Legislature:
Category:
Reset
Active:

SVPR — Arloġġ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega kif Ħas-Serh kien hemm finanzi biżżejjed sabiex jinxtara arloġġ għas-somma ta' madwar Lm1,500 meta ma kienx hemm madwar Lm1,000 biex jinxtara air-conditioner tant bżonjuż fis-sala Rużar Briffa? Jikkonferma l-Ministru li dan jammonta għal malamministrazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar preċiż u speċifiku fid-domandi li qiegħed jagħmel billi jgħid: a) jekk b'Ħas-Serħ iridx jifhem San Vinċenz de Paule; b) għal-liema arloġġ qiegħed jirreferi li nxtara madwar Lm1500; c) għal-liema sala fil-kumpless ta' Rużar Briffa qiegħed jirreferi.

Djar — Għawdex - Taċ-Ċawla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li min hu responsabbli għadu sal-lum ma ħa l-ebda passi dwar perikolu serju li hemm fis-saqaf tal-kamra tal-banju li jifred iż-żewġ flats fi block C, Flat 1 u block C Flat 3, f'Taċ-Ċawla, Rabat, Għawdex, liema saqaf qiegħed jaqa' biċċa biċċa? Għaliex ma ntbagħatx perit biex jagħmel l-ispezzjonijiet meħtieġa? Għaliex il-ħaddiema għadhom ma ntbagħtux biex jirranġaw il-gallerija ta' block C Flat 3, f'Taċ-Ċawla, Rabat, Għawdex, li wkoll qiegħda taqa' biċċa biċċa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saret ebda talba lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jiġi spezzjonat is-saqaf indikat u għalhekk ma saritx spezzjoni. Għalhekk qiegħed ngħaddi dan il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga, kif qiegħed nagħmel dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija.

Adozzjoni ta' Trabi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kwalitajiet li jrid ikollha koppja biex isirilha home study report għal adozzjoni ta' tarbija minn pajjiż barranin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Home Study Report isir wara li tiġi sottomessa applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja minn koppja li tkun trid tadotta. Koppja li tapplika għal adozzjoni trid tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-liġi, jiġifieri, trid tkun ilha miżżewġa għal aktar minn ħames snin u waħda mill-partijiet trid tkun għalqet 30 sena iżda ma jkollix aktar minn 60 sena.

Adozzjoni ta' Trabi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-home study report tal-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex ikunu jistgħu jadottaw tfal mir-Rumanija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Home Study Report li qiegħda tirreferi għaliħ l-Onor. Interpellanti tlesta f'Novembru 1997.

ETC — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux xi reclassification exercises min-naħa ta' l-ETC dwar shifts ta' ħaddiema gainfully occupied minn settur għal ieħor? Jekk iva, x'kienu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kull sena l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tagħmel eżerċizzju fejn tiġbor informazzjoni dwar l-intrapriżi kollha. Dan l-eżerċizzju jservi biex il-Korporazzjoni tirrevedi kemm id-dettalji ta' l-impjegati kif ukoll l-informazzjoni dwar is-settur ekonomiku ta' l-intrapriża. B'riżultat ta' dan kumpanija tista' tiġi riklassifikata taħt settur differenti minn dak li tkun ġiet klassifikata oriġinarjament. Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar tlett xhur dawn l-ażjendi ġew riklassifikati taħt settur differenti milli kienu qabel: Farrugia Textiles Co. Ltd. Time International Co. Ltd. Manufacturing and Industrial Services Ltd. Ellul Grezzju Borg Cold Stores Import and Dist. Ltd. J. & C. Pisani Ltd. Planner Construction Ltd. Capua Palace Ltd.

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga ilmenti li hemm ditti u azjendi li qegħdin ikeċċu nies full-time minn magħhom filwaqt li jżommu ħaddiema part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24538 f'Seduta 521, nitolbu jgħaddili informazzjoni, anki b'mod kunfidenzjali, dwar id-ditti u ażjendi li rrefera għalihom.

Gainfully Occupied Population

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif jispjega il-fatt li l-gainfully occupied population bdiet tiżdied lejn tmiem is-sena li għaddiet wara li din waqgħet b'14-il persuna fit-tlett xhur ta' qabel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant jara l-istatistika ppublikata minn National Statistics Office fl-aħħar ħames snin (1996 - 2000) jinnota li kien hemm l-istess effett f'dan iż-żmien tas-sena.

Leave tal-maternita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux qed jiġi kkonsidrat li l-leave tal-maternita' jitħalla f'idejn l-individwu biex tagħżel jekk teħdux, per eżempju, kollu wara t-tqala?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li f'diskussjonijiet relatati ma' l-emendi għall-Att dwar il-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg, qiegħda tiġi kkunsidrata l-possibilita' ta' flessibilita' fit-teħid tal-leave tal-maternita'.

Supplementary Benefit

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jiġi kkoreġut l-iżball li sar fid-data personali tal-l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija li mhux qed jingħata s-supplementary benefit (mill-1999 'l hawn) li hu ntitolat għalih u li tilfu minħabba dħul doppju tal-mara u raġel minkejja li l-kotba tal-bank tal-persuna juru mod ieħor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ETC qiegħdiex tinvestiga id-diversi każi li qed jkun hemm fejn azjendi kummerċjali jgħatu is-sensja li full timers li jkollhom filwaqt li jibqgħu jżommu fuq il-kotba tagħhom il-part timers?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-Att li jirregola l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg, "meta prinċipal ikun bi ħsiebu jtemm l-impjiet ta' mpjegat minħabba redundancy, hu għandu jtemm l-impjieg ta' dik il-persuna li tkun impjegata l-aħħar fil-klassi ta' l-impjieg milqut minn dik ir-redundancy". Ninsab infurmat li meta l-uffiċċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg jiltaqgħu ma' ksur tal-provvedimenti msemmija, jieħdu l-passi meħtieġa bi skop li jirrimedjaw dan il-ksur.

Facilitators

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar il-progress li sar sa llum dwar il-bżonn ta' aktar facilitators fl-iskejjel biex jassistu tfal u żgħażagħ b'diżabilita jew b'learning difficulties ? Peress li l-KNPD kienet qed tagħmel diskussjonijiet mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, jista jgħid f'hiex waslu dawn id-diskussjonijiet, jekk waslitx għall-konklużjoni? Jekk iva, meta se jkun hemm il-full compliment ta' facilitators, jekk le meta dan huwa ppjanat? Jekk le wkoll, x'se jiġri minn tant tfal u żgħażagħ li għandhom bżonn dan is-servizz u li s'issa ma għandhomx u xorta jew jibqgħu jiġu promoted fil-klassijiet l-oħra u f'ċerti każi hemm tfal li mhux qed jiġu aċċettati l-iskola minħabba li m'hemmx facilitator available? Ma jidhirlux il-Viċi Prim Ministru li sakemm jibqa n-nuqqas ta' facilitators, parapathetic teachers eċċ, tkun qed tinkiser il-liġi Opportunitajiet Indaqs - Persuni b'Diżabilita għaliex ċertu tfal u żgħażagħ qed jiġu diskriminati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-Mistoqsija tirrigwarda l-provvediment ta' facilitators mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni mitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Għawdex — Nies Boarded Out

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 24404 li oriġinarjament kienet saret lil Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe jista' jgħid kemm ġew nies boarded out fis-settur pubbliku u parastatali f'Għawdex minn Ottubru 1998 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob l-Onor. Interpellant li jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Djar — Akkomodazzjoni Alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġi rranġat appuntament bejn il-koppja vittma ta' l-użura li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija mad-Direttur tal-Housing biex jiddiskutu miegħu l-problema ta' akkomodazzjoni alternattiva?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuni indikati m'għandhom l-ebda applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Il-persuni għandhom imorru d-Dipartiment u jaraw waħda miż-żewġ Social Workers li għandu u jitkellmu magħha.

Sussidju fuq il-Kera

Question

Billi l-inkwilini ta' 13B, Fl 12, Kampanella Str, San Ġwann ilu li ġie boarded out mis-sena 1989, jista' jiġi ikkunsidrat għal sussidju fuq il-kera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-kera ta' Lm77 li jħallas l-inkwilin indikat hu fiss u skond il-ftehim ffirmat fl-1976. Għalhekk mhux soġġett għall-ebda reviżjoni ta' sussidju.

Non Slip Tiles

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'każ ta' talba minn inkwilini anzjani b'xi forma ta' diżabilita f' appartamenti tal-Gvern dawn jingħataw xi forma ta' sussidju jekk jippruvaw ibiddlu parti mill-madum ta' l-appartament għal non slip tiles?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skema 7 - Għajnuna Finanzjarja Għal Persuni b'Diżabilita' għall-Xogħolijiet Ta' Titjib Relatati mad-Diżabilita' tagħhom f'Residenzi Okkupati Minnhom - hija intiża biex persuni li għandhom diżabilita' ikunu jistgħu jaddattaw id-dar tagħhom adekwata għall-bżonnijiet tagħhom jew biex jgħixu b'mod indipendenti jew semi indipendenti qrib il-familjari tagħhom. L-Awtorita' tagħti sussidju fuq xogħolijiet li jiġu rakkomandati mill-Kumitat ta' l-Awtorita' tad-Djar għall-persuni b'diżabilita'. Hija fid-diskrezzjoni ta' dan il-kumitat li jirrakkomanda x'xogħolijiet għandhom isiru biex wara jitressqu għall-approvazzjoni ta' l-istess Awtorita'.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tistax l-ETC tikkunsidra it-talba għall xogħol permanenti tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li għandu esperjenza fl-airconditioning installation.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif għidt kemm il-darba, il-Korporazzjoni tikkunsidra lil kull min qiegħed jirreġistra għax-xogħol meta jiġi riferut għall-intervista skond il-preferenza li qiegħed jirreġistra għaliha. Xorta waħda il-Korporazzjoni ser tieħu nota tat-talba ta' l-Onor. Interpellant.

Personal Injuries Emergency Provisions

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni qed igawdu mill-personal injuries emergency provisions li kellha tidħol mill-1 ta' Jannar ta' l-1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-iskema li qiegħda tirreferi għaliha l-Onor.Interpellanti tikkonċerna lill-Ministeru tal-Finanzi. Għaldaqstant mitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru tal-Finanzi.

S.V.P.R

Question

Jista' l-Ministru jara li anzjan ta' 83 sena li jinsab waħdu li l-partikularijiet tiegħu qed jidhru separatament min din il-mistoqsija u li applika għal S.V.P.R, jingħata l-attenzjoni meħtieġa u prijorita minħabba l-istat ħażin u ta' abandun li jinsab fiħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna ndikata waslet fir-Residenza San Vinċenz de Paule, il-Ħamis, 22 ta' Frar, 2001 u qiegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa fuq il-merti tal-każ.

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li t-talba għall-pensjoni ta' pensjonanta li l-partikularijiet tagħha jidhru separatament min din il-mistoqsija tiġi mgħaġġla peress li qiegħda tbati għaliex ma għanda l-ebda dħul finanzjarju ieħor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.