Legislature:
Category:
Reset
Active:

Protezzjoni Ċivili — Sejħiet għal fire engines

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' sejħiet għal fire engines is-sena l-oħra u kemm minn dawn kienu hoaxes?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004, id-Dipartiment tal-Protezzjoni kellu 5,957 sejħiet għal assistenza. Minn dawn, 251 kienu hoax calls.

Immigranti Klandestini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn immigranti klandestini li għandhom permess jaħdmu llum?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li immigranti klandestini ma jingħatawx permess biex jaħdmu Malta. Huma biss dawk li jingħataw Refugee Status u persuni li jgawdu minn Temporary Humanitarian Protection li jistgħu jaħdmu hawnhekk.

Qrati — Persuni akkużati li offendew il-morali pubblika

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti s-sena l-oħra talli offendew il-morali pubblika u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004, il-Pulizija akkużat quddiem il-Qorti 22 persuna fuq reati konnessi ma' atti imorali fil-pubbliku.

Ġustizzja u Intern — Mobile phones

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali f'ċifra ta' flus tal-ministeru, inkluż ta' l-entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru, għall-mobile phone calls u l-kirjiet u/jew xiri tagħhom matul is-sena 2004? Kemm hi ċ-ċifra ta' flus li diġa' tħallset minn din l-ispiża? Kemm hu n-numru ta' mobile phones li fil-preżent il-ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu huwa responsabbli għall-pagamenti tagħhom u kemm kien fis-sena 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sur ta' San Ġwann

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni dwar l-area fuq is-Sur ta' San Ġwann fejn ir-residenti li joqogħdu faċċata jixtiequ li dan jinqasam bejniethom sabiex jieħdu ħsiebu huma u dan peress li hu abbandunat u mitluq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tikkunsidra kwalunkwe talba sabiex tiġi allokata art tal-Gvern sakemm l-iskop li tintalab għalih ikun approvat mill-MEPA. Fi kwalunkwe każ jekk it-talba tiġi aċċettata ikun meħtieġ li tinħareġ sejħa għall-offerti. F'dan il-każ partikolari ma jirriżultax li saret xi talba sabiex tiġi allokata l-art in kwistjoni.

CCF — Priġunieri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni l-ħabs illum, għaliex qegħdin hemm u jagħti breakdown tar-reati u ta' l-etajiet tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-21 ta' Frar 2005 il-Ħabs ta' Kordin kien hemm mitejn u seba' u tmenin (287) priġunier. Minn dawn hemm tnejn u sebgħin (72) li huma taħt arrest preventiv u mitejn u ħmistax (215) issentenzjati. Ir-reati li għalihom ġew misjuba ħatja jew qegħdin jinżammu taħt arrest preventiv kif ukoll l-eta' tagħhom huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Puliziija — Vetturi nvoluti f'inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il vettura tal-pulizija kienet involuta f'xi kolliżjoni s-sena l-oħra u kemm nefqu l-pulizija biex ġiet irranġata l-ħsara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi b'żieda mat-tagħrif li jien tajt bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7803, matul is-sena l-oħra kien hemm 16-il vettura oħra tal-Pulizija involuta f'inċident tat-traffiku, li 11-il każ minnhom irriżulta li t-tort ma kienx tal-Pulizija. It-total tat-tiswija tal-5 vetturi l-oħra kien jammonta għal Lm1,084.

CCF — Priġunieri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni ntbagħtu l-ħabs is-sena l-oħra u għaliex f'kull każ individwali, għal kemm żmien u x'kien ir-reat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2004 in-numru ta' dokumenti biex persuna tinżamm il-ħabs maħruġa mill-Qrati ta' Malta kien ta' sitt mija u tlieta u sittin (663). Dawn kienu maqsumin fi tlett mija u ħamsa u tletin sentenza (335) u tlett mija u tmienja u għoxrin (328) ordni biex jinżammu taħt arrest preventiv. It-tagħrif dwar ir-reati li nstabu ħatja dwarhom u l-pieni li ngħataw hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qrati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti s-sena l-oħra fuq reati konnessi mad-droga? X'kien ir-reat u x'weħlu f'kull każ individwali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 il-Pulizija ressqet 569 persuna quddiem il-Qorti fuq akkużi relatati ma' droga. Il-każijiet ta' 164 minn dawn ġew deċiżi, filwaqt li l-oħrajn għadhom pendenti. Is-sentenzi mogħtija kienu jinkludu ħabs, multa, sentenza ta' ħabs sospiża u probation.

Kunsilli lokali — Kunsilliera

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li missier u iben joħorġu bħala kandidati tal-kunsilli lokali fuq l-istess distrett?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm xejn fil-liġi li żżomm missier u iben milli jikkontestaw bħala kandidati fl-istess Kunsill Lokali.

Permessi għal Artistic Dancers

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk hux qed jingħataw permessi għal artistic dancers u xi tfisser eżattament din it-terminoloġija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li normalment talbiet għal ħruġ ta' liċenzji ta' impjieg għal 'entertainers', inklużi 'dancers', jintlaqgħu. Dawn iżda, joħorġu bil-kundizzjoni li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu dritt iwaqqaf kwalunkwe spettaklu (show) jekk isiru xi atti indiċenti jew jekk jintuża ilbies mhux xieraq.

Postijiet ta' Divertiment — Bouncers

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi pjani biex in-numru ta' bouncers ġo postijiet ta' divertiment ikun in ratio ma' kemm jesa nies il-post u jekk ikunx obbligatorju li jiġu stallati CCTVs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent m'hemmx xi pjanijiet kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.

Pulizija — Servizzi ta' sigurta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-armata jew il-pulizija joffrux servizzi bi ħlas għas-servizzi ta' sigurta' f'postijiet bħall-proprjetajiet privati, fabbriki, lukandi u postijiet ta' divertiment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija joffri servizz ta' sigurta' bi ħlas lil terzi persuni li jitolbu għalih, sakemm is-servizz mitlub ikun relatat ma' xogħol tal-Pulizija. Fir-rigward tal-Forzi Armati, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Pulizija — Serq fir-residenzi ta' anzjani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi protezzjoni qiegħda jew tista' tiġi mogħtija lill-anzjani ġewwa Ħal Kirkop in vista tan-numru konsiderevoli ta' attakki u serq fir-residenzi ta' dawn l-anzjani? Jista' jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet għar-rigward ta' dawn il-każi u x'possibbilta' hemm li jitressaq xi ħadd il-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minbarra r-ronda li ssir mit-Taqsima tal-Mobile u tad-Distrett, l-Għassa tal-Pulizija ta' dan il-lokal qed tkun miftuħa regolarment. Infurmat ukoll illi matul dawn l-aħħar tlettax-il xahar kien hemm żewġ serqiet u attentat ta' serq irrapurtati minn persuni anzjani f'dan il-lokal, liema każi għadhom qed jiġu investigati.

Pulizija — Applikazzjoni għal ċittadinanza Maltija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm li bid-dritt il-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - għadha sal-lum ma ngħatatx in-nazzjonalita' Maltija? Jidhirlu li dan huwa każ li qed jieħu fit-tul biex tiġi proċessata l-applikazzjoni tagħha għal nazzjonalita' Maltija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet għamlet applikazzjoni għaċ-Ċittadinanza fl-24/09/99. Iżda minħabba li din ma kinitx saret fil-perijodu li kien stipulat bil-liġi dak iż-żmien, ma setgħatx tintlaqgħa. Għalhekk m'hemm ebda applikazzjoni pendenti dwar din il-persuna biex tiġi pproċessata. Ninsab infurmat ukoll li din il-persuna marret id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza biex tindaga dwar il-pożizzjoni tagħha u ġiet infurmatha li dwar il-każ tagħha d-Dipartiment għandu bżonn ta' parir legali. Fid-dawl tal-parir li ngħata jidher li għalissa din il-persuna ma tistax tapplika għaċ-Ċittadinanza Maltija.

Kunsilli lokali — ħaddiema tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex numru ta' ħaddiema tal-gvern li ilhom assenjati għal dawn l-aħħar snin mal-kunsilli lokali ġew meħuda lura mid-dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi? Jista' jgħid jekk din id-deċiżjoni hijiex temporanja jew inkella hijiex permanenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema tal-Gvern assenjati mal-Kunsilli Lokali li ġew imsejħa lura mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jammontaw għal nofs il-ħaddiema li kienu ġew assenjati mal-Kunsilli Lokali. Il-ħaddiema ta' l-IPSL baqgħu kollha mal-Kunsilli Lokali. Dawn il-ħaddiema ġew magħżula speċifikament minħabba l-ħiliet tagħhom mill-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura sabiex iwettqu xogħol fuq il-proġett tal-barracks ta' Ħal Safi, liema prijorita' ġiet identifikata fid-diskussjonijiet li saru fil-Konferenza Nazzjonali dwar l-Immigranti Irregolari. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, hemm il-ħsieb li dawn il-ħaddiema jirritornaw mall-Kunsilli Lokali wara li jitlesta dan il-proġett.

Probation Services — Probation Officers

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm postijiet vakanti għal probation officers fi ħdan il-probation services? Hemm xi ħsieb li toħroġ sejħa sabiex jiġu ngaġġati probation officers ġodda? Jekk fl-affermattiv għall-mistoqsija ta' qabel, jista' jgħid kemm beħsiebu jimpjega probation officers ġodda u meta se jsir dan? Jekk se jiġu ngaġġati probation officers ġodda, dawn se jaħdmu fl-uffiċċju tal-probation li fil-preżent jinsab fi Triq San Pawl, il-Belt, jew se jiġu mħaddma f'xi postijiet oħra, ngħidu aħna bħall-faċilita' korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7014.