsima għax tinsab fi sqaq fil-karriera edukattiva tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kwestjoni ta' l-istruttura meħtieġa għal servizzi lil tfal dyslexic hi s-suġġett ta' konsiderazzjoni sew fil-livell tad-Diviżjoni kif ukoll tal-Ministeru. Nittama li fil-ġimgħat li ġejjin jiġi rapportat progress.
Jista' l-Ministru jgħid min mis-segretarjat tas-segretarju parlamentari kien qed jattendi miegħu għal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar ġewwa San Marino? Kemm ġiet l-ispiża u min ħallas f'kull każ? Jista' jgħid jekk kienx hemm membri tal-familja li akkumpanjawhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-delegazzjoni li żaret San Marino kienet iffurmata mis-Segretarju Parlamentari u l-Assistent Personali tiegħu, is-Sur Victor Battistino. Is-Sur Joseph Borda li huwa mpjegat mas-Segretarjat akkumpanja lid-delegazzjoni a spejjeż tiegħu. Is-Sur Borda kien involut ħafna fix-xogħol preliminari biex ittellgħet esebizzjoni ta' oġġetti arkejoloġiċi li kienet parti mill-attivitajiet kulturali organizzati mill-Awtoritajiet ta' San Marino u li għaliha kienu mistiedna jieħdu sehem il-pajjiżi parteċipanti kollha.
Matul din iż-żjara s-Segretarju Parlamentari flimkien mad-delegazzjoni ħa sehem f'laqgħat uffiċjali ma' Ministri ta' l-Isports Ewropej u attivitajiet oħra organizzati għal din l-okkażjoni. Id-delegazzjoni ħadet sehem ukoll f'diversi attivitajiet relatati ma' l-amministrazzjoni u l-organizzazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru Malta fl-2003. Dawn l-attivitajiet kienu jinkludu Konferenza Stampa fejn intuża apparat audio viżiv dwar il-faċilitajiet sportivi li se jintużaw fl-edizzjoni tal-2003 u ċerimonja uffiċjali li matulha Malta ħadet il-pussess tal-bandiera li tissimbolizza dan il-Logħob.
L-ispiża ta' din iż-żjara ammontat għal Lm1950. Din is-somma minbarra li tkopri n-nefqa normali marbuta mas-safar ta' delegazzjoni, bħal biljetti ta' l-ajru, ikel, eċċ, tinkludi wkoll l-ispejjeż ta' buffet reception għal diversi personalitajiet preżenti f'San Marino. Hija tradizzjoni li din ir-reception issir normalment mill-Kumitat Organizzattiv ta' l-edizzjoni li jmiss tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Jakkumpanjaw id-delegazzjoni kien hemm is-Sinjura Mugliett u s-Sinjura Battistino u t-tfal tas-Segretarju Parlamentari u tas-Sur Battistino. Dawn il-persuni kienu wkoll mistiedna tal-Gvern ta' San Marino flimkien mad-delegazzjoni. Kull infieq ieħor sar a spejjeż tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-kontribut tal-gvern, kemm finanzjarju kif ukoll ta' natura oħra, għal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li saru ġewwa San Marino?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma hux desiderabbli u lanqas effettiv li l-preparazzjoni għal xi kompetizzjoni sportiva tittieħed f'iżolament. Informat li l-għajnuna li ta l-Gvern għall-parteċipazzjoni tal-kontinġent Malti hija parti mill-programm u viżjoni tal-Gvern kif jgħolli l-livell ta' l-isport Malti. Fil-preparazzjoni ta' l-isportivi, is-Segretarjat jitkellem mal-Kumitat Olimpiku Malti sabiex jitfasslu l-programmi meħtieġa sabiex jogħla l-livell. Il-programmi ta' preparazzjoni ta' l-atleti elite, aspiranti, sparring partners u ingaġġ ta' sportivi ta' dixxendenza Maltija kollha saru possibbli permezz ta' l-għajnuna mgħoddija mill-Gvern lill-Kumitat Olimpiku Malti.
Ta' min isemmi l-għajnuna finanzjarja li tingħata kull sena lill-Kumitat Olimpiku Malti. Din is-sena l-għotja lill-Kumitat Olimpiku Malti se tlaħħaq Lm151,000. S'issa diġa' ingħataw Lm110,000 li l-parti kbira tagħhom tqassmu lill-Assoċjazzjonijiet li kienu rappreżentati fil-Logħob. Parti mill-għotja lill-Kumitat Olimpiku Malti tas-sena l-oħra wkoll intużat għall-preparamenti għal dan il-Logħob. L-atleti identifikati bħala elite jew aspiranti elite mill-Kumitat Olimpiku Malti ingħataw membership b'xejn fil-Fitness Gym tal-Pixxina Nazzjonali. Din l-għajnuna hija stmata li tlaħħaq Lm12000. Ta' min isemmi wkoll l-għajnuna li ngħatat fl-2000 lill-Kumitat Olimpiku Malti li kienet tlaħħaq Lm115,000 li minnhom ukoll ibbenefikaw l-Assoċjazzjonijiet preżenti f'San Marino.
Il-Gvern ta l-għajnuna tiegħu ukoll permezz ta':
* uffiċini ġodda mgħoddija lill-Kumitat Olimpiku Malti li servew bħala l-headquarters fejn ġiet ippjanata l-preparazzjoni kollha,
* l-użu kontinwu tal-Functional Diagnostic Laboratory li l-apparat tiegħu inxtara mill-Gvern. Il-Kumitat Olimpiku Malti jagħmel użu regolari minn dan il-post mingħajr ħlas,
* diversi Assoċjazzjonijiet Nazzjonali ġew allokati uffiċini fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali minn fejn setgħu jagħmlu l-preparamenti tagħhom għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar,
* l-użu tal-Matthew Micallef St John Athletic Track mill-Malta Amateur Athletic Association,
* l-użu ta' faċilitajiet fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali għat-taħriġ mill-Malta Table Tennis Association,
* intervent mis-Segretarjat biex il-membri tal-Boċċi Federation setgħu jużaw is-sala tal-Junior Lyceum Carlo Diacono għat-taħriġ,
* għajnuna finanzjarja lill-Hibernians Association biex isir wiċċ ġdid tal-volleyball court ta' Kordin u ftehim biex il-Volleyball Association jitħallew jagħmlu użu ta' dan il-court mingħajr ħlas tas-sena 2002,
* għajnuna loġistika u amministrattiva lill-Kumitat Olimpiku Malti biex jinħarġu dokumenti meħtieġa lil atleti ex-patriates Maltin,
* bonus scheme lir-rebbieħa tal-medalji. Din in-nefqa se tammonta għal Lm14,650,
* sponsorship ta' Lm5000 li jingħata kull sena lill-Kumitat Olimpiku Malti mill-Ministeru tal-Finanzi.
Is-Segretarjat ta sehmu wkoll, flimkien mad-Dipartiment tal-Mużewijiet, fil-preparamenti biex intbagħtet esibizzjoni ta' oġġetti arkejoloġiċi li saret f'San Marino bħala waħda mill-attivitajiet kulturali organizzati għal din l-okkażjoni. Permezz ta' kuntatti li saru minn uffiċjali tas-Segretarjat ingħata sponsorship mill-Air Malta li jkopri l-ispejjeż ta' l-impjegati tad-Dipartiment tal-Mużewijiet li telgħu ma' l-esibizzjoni. Id-Dipartiment għamel tajjeb għall-ispejjeż tat-trasport ta' l-oġġetti esibiti u għall-akkomodazzjoni ta' l-istaff ġewwa San Marino. Din l-ispiża laħħqet Lm7000.
Jista' l-Ministru jgħid fis-sena skolastika li jmiss (2001-2002) liema se jkunu s-suġġetti obbligatorji fl-iskejjel primarji u sekondarji? Se jidħlu xi suġġetti kif stipulat fil-kurrikulu nazzjonali? X'kuntatti/diskussjonijiet saru f'dawn l-aħħar ħames xhur dwar dan ma' l-iskejjel privati u tal-knisja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Settembru 2001 Focus Groups TO2 "Primary Education' u TO3, "Secondary Education' se jkunu qegħdin jaħdmu ma' l-iskejjel Statali, tal-Knisja u Indipendenti dwar id-dħul ta' suġġetti ġodda bħal dak tat-Teknoloġija.
Sadanittant, beda l-proċess għat-taħriġ meħtieġ li wkoll se jkun offrut lill-iskejjel Statali, tal-Knisja u Indipendenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir fl-iskejjel ta' l-Istat biex studenti jiġu mħajjra jieqfu mit-tipjip jew li ma jibdewx ipejpu? Sar xi survey f'dawn l-aħħar ħames snin biex jiġi aċċertat kemm studenti jpejpu? X'riżultati kien hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kif ukoll fuq liema diżabilitajiet, in-numru ta' għalliema li jaħdmu ma' persuni b'diżabilita li ngħataw taħriġ speċjalizzat f'Malta jew/u barra minn Malta f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Jista' jgħid, sena b'sena għal kull diżabilita', kemm kienet in-nefqa f'dawn l-aħħar għaxar snin biex għalliema jitħarrġu f'Malta jew/u barra minn Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Moviment IVA fl-Ewropa tħalla jorganizza laqgħa fl-istituzzjoni post-sekondarja Sir Mikilanġ Refalo f'Għawdex meta dan huwa moviment politiku dwar l-EU?
Għaliex dan il-Moviment tħalla jqassam propoganda politika f'din l-istituzzjoni u l-istudenti ntalbu jiffirmaw dikjarazzjoni li huma favur sħubija fl-Unjoni Ewropea u li huma jappoġġjaw il-Moviment IVA?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra kopja ta' stqarrija pubblika mxandra u stampata mill-mezzi tal-kommunikazzjoni u datata 15 ta' Mejju 2001.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol se jingħataw t-340 student universitarju li se tħaddem id-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni fis-sajf? MIl-liema vot se jitħallsu? Kemm se titla s-somma totali ta' ħlas lil dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-340 student universitarju li se tħaddem id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fis-Sajf se jkunu qed jaħdmu fiċ-ċentri ta' Skola Sajf li ta' kull sena d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tipprovdi għal tfal fl-iskejjel primarji.
Għal dan l-iskop hemm vot 5316 fil-Budget 2001 li jammonta għal Lm150,000.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi, wara l-ħerba u l-att vandalu li sar fuq it-tempji Arkejologi tal-Imnajdra, iddikjara pubblikament li dan l-att sar bi tpattija jew bi protesta kontra xi deċisjoni tal-gvern jew li b'xi mod dan il-każ kellu x' jaqsam mas-sigurta' tal-pajjiż?
Jista' l-Ministru jgħid li minkejja li hu qal li l-Assoċjazzjoni tal-Qtates ma kinetx se żżid mal-qtates li hemm fis-Santwarju tal-Qtates tal-Kulleġġ tal-Biedja, x'inhi r-raġuni li issa flok iżjed qtates qed iżomm l-klieb wkoll?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li ma humiex qegħdin jinżammu klieb fil-Kulleġġ tal-Biedja.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ittieħdet id-deċiżjoni f'istituzzjonijiet post-sekondarji (bħal dik segretarjali Sir Hannibal Scicluna) li lil studenti li ma ridux jattendu laqgħat imsejħa ta' "informazzjoni" dwar l-Unjoni Ewropea qalulhom li se jaqtgħulhom mill-istipendju jekk ma jattendux?
F'liema istituzzjonijiet post-sekondarji f' Malta - Għawdex studenti qatgħulhom mill-istipdenju għax ma marrux għal dawn il-laqgħat?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.