Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma d-duties tal-persuna, li isimha huwa anness separatament, li jaħdem bħala Hospital Surveillance Officer? X'roster jaħdem?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna li qieghed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għandha grad ta' supervisor. Din il-persuna kienet ġiet trasferita taħt l-amministrazzjoni preċedenti barra mid-Dipartiment għall-Impjant tar-Reċiklaġġ. Illum reġghet qegħda tagħmel xogħolha ġewwa SLH, u s-servizzi tagħha qegħdin jintużaw skond l-eżiġenzi ta' superviżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li f'ċerti postijiet iddaħħal ix-shift ta' night on/night off għas-security guards? Liema huma l-postijiet? Min huma l-Hospital Surveillance Officers li qed jaħdmu dan ix-shift, x'inhi l-ID card number tagħhom u minn liema lokalita' ġejjin? Għaliex waqt il-ħin tax-xogħol jaħdmu pajżana?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-sistema tax-shift night in, night out qed titħaddem biss f'Ta'Qali Medical Stores.
Is-Security Guards li qed jaħdmu dan ix-shift huma:
Attard Carmelo ID 411753M Mosta
Attard Mario ID 642361M Naxxar
Galea Victor ID 130754M Zurrieq
Borg John Mary ID 330949M Mosta
Kull meta saret spezzjoni f'Ta'Qali Medical Stores, is-Security Guards imsemmija, dejjem kienu lebsin l-uniformi. Meta saru l-postings tas-Security Guards, kollha ġew infurmati li ser jinbidlilhom il-posting tagħhom kull sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx sistema ta' trattament ta' tneħħija ta' birth marks, tattoos, etc. permezz tal-makna tal-laser? Jekk fl-affermattiv, x'inhi l-proċedura li pazjent irid jiġi riferut fl-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-apparat tal-laser għall-kura ta' birthmarks u lesjonijiet vaskulari tal-ġilda li qed jiġi nstallat fl-Isptar San Luqa mhuwiex adattat għat-tneħħija ta' tattoos. Il-kura tal-pazjenti bil-laser ser tkun koordinata mid-Dipartiment tad-Dermatoloġija fl-Isptar Boffa. M'hemm l-ebda ħsieb li tingħata kura b'xejn għal tneħħija ta' tattoos bil-laser.
X'għamel il-gvern biex jiġbor mill-ħwienet Maltin tiġieġ u bajd li daħlu mill-Olanda kkontaminati ħalli ma jinxtrawx f'pajjiżna? X'miżuri ħa d-Dipartiment tas-Saħħa pubblika? Fejn tpoġġew dawk il-prodotti li nġabru? X'sar minnhom? X'follow up qed isir biex jiġi aċċertat li ma fadalx prodotti għal bejgħ? Kemm inġabru tiġieġ? Kemm inġabar bajd u prodotti oħrajn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma ħa l-ebda passi dwar il-bejgħ ta' tiġieġ u bajd li ġew importati mill-Olanda, peress li ma kellu l-ebda rapporti dwar kontaminazzjoni ta' dawn il-prodotti. Ma hemm l-ebda indikazzjoni ta' importazzjoni kkontaminata ta' tiġieġ u bajd mill-Olanda.
Jista' l-Ministru jgħid xi kwotazzjonijiet jew tenders saru mill-5 ta' Settembru sal-lum u li għadhom għaddejjin fil-proċess normali tagħhom? Għal liema servizzi jew prodotti qegħdin isiru l-kwotazzjonijiet u/jew tenders? Liema minn dawn il-każi qed jiġu mmaniġjati mid-direttur tal-kuntratti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinvolvi ħafna xogħol sabiex tinġabar u d-Dipartiment ma jistax jaħli riżorsi umani għal dan l-iskop. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi każ partikolari f'moħħu, hu mitlub li jidentifikah u d-Dipartiment ikun jista jinvestigah.
Jista' l-Ministru jgħid x'inxtara mill-FMS b'sistema diretta, bi kwotazzjonijiet jew permess ta' tender mill-5 ta' Settembru sal-lum? Kemm kienet in-nefqa f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba tirrekjedi ħafna riżorsi u ħin biex tinġabar u l-F.M.S. ma għandhiex dawn ir-riżorsi, nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fl-iskin out-patients ta' l-Isptar Sir Paul Boffa? Min huma? X'inhu l-grad tagħhom? X'roster jaħdmu? Min minnhom qed jattendi xi kors? Dawk li jattendu xi kors, meta qed ikunu assenti mix-xogħol? F'dan l-aħħar xahar, min mill-impjegati f'dan id-dipartiment daħal jaħdem fil-ħdud u festi, meta fil-fatt out-patients m'hemmx? X'inhi r-raġuni li fl-out-patients ta' l-Isptar San Luqa l-impjegati ma jingħatawx l-istess opportunita' li jaħdmu fil-ħdud u festi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandna tmintax-il persuna (18) li jaħdmu ġewwa l-iskin out-patients ta' l-Isptar Sir Paul Boffa. L-ismijiet, il-gradi u r-roster tagħhom hija skond il-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Hemm tlieta (3) mill-impjegati li qed jattendu xi kors u qed ikunu assenti kif ġej:
Mrs G.Sant kull nhar ta' Ħamis
Dr E.Borg kull nhar ta' Tlieta
Mrs C.Pevac kull nhar ta' Tlieta
F'dan l-aħħar xahar kien hemm ħamsa (5) mill-impjegati li daħlu jaħdmu fil-ħdud u festi li huma dawn:
Mrs G. Sant
Mrs C. Pevac
Mr C. Cassar
Mr J. Cutajar
Mrs M. Grech
(Dawn jagħmlu xogħol konness ma' HIV/AIDS)
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7052 ċioe' jista' jgħid kemm saru lectures lid-dijabetiċi bejn Marzu, 1998 u Marzu, 1999? Kemm pazjenti kienu mistiedna u kemm attendew għal kull sessjoni? Minn min saru dawn il-lectures u xi kwalifiki ta' tagħlim għandhom f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti lir-Rodent Section mill-1 ta' Ġunju 'il hawn? Kemm kien hemm każijiet ta' murine typhus fl-istess perijodu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li mill-1 ta' Ġunju 'l hawn, ġew rapportati ħamsa w ħamsin ilment fis-Sezzjoni tar-Rodent Control ta' dan id-Dipartiment. L-ebda każ ta' murine typhus ma ġie rrapportat fl-istess perjodu.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex riċetta għal mediċini b'xejn li ssir għal tliet xhur qed tingħata supply ta' xahar biss u tinżamm il-kumplament tar-riċetta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-riċetta għall-mediċini b'xejn li ssir għal tlett xhur ġeneralment tiġi meqjusa għal dan il-perjodu sakemm dan ikun indikat mit-tabib fuq ir-riċetta. Din tapplika għall-mediċini li t-tabib jippreskrivi minħabba l-bżonn ta' kura fit-tul għal mard kroniku.
Ir-riċetta tiġi meqjusa għal xhar biss jekk it-tabib ikun uża din it-tip ta' riċetta għal mard qasir minflok ma juża ir-riċetta għal xhar biss li ġeneralment isservi għal dawn il-każijiet. Fil-każ li r-riċetta ta' tlett xhur tintuża mit-tabib għal mard qasir, huwa jindika fuq ir-riċetta li l-mediċina ġiet preskritta għal xhar biss jew għal perjodu indikat.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għal fatt li suppożitorji tat-tfal kienu out of stock fl-isptar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Hemm aktar minn tip wieħed ta' suppożitorji għat-tfal u għalhekk jinħtieġ li tiġi identifikata il-mediċina qabel ma jistgħu isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda mill-Ministeru tiegħu jew minn wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Jekk inxtraw, jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm laħqet l-ispiża; 2) inħarġitx tender; 3) mingħand min inxtraw; 4) x'marka huma; 5) għal liema skop inxtraw; 6) minn min qed jintużaw; u 7) kemm huma fl-ammont?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma nxtrat l-ebda karozza fil-perjodu msemmi mid-Diviżjoni tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-istaff kollu tal-Ministeru tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid: 1) meta dawn bdew jaħdmu hemm? 2) x'karigi jokkupaw u xi kwalifiki għandhom? 3) x'salarju u allowances qed jirċievu? 4) kemm minnhom qegħdin bil-kuntratt? 5) kemm minnhom huma seconded u minn fejn huma seconded? 6) min minnhom qed juża karozza tal-gvern? 7) min minnhom jagħmel użu ta' mobile phone? 8) kemm hi l-ispiża tal-kontijiet tal-mobile phones ta' kull wieħed li qed jagħmel użu mill-mobile phones minn meta beda jagħmel użu minnu xahar b'xahar? 9) min minn dawn għandu s-servizz tat-telephone b'xejn fir-residenza privata tiegħu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri kollha tas-Segretarjat tiegħi li turi: (i) il-karigi tagħhom; (ii) liema minnhom qegħdin b'kuntratti, (iii) it-total tan-nefqa individwali bejn Settembru 1998 u Marzu 1999 fuq mobile phones ta'dawk il-persuni li huma ntitolati għall-użu ta'mobile; u (iv) id-data effettiva tal-ftehim li ffirma/t kull wieħed/waħda mill-membri ta' l-istaff skond il-Memorandum `Engagement of Staff in Private Secretariats` li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'Novembru li għadda - liema Memorandum sarulu xi emendi li wkoll ser jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġranet li gejjin.
Il-kundizzjonijiet l-oħra li dwarhom qed jistaqsi l-onorevoli nterpellant huma kollha konformi ma' dak imniżżel fil-Memorandum, inkluż il-fatt li m'hemm l-ebda persuna ssekondata minn xi organizazzjoni parastatali.
Qiegħed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar użu ta' 'Mobile phones'minn membri kollha fis-Segretarjat tal-Ministru preċedenti intitolati għall-użu ta' mobile phones matul l-istess numru ta' xhur ta' dik l-amministrazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li jintnefaq kull sena fl-isptarijiet kollha tal-gvern fuq is-servizz ta' l-ikel lill-pazjenti: 1) f'pagi; 2) f'materjal; u 3) fi spejjeż oħra? X'vantaġġi se jkun hemm, jekk se jkun hemm, fil-privatizzazzjoni ta' dan is-servizz? Kemm se jiffranka l-gvern b'dan il-pass?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li peress li bħalissa hemm offerta pubblika biex is-servizz ta' l-ikel ta' l-isptarijiet ikun jista' jiġi pprivatizzat ma tkunx etika li wieħed jagħti l-informazzjoni mitluba, minhabba li din tista' tinfluwenza l-offerti għal dan it-'tender'.
Il-vantaġġi tal-privatizzazzjoni huma diversi, fosthom insibu servizz aktar personalizzat u ta' kwalita waqt li noħolqu l-oppportunitajiet ġodda biex il-ħaddiema tagħna jtejbu l-professjonalita tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu fil-kċejjen ta' l-Isptar San Luqa, l-Isptar Monte Carmeli, l-Isptar Sir Paul Boffa, l-Isptar San Vinċenz de Paule u l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista' l-Ministru jagħti l-figuri sptar bi sptar u l-gradi u x-xogħol differenti li jagħmlu? X'se jagħmel b'dawn l-impjegati ladarba jrid jipprivatizza s-servizz?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuni li jaħdmu fid-diversi sptarijiet msemmija mill-Onorevoli Interpellant huma hekk:-
GRADI TAL-ĦADDIEMA SAN LUQA MONTE PAWLU SPTAR
CARMELI BOFFA T'GħAWDEX
--------------------------------------- ------------------
Cooks 20 11 2 5
Asst. Tech. Officer 4 1 - -
Hosp. Auxiliaries 1 - - 6
Health Assistants 5 2 - 13
Fatigue men/women - - 2 -
Supervisors - 2 - -
Senior Tradesmen - 1 - -
Motor Trans. Driver - 1 - -
General Hands - 1 - -
----------------------------------------------- ----------
TOTAL 30 19 4 24
============================================== ===========
Għar-rigward l-informazzjoni dwar l-isptar San Viċenz de Paule nirreferi l-Onorevoli Interpellant lill-Ministru konċernat.
Fl-ispecification tat-tender għall-privatizzazzjoni tas-Servizz hemm maħsuba u speċifikati kundizzjonijiet li jissalvagwardaw l-impjieg u l-interessi ta' dawn il-ħaddiema.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4454, jista' l-Ministru jikkonsidra mill-ġdid it-tweġiba mogħtija peress li l-pubblikazzjoni ta' l-irċevuti konnessi huma fl-interess pubbliku għax jikkonċernaw infiq pubbliku?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li m'għandi xejn iżjed xi nżid mar-risposta li tajt għad-domanda numru 4454.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport sar lir-Rodent Section tad-Dipartiment tas-Saħħa minn nhar il-Ħamis 27 ta' Mejju sal-lum meta reġa' beda jinġabar l-iskart? Kemm-il rapport kien hemm fil-ġimgħa ta' qabel? Fl-istess perijodu, rriżultaw kirjiet ta' typhus fl-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. interpellant li minn nhar il-ħamis 27 ta' Mejju, saru 23 rapport għand ir-'Rodent Section' tad-Dipartiment tas-Saħħa. Matul il-ġimgħa ta' qabel jiġifieri mis-17 sas-26 ta'Mejju saru 52 rapport fl-istess sezzjoni. Tul dawn iż-żewġ perjodi ġie rrapurtat każ wieħed ta' 'tick-borne typhus' u każ ieħor ta' typhus fil-31 ta' Mejju li għad mhux magħruf jekk hux tat-tip 'murine' li hu relatat mal-ġrieden.
Jista' l-Ministru jara li l-pazjenta li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament ma' din il-mistoqsija, issirilha transfer minn Mount Carmel Hospital għal St. Vincent de Paule?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-deċiżjonijiet fuq trasferimenti ta' pazjenti minn sptar għall-ieħor għandhom jittieħdu mill-management bl-għajnuna tal-professjonisti li jaħdmu magħhom. Il-kriterji għal kull trasferiment ta' pazjenti huma biss dawk mediċi.