Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23603 u jgħid meta fetħu u għalqu l-applikazzjonijiet għal Head tas-Central Visa Unit li ġie magħżul ftit jiem ilu? Kemm applikaw għal dan il-post? Jista’ jagħti l-ismijiet ta’ dawk li applikaw u r-rank tagħhom fil-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid min hu l-Head tas-Central Visa Unit u f’liema data ġie maħtur?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ma kien hemm ebda sejħa ta' Head tas-CVU.
Is-sejħa li kien hemm kienet għall-position ta’ Senior Manager fis-Central Visa Unit li nħarġet mill-Ministeru għall-Intern u Sigurta Nazzjonali. Wara li r-responsabilita’ għall-Aġenzija Identity Malta ġiet assenjata lill-Ministeru tiegħi f’Jannar ta’ din is-sena, dan il-Ministeru bħala parti mill-proċess ta’ re-engineering tax-xogħol ta’ din l-Aġenzija hu tal-fehma li din il-position m’għadhiex aktar meħtieġa.
Wara li nġabu l-approvazzjonijiet mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, l-kandidati ġew infurmati bit-tali eżitu.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – xogħlijiet ta’ konsulenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-1999 sa’ Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bejn l-1999 u Marzu tal-2013, ma ngħatax xogħol lil kumpanija GVTH Advocates.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — membri tal-bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-membri kollha tal-bordijiet fl-entitajiet, korporazzjonijiet, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji eċċ. li jaqgħu taħtu, bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena, b’mod separat? Jista’ jgħid x’kien il-pakkett ta’ remunerazzjoni u benefiċċji oħra li kellhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi l-ismijiet tal-membri kollha tal-bordijiet fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali bejn l-1999 u l-2012 huwa kif ġej fit-Tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istess Tabella turi l-ħlasijiet fejn kien il-każ.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stat jinsab it-Torri ta’ De Redin ġewwa x-Xlendi u jekk hemm bżonn ta’ tiswijiet jistax jindika x’inhuma?
Response (BONNICI, OWEN)
It-Torri tax- Xlendi ilu f’idejn il-Kunsill Lokali tal- Munxar mis-sena 2009. Il-Kunsill ingħata aċċess għat-Torri mill-Ministeru għall-Artijiet fl-2009, fuq bażi ta’ encroachment.
Skond studju dwar l-istat ta’ konservazzjoni tat-Torri tax-Xlendi li ġie ikkumissjonat mill-Kunsill Lokali tal-Munxar fl-2011, l-aktar xogħol urġenti fuq din il-binja jinkludi:
· Restawr u konsolidament tal-faċċata tal-punent tat-Torri u tar-
rivellino
.
· Tindif minn skart ta’ bini li jinsab mitfuħ fil-viċinanzi tat-Torri.
· Varji xogħolijiet oħra li jinkludu t-tneħħija ta’ cement antik, tikħil ta’ fili miftuħin, water proofing u tibdil ta’ aperturi.
Il-Kunsill tal- Munxar qed iħejji applikazzjoni mal-MEPA biex ikun jista’ jibda dawn ix-xogħolijiet ta’ restawr.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm inġabru flus għad-drittijiet u spejjeż dovuti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tul is-snin 2014 u 2015?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ġabar €98,215.39 fl-2014 u €130,890.01 fl-2015 għad-drittijiet u spejjeż dovuti lill-istess Uffiċċju.
Reġistru tal-Artijiet – applikazzjonijiet għall-reġistrazzjoni ta’ trasferimenti ta’ titli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-reġistrazzjoni saret f’dawn l-aħħar sitt xhur, xahar b’xahar fir-Reġistru tal-Artijiet? Jista’ jgħid kemm minhom kienu jirrigwardaw applikazzjonijiet għall-reġistrazzjoni ta’ trasferimenti u titli ta’ proprjetà u kemm minnhom kienu jirrigwardaw applikazzjonijiet għall-reġistrazzjoni ta’ charges/ipoteki/privileġġi fuq proprjetà?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-Tabella t’hawn taħt:
Trasferimenti/titli
Charges,ipoteki,privileġġi
Awwissu 2015
435
354
Settembru 2015
357
245
Ottubru 2015
398
371
Novembru 2015
456
613
Diċembru 2015
375
278
Jannar 2016
277
249
Total
2298
2110
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-reġistrazzjoni ta’ trasferimenti/titli u charges/ipoteki/privileġġi fir-Reġistru tal-Artijiet li ġew ipproċessati f’dawn l-aħħar sitt xhur? Jista’ jgħid kemm kien in-numru xahar b’xahar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-Tabella t’hawn taħt:
Trasferimenti/titli
Charges,ipoteki,privileggi
Awwissu 2015
840 (*)
-
Settembru 2015
606 (*)
-
Ottubru 2015
582
556
Novembru 2015
389
334
Dicembru 2015
479
315
Jannar 2016
390
362
(*) Il-figuri għal Awwissu u Settembru huma total tal-applikazzjonijiet u charges kollha għax statistika għal kull tip ta’ applikazzjoni bdiet tinzamm biss minn Ottubru 2015.
Reġistru tal-Artijiet – applikazzjonijiet għall-trasferiment ta’ proprjetà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-trasferiment/titli ta’ proprjetà u għall-charges/ipoteki/privileġġi fir-Reġistru tal-Artijiet li kienu għadhom pendenti sal-aħħar ta’ Jannar 2016?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li sal-aħħar ta’ Jannar 2016 kien hemm 8688 trasferimenti/titli pendenti, filwaqt li kien hemm 4397 charge, ipoteka jew privileġġ pendenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma n-numru ta’ impjegati li jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-reġistrazzjoni ta’ trasferimenti/titli u charges/ipoteki/privileġġi fir-Reġistru tal-Artijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-proċess tal-applikazzjonijiet fih diversi stadji u għalhekk kull applikazzjoni tiġi pproċessata minn sezzjonijiet differenti.
B’kollox hemm 19-il persuna illi jaħdmu f’dawn is-sezzjonijiet u li kollha, f’xi stadju jew ieħor, ikunu involuti.
Barra minn dawn il-persuni, hemm żewg persuni oħra fil-Receiving Office illi għadhom kif bdew it-taħriġ fuq dan ix-xogħol.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23537 u jelenka kemm kienet l-għajnuna finanzjarja li ngħatat mill-Gvern Ċentrali lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għall-attivitajiet Iljieli Mellieħin u Milied Mellieħi organizzati mill-istess Kunsill bejn Diċembru 2008 u Diċembru 2015 sena b’sena b’mod separat?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif ipprovduta mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
Identity Malta – Applikazzjonijiet għaċ-Ċittadinanza Maltija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23588 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija pendenti sal-lum quddiem Identity Malta? Jista' jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti li jirrigwardaw ċittadinanza bi żwieġ jew b'naturalisation separatament minn xulxin? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew miċħuda?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi mill-2010 sa Frar tal-2016, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza irċieva total ta’ 7,903 applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija. Minn dawn, 2,035 applikazzjoni għadhom qegħdin jiġu pproċessati.
L-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija żdiedu minn sena għall-oħra, bl-aktar żieda sostanzjali tkun irreġistrata fl-2015. Is-sena li għaddiet, l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza żdiedu bi tmienja u tletin fil-mija (38%) meta mqabbla ma’ dawk li d-Dipartiment kien irċieva fl-2011.
Bejn l-2010 u Frar 2016, id-Dipartiment irċieva total ta’ tlett elef, seba’ mija u ħamsa u sebgħin (3,775) applikazzjoni li jirrigwardaw ċittadinanza bi żwieġ jew naturalizzazzjoni, li minnhom 1,226 għadhom qiegħin jiġu pproċessati.
Meta wieħed iqabbel is-sena 2015 mas-sena 2011 isib illi matul is-sena li għaddiet żdiedet bi tlett mija fil-mija (300%) ir-rata ta’ rifjut ta’ applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija bi żwieġ u b’naturalizzazzjoni.
Terminu ta’ żmien sabiex jitlesta l-Proċess għaċ-Ċittadinanza
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23589 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhu t-terminu normali ta' żmien li wieħed irid jistenna ladarba jgħaddi mill-istadji kollha tal-proċess għaċ-ċittadinanza sakemm jinħariġlu ċ-ċertifikat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċess għaċ-ċittadinanza jibda meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni u jitqies li jkun għadda mill-istadji kollha ladarba jinħareġ iċ-ċertifikat jew tinħareġ l-ittra ta’ rifjut.
Kunsilli lokali li qed joffru xogħol lill-persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li qed joffru opportunitajiet ta’ xogħol għal persuni b’diżabilità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni miġbura hemm 29 Kunsill Lokali li joffri opportunitajiet ta’ xogħol għall-persuni b’diżabilita’.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk individwu ta' nazzjonalità Ingliża li jkun ilu jgħix hawn Malta għal dawn l-aħħar 27 sena hux intitolat għaċ-ċittadinanza Maltija? Jekk fl-affermattiv, x'inhi l-proċedura li jrid isegwi dan l-individwu biex jikseb iċ-ċittadinanza Maltija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onor.Interpellant illi individwu li m’għandux dritt li jkun irreġistrat bħala ċittadin Malti jista’ japplika għaċ-ċittadinanza Maltija b’naturalizzazzjoni taħt l-artiklu 10(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, Kap. 188 tal-Liġijiet ta’ Malta, kemm-il darba l-individwu jissodisfa l-kriterji elenkati fl-artiklu in kwistjoni. Il-Ministru responsabbli għandu d-diskrezzjoni dwar l-għoti taċ-ċittadinanza taħt dan l-artiklu.
Jekk l-individwu li qiegħed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant ilu jgħix f’Malta sebgħa u għoxrin (27) sena, jista’ jissottometti applikazzjoni taħt l-Artiklu 10(1). Għal dan il-għan, huwa jista’ jagħmel kuntatt mal-Unit taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija
Identity Malta
. L-uffiċċju taċ-Ċittadinanza jinsab St. Elmo Place, Evans Building, Valletta. Kuntatt ma’ dan l-uffiċċju jista’ jsir permezz tat-telefon fuq il-linji 25904168 u 25904812 jew permezz ta’ e-mail fuq l-indirizz elettroniku
citizenship@gov.mt
.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan tax-xogħlijiet li ser ikunu qed isiru fuq il-Mużew tat-Tunnara fil-Mellieħa u meta mistenni jibdew u jintemmu dawn l-istess xogħlijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu kienx ikkonsultat dwar il-fatt li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qed jerġa’ jittanta jdaħħal mill-ġdid il-BBQs fuq il-Bajja tal-Għadira wara nuqqas ta’ seba’ snin?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif jgħallimni l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma entitajiet legali li jgawdu minn awtonomija skont il-parametri tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali.
Id-domanda li qed jagħmilli l-Onor Interpellant m’hijiex dwar l-operat tal-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli imma tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bejn Novembru 2015 u Frar 2016 fejn matulhom saru diskussjonijiet dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-BBQs fuq il-Bajja tal-Għadira wara nuqqas ta’ seba’ snin b’deċiżjoni unanima li l-istess kunsill kien ħa fl-2009?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif jgħallimni l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma entijiet legali li jgawdu minn awtonomija skont il-parametri tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali.
Id-domanda li qed jagħmilli l-Onor Interpellant m’hijiex dwar l-operat tal-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli imma tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
Li nista’ ngħid b’mod ġenerali hu li hija policy li ilha titħaddem għal numru ta’ snin li l-minuti tal-laqgħat jittellgħu online.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — direct order
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fil-perjodu 2004 u 2013, b’kollox ingħataw 8 servizzi b’direct order għall-valur ta’ €5,957.91. Fit-Tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hemm id-dettalji tax-xogħol li l-kumpanija ndikata ġiet imqabbda, sena b’sena u mil-liema entità.
Jista’ l-Ministru jgħid meta fetħu u għalqu l-applikazzjonijiet għal Head tas-Central Visa Unit li ġie magħzul ftit jiem ilu? Kemm applikaw għal dan il-post? Jista’ jagħti l-ismijiet ta’ dawk li applikaw u r-rank tagħhom fil-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid min hu l-Head tas-Central Visa Unit u f’liema data ġie maħtur?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
B’riferenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22219 dwar il-kariga ta’ Deputat Avukat Generali, jista’ l-Ministru jara li ma tibqax tinkiser il-liġi u jaħtar Deputat Avukat Ġenerali darba li din il-kariga ilha vakanti għal numru ta’ xhur issa?
Response (BONNICI, OWEN)
L-Onor. Interpellant huwa avukat u bħala avukat jaf li l-fatt illi kariga li tkun vakanti ma ġgibx sitwazzjoni ta’ ksur ta’ liġi. Jiena nistmerr ħafna statements irresponsabbli bħal dawn li jħawdu l-imħuħ.
Li kieku dak li qed jgħid l-Onor Interpellant huwa minnu – li m’huwiex – allura Gvernijiet Nazzjonalisti kisru l-liġi għal iktar minn sentejn sħaħ. Dan għaliex taħt amministrazzjonijiet preċedenti l-kariga ta’ Deputat Avukat Ġenerali kienet vakanti bejn it- 30 ta’ April 2004 u l-11 ta’ April 2005 u bejn id- 9 ta’ Settembru 2010 u s- 17 ta’ Jannar 2012.
Ikun interessanti li l-Onor Azzopardi jgħidilna allura x’qed jara ħażin f’li l-kariga ta’ Deputat Avukat Ġenerali ddum ftit xhur vakanti meta fiż-żmien li hu kien parti mill-Kabinett l-istess kariga damet vakati dak iż-żmien kollu. Skont ir-riga tal-Oppozizzjoni, s-sewwa jsir ħazin skont ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali?
Taħt din l-amministrazzjoni din il-kariga ilha vakanti biss ftit xhur, cioe’ minn kemm ilha li Dottor Donatella Frendo Dimech ġiet elevata għall-Maġistratura.
Għall-bqija, ma hemm xejn x’ jiżdied ma' dak li ntqal fit-tweġibiet preċedenti lill-istess Onorevoli Membru dwar l-istess suġġett.