Wara li ġiet riveduta l-iskema ta' viżti mit-tobba għall-impjegati fis-servizz pubbliku li jkunu ma jifilħux, jista' l-Ministru jinformana kemm u min huma t-tobba li ġew ingaġġati għal dan l-inkarigu fid-dekasteru li jaqa' taħtu? Jista' jgħid kemm qed jitħallsu t-tobba konċernati għal kull żjara? Jekk hemm xi forma ta' kuntratt bejn il-ministeru u t-tobba, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm-il viżta/żjara għamlu għand il-ħaddiema sa l-aħħar ta' Jannar, 2000?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sa l-aħħar ta` Jannar saru 62 żjara minn tobba lill-impjegati fis-servizz pubbliku fil-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu. Dan is-servizz qiegħed jingħata minn `The First Health Maintenance Organisation` wara sejħa għall-offerti. Il-ħlas hu Lm3 kull vista li ssir.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda kopja ta` l-offerta relattiva.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 14016, peress li jidher li l-kuntrattur imqabbad fil-proġett ta' Mdina Rd, Qormi eċċeda ż-żmien mogħti lilu kif stipulat fil-kuntratt, jista' l-Ministru jgħid x'passi qegħdin jittieħdu mid-dipartiment ħalli ix-xogħol jitlesta malajr kemm jista' jkun?
Response (GALEA, ĊENSU)
Kif indikat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari Nru. 14016 qed jittieħdu l-passi neċessarji dwar dan fid-dawl tal-fatt li fix-xhur li għaddew kien hemm gimgħat ta` xita li tellfu r-ritmu tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fi Triq l-Alfier De Medran ġewwa Ħal Tarxien fejn suppost kellhom jsiru l-bankini u spiċċa ma sar xejn?
Veru li ma sar xejn għaliex il-WSC m'għandiex il-materjal?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol tal-bankini f`din it-triq qed isir mill-Kunsilli Lokali u jikkonsisti f`tibdil ta` bankini fejn jinstab li jkunu tkissru ħafna. Jidher li ma kien hemm l-ebda problema mal-Korporazzjoni ta` l-Ilma biex jiġi provdut xi materjal għal din it-triq, iżda jekk l-Onor. interpellant jixtieq aktar informazzjoni jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Toroq? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-perjodu msemmi ma kien hemm ebda trasferiment ta` impjegati mid-Dipartiment tat-Toroq. Fl-istess perjodu 7 ħaddiema ngħaqdu ma l-istess Dipartiment, minn Dipartimenti oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata t-tarmac fi Triq Leonard Abela, Ħal Tarxien, peress li hemm residenti li issa ilhom snin jgħixu f'darhom f'din it-triq u qed ibatu minn inkonvenjent kbir, peress li fiha ħafna ħofor u meta tagħmel ix-xita jimtlew bl-ilma?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Dipartiment tal-Wireless Telegraphy — Trasferimenti
Question
Jista'l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Wireless Telegraphy? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti, każ b'każ? Jista'l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li matul il-perjodu 16 ta` Settembru 1999 sa l-4 ta` Jannar 2000 żewġ impjegati ġew trasferiti mid-Dipartiment tal-Wireless Telegraphy għal Dipartimenti oħra. Dawn Kienu:
`Administrative Assistant` li kienet fuq kuntratt
mill-Universita ta` Malta u `Executive Officer` li ġie
trasferit għad-Dipartiment tat-Taxxi Nterni fuq talba
tiegħu stess wara li kien provdut sostitut.
Kull talba għal xi trasferiment minn xi mpjegat tiġi kkunsidrata skond il-merti tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol ta' upgrading ta' triq magħrufa bħala Ta' Srina bejn Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat peress li fl-istat li hi u bl-ilma li żżomm, m'għadhiex tajba għat-traffiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-rapport ippublikat u mqiegħed fuq il-mejda tal-kamra, dwar ix-xogħol li mistenni li jsir fuq it-toroq arterjali kollha tal-pajjiż.
Jista' l-Ministru jirrispondi b'mod aktar preċiż għall-mistoqsija parlamentari numru 13799, cioe' f'liema stadju wasal ix-xogħol fuq il-programm ta' asfaltar ta' toroq lokali li qiegħed isir mill-gvern ċentrali mal-kunsilli lokali, meta hu ppjanat li jitlesta dan il-programm?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-konsultazzjonijiet ma` l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għadhom mhux finalizzati.
Jista' l-Ministru jara li jsir il-belisha light ma' zebra crossing li tinsab quddiem numru 104, Qormi Road, Marsa, minħabba l-perikolu li qegħdin iħabbtu wiċċhom miegħu numru ta' persuni meta jkunu jridu jaqsmu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x`jista` jsir.
Jista' l-Ministru jgħid meta nbeda x-xogħol fuq is-sit ta' Triq l-Imdina, Ħal Qormi? X'inhu x-xogħol li sar s'issa?
Kemm suppost kellu jieħu żmien ix-xogħol kollu propost sabiex din it-triq titlesta?
Meta effettivament hu maħsub li se jitlesta x-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fuq il-proġett ta` Mdina Road beda f`nofs Ġunju u l-kuntratt kien previst li jieħu tnejn u tletin ġimgħa, fil-waqt li l-asfalt hu previst li jieħu tnax-il ġimgħa oħra.
S`issa sar xogħol fuq `mains` ta` drenaġġ, `culvert` ta` l-ilma tax-xita u `mains` ta` l-ilma, fil-waqt li hu maħsub li dalwaqt jibda x-xogħol ta` l-asfalt fil-parti t`isfel ta` Mdina Road. Waqt ix-xogħol inqalgħu diffikultajiet li tefgħu x-xogħol lura u li dwarhom għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Kumitat tal-Kuntratti, id-Dipartiment tat-Toroq u l-kuntrattur.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jintemm ix-xogħol li qiegħed isir fl-Imtarfa Bypass peress li bħalissa jew wieqaf jew miexi bil-mod ħafna?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll meta se jsir ix-xogħol fuq il-parti l-oħra ta' l-istess triq fid-diviżjoni tar-Rabat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fil-karregjata lejn il-Belt qed joqrob lejn it-tmiem tiegħu wara li l-art nixfet biżżejjed wara l-maltempijiet ta` dan l-aħħar. Dwar ix-xogħol fil-karregjata l-oħra qed isir `survey` tat-triq biex fuqu jkunu jistgħu jsiru t-tenders neċessarji.
Jista'l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn l-importaturi u x-xerrejja fl-1962 fil-Parlament Malti? Min kienu l-persuni li fil-Parlament kienu kkonfermati li jġorru is-siment taħt l-isem tal-Bulk Cargo Group? Jista' jagħti n-numru ta' persuni li huma fil-Bulk Cargo Group? Jista' jagħti n-numru tal-vetturi li kienu reġistrati meta sar il-ftehim? Min kienu l-membri u kemm kellhom vetturi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qiegħed nassumi li fil-mistoqsija tiegħu l-Onorevoli Membru Parlamentari qiegħed jirreferi għall-ġarr tal-merkanzija mill-burdnara bejn il-portijiet u l-importaturi. Dan ix-xogħol dejjem kien jaqa` taħt ir-responsabilta` tal-Kontrollur tad-Dwana. Għalhekk l-Onorevoli Membru Parlamentari huwa mitlub jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema ta' l-Awtorita' Marittima? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti, każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mis-16 ta` Settembru 1999 sa` l-4 ta` Jannar 2000 ma saru l-ebda trasferimenti ta` ħaddiema fl-Awtorita` Marittima.
Dwar trasferimenti fil-futur, l-Awtorita` ma teskludix il-possibilta` li jistgħu jsiru xi trasferimenti fid-Direttorati tagħha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11213, jista' l-Ministru ġentilment jgħid xi progress sar għax diversi residenti fosthom anzjani li jkollhom jaqsmu din it-triq perikoluża u qed jilmentaw miegħi biex issir zebra crossing?
Jikkonsidra t-Traffic Control Board li nagħmlu site visit flimkien ħalli qabel jieħdu deċiżjoni nispjegalu fid-dettall l-ilmenti tar-residenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku lest li jiltaqa` mall-Kunsill Lokali u l-Onor. Membru biex jispezzjonaw il-post ħalli jaraw hemmx ħtieġa ta` `Traffic Lights` jew `Zebra Crossing`.
Jista' l-Ministru jara li minnufih tittieħed azzjoni rimedjali sabiex tissaħħaħ il-parti ta' fuq tat-triq li tagħti mill-Mistra għall-Mellieħa (quddiem it-triq qadima li tagħti għal Selmun) peress li tinstab fi stat strutturali perikoluż li jista' jwassal għal kollass ta' l-istess triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-lokalita` indikata mill-Onor. Interpellant ġiet spezzjonata u jirriżulta li parti mill-ħajt tat-triq setgħet sofriet xi ħsara.
Diġa tajt struzzjonijiet biex din il-ħsara tissewwa.
Jista' l-Ministru jara li titranġa t-triq li tagħti minn fejn ix-showroom tas-Subaru fil-Mosta sat-Teknopark, peress li l-istat tagħha joħloq perikolu għat-traffiku li jużaha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment diġa qed jieħu l-passi neċessarji fid-dawl tal-`masterplan` ippreparata mill-Konsulenti Germaniżi biex din il-parti tat-triq tkun irranġata. Nispera li meta dan ix-xogħol isir ma jingħadx ukoll li qed isir għaliex jinsab fid-distress li nikkuntesta fih jien.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi upgraded it-triq li tagħti mill-Mosta għal Burmarrad, peress li din tant iddeterjorat u li hi ta' periklu għat-traffiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija fid-domanda Nru. 13985 u li japplika l-istess għal din it-triq.
Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex isir id-dawl f'żewġ zebra crossing fil-bypass ta' Wied il-għajn, liema zebra crossings kif inhuma mingħajr dawl huma ħafna iktar ta' perikolu għall-pedestrians?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ser ngħaddi t-talba ta` l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq.
Jista' l-Ministru jikkonsidra jekk jistgħux isiru pelican lights faċċata ta' l-Isptar Monte Carmeli, ħalli l-pazjenti jkunu jistgħu jaqsmu t-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed iwettaq xogħol f`din iż-żona li ser jinkludu l-faċilitajiet neċessarji biex il-pubbliku jista jaqsam it-triq, inklużi `pelican lights`.