Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #12169 Sitting 218 2000-01-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni rapportati nieqsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' persuni li ġew irrapportati bħala nieqsa lill-pulizija matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena? Kemm minn dawn il-każi għadhom rapportati bħala nieqsa lill-pulizija? Qegħdin isiru l-investigazzjonijiet dwar dawn il-każi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li, fejn il-persuna tibqa` ma tinstabx, il-Pulizija tibqa` tinvestiga kull informazzjoni li jista` jkollha dwar dawn ir-rapporti.
Leg 9 PQ #12227 Sitting 218 2000-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijet pendenti bħalissa quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ilhom aktar: (i) minn sitt xhur; (ii) minn sena; (iii) minn sena u nofs; (iv) sentejn jew aktar; u (v) anqas minn sitt xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-10 ta` Jannar 2000, l-Awtorita` ta' l-Ippjanar kellha quddiemha 3,746 applikazzjoni pendenti. Dawn l-applikazzjonijiet huma mifruxa fuq il-perijodi mitluba kif muri hawn : aktar minn sitt xhur 1,622 anqas minn sitt xhur 2,124 aktar minn sena 813 * aktar minn sena u nofs 574 * sentejn jew aktar 429 * * L-ammonti murija għal perijodi mitluba huma ammonti kumulattivi.
Leg 9 PQ #12228 Sitting 218 2000-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha imwaqqfa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Kemm-il applikazzjoni ġiet ipproċessata? Kemm kien hemm refusals u kemm-il darba inħareġ il-permess? Kemm-il darba l-Awtorita' ta' l-Ippjanar talbet estensjoni taż-żmien stabbilit biex tagħti d-deċiżjoni tagħha? Kemm hemm nies impjegati fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

L-Awtorita` ta' l-Ippjanar ilha mwaqqfa mit-30 ta` Ottubru 1992. Ninsab infurmat li minn din id-data sal-10 ta` Jannar 2000, l-Awtorita` irċeviet 52,534 applikazzjoni għall-permess ta` żvilupp li 3,843 minnhom ġew mgħoddija lill-Awtorita` mill-PAPB. L-Awtorita` iddeċidiet 48,788 applikazzjoni li 8,918 minnhom ġew irrifjutati. Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmat ukoll li fl-Awtorita` ta` l-Ippjanar hemm 321 impjegati. Din il-figura tinkludi n-nies li huma direttament impjegati ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, ħaddiema 'Detailed', impjegati b`Kuntratt Definit u impjegati part-time.
Leg 9 PQ #12216 Sitting 217 2000-01-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Għawdex — Ċitazzjonijiet ta' parkeġġ ħażin

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 12102 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' jista' l-Ministru jgħid kemm-il ticket ħarġu mill-1 ta' Jannar sal-1 ta' Diċembru, 1999 mill-pulizija ta' Għawdex minħabba parking ħażin jew double parking ħdejn id-diskoteka ewlenija fin-niżla tax-Xlendi? Kemm-il raid sar mill-pulizija ta' Għawdex għad-drogi f'din id-diskoteka mill-1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' Ottubru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid meta saru dawn ir-raids, x'ħin u mil-liema uffiċjal tal-pulizija tmexxew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u l-1 ta` Diċembru ta` l-1999 il-Pulizija ta` Għawdex ħarġu 169 Traffic Offence Tickets għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku fil-lokalita` li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu. Ninsab infurmat ukoll li, għalkemm ma sarux raids speċifikament għar-raġuni indikata fil-Mistoqsija, il-Pulizija dejjem kienu preżenti u saru tfittxijiet fid-dħul kif meħtieġ meta kienet organizzata xi attivita` fil-lokal li saret referenza għalih.
Leg 9 PQ #12097 Sitting 216 2000-01-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Mwiet fatali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' mwiet fatali rrapportati lill-pulizija matul din is-sena ċioe' minn Jannar sat-13 ta' Diċembru, 1999? Kemm minnhom kienu kawża ta' inċidenti tat-traffiku u jew delitt? Kemm minn dawn il-każijiet għadhom qed jiġu nvestigati mill-Pulizija u kemm minnhom jinsabu għaddejja bil-proċeduri fil-qrati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u t-13 ta` Diċembru ta` l-1999, il-Pulizija kellha 39 rapport ta` inċidenti fatali. Minnhom, 12 kienu kawża ta` inċidenti tat-traffiku u 10 kienu omiċidji, li f`każ minn dawn ta` l-aħħar il-mejta kienu 3. Ninsab infurmat ukoll li f`7 każi nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti, filwaqt li fil-każijiet l-oħrajn il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni.
Leg 9 PQ #12208 Sitting 216 2000-01-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru għall-Intern — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi bejn l-1987 u l-1996 mill-Ministeru, dipartimenti u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista' l-Ministru jgħid x'marka jew ditta dawn il-karozzi kienu? Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew fi flus il-karozzi b'mod separat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #12085 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serq ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet fuq karozzi rrapportati lill-Pulizija bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena? Kemm kien in-numru ta' persuni li tressqu l-qorti mill-pulizija b'konnessjoni ma' dawn il-kapijiet ta' serq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Novembru ta` l-1999, il-Pulizija kellha 2,723 rapport ta` serq minn vetturi. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu tressqu l-Qorti 90 persuna in konnessjoni ma` dan it-tip ta` reat. Dan in-numru jikkonsisti f`persuni mressqa fuq aktar minn reat wieħed ta` serq minn vetturi.
Leg 9 PQ #12086 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serq fuq turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet fuq turisti u appartamenti tagħhom irrapportati lill-pulizija matul Jannar u Novembru ta' din is-sena? Kemm-il persuna qed tressaq il-Pulizija quddiem il-Qorti b'konnessjoni ma' dawn is-serq fuq it-turisti?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa` għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8484, ninsab infurmat li ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #12087 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każi ta' hold-ups

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' hold-ups irrapportati lill-Pulizija bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena? Kemm huwa n-numru ta' dawn il-każijiet li qed jiġu ttrattati quddiem il-Qorti wara l-pulizija bdiet il-proċeduri tagħha ta' l-akkużi?

Response (BORG, TONIO)

Dwar in-numru ta` hold-ups li ġew irrapurtati lill-Pulizija bejn Jannar u Settembru ta` l-1999, nirreferi lill-Onor Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10546, filwaqt li f`Ottubru u f`Novembru ta` l-1999, ninsab infurmat li ġew irrapurtati lill-Pulizija 6 hold-ups. Ninsab infurmat ukoll li mill-każi irrapurtati bejn Jannar u Novembru ta` l-1999, 27 ġew solvuti li minnhom 13 għadhom qed jigu trattati quddiem il-Qorti. Ta` min jgħid ukoll li n-numru ta` każi solvuti huwa d-doppju tas-sena ta` qabel, jiġifieri l-1998 fejn minn 56 hold-up ġew solvuti 14.
Leg 9 PQ #12088 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serqiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet f'bars, ħwienet tax-xorb u restaurants u ħwienet tal-merċa eċċ irrapportati lill-pulizija bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena? Kemm huwa n-numru ta' persuni li qed jitressqu l-qorti mill-pulizija b'konnessjoni ma' dawn is-serqiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Novembru ta` l-1999, il-Pulizija kellha 1,039 rapport ta` serq minn bars, hotels u retail outlets. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu tressqu l-Qorti 67 persuna in konnessjoni ma` dan it-tip ta` reat.
Leg 9 PQ #12148 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — "The Origin of Maltese Statehead"

Question

In vista ta' dak li għadu kemm ġie żvelat fil-ktieb tal-Prof. Frendo "The origin of Maltese Statehood" (p.406-493), jista' l-Ministru jordna inkjesta dwar l-oriġini u d-destinazzjoni ta' numru kbir ta' armi li kienu nstabu b'kumbinazzjoni mill-Pioneer Corpes f'Bormla fit-23 ta' Novembru, 1974? Jista' l-Ministru jikkonferma u jispjega għaliex skond ma ntqal fl-istess ktieb ex-Ministru Laburista u uffiċjali tal-NCP minn Bormla kienu aċċedew immedjatament fuq il-post u pprovaw jisdramatizzaw din is-sejba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-paġni tal-ktieb li saret referenza għalihom fil-Mistoqsija, ma nstabet ebda referenza għall-inċident kif imsemmi mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmat ukoll li barra minhekk, fl-isfond ta` dak li hemm imsemmi fil-Mistoqsija, saret riċerka fl-arkivji ta` diversi sezzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija, liema riċerka ukoll irriżultat fin-negattiv. Ta` min jgħid li l-Korp tal-Pijunieri kien jaqa` taħt ir-responsabbilita` tal-Forzi Armati ta` Malta u mhux tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #12162 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Affarijiet Interni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jingħata ħlas extra, minbarra l-overtime u allowance, fil-ġurnata tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena għal kull dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Kif approvat mill-Kabinett u skond iċ-ċirkulari OPM46/99, impjegati li ħadmu n-night shift bejn l-aħħar ta` l-1999, u l-ewwel ta` din is-sena, ser jitħallsu Lm25 extra minbarra l-ħlas li huma ntitolati għalih.
Leg 9 PQ #12193 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permessi għal swali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal swali li jintużaw għal parties (bħal tiġijiet) minn meta twaqqfet l-awtorita' sal-lum? Kemm minn dawn huma change of use jew bini ġdid? Fejn jinstabu dawn is-swali? Mil-liema bord inħarġu l-permessi i.e. DCC, Planning Authority jew Planning Appeals Board?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn meta twaqqfet l-Awtorita` ta` l-Ippjanar inħarġu tlett permessi għal swali biex jintużaw għal tiġijiet. It-tlett applikazzjonijiet kienu dwar bdil ta` użu u nħarġu mill-Bord tad-DCC. Dawn is-swali jinsabu fl-Imdina, ir-Rabat u f`Raħal Ġdid.
Leg 9 PQ #12079 Sitting 214 1999-12-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Riforma

Question

Jista' l-Ministru ġentilment igħidilna kif filwaqt li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għadha għaddejja bil-proċess ta' riforma, inħolqu żewġ postijiet ta' Assistent Direttur? Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-kumitat ta' riforma li twaqqaf dan l-aħħar, hemmx xi persuna li tikkwalifika biex issir Assistent Direttur? Jekk dan huwa l-każ, il-Ministru jidhirlu li dan jista' jkun konflitt ta' interess u jista' jiġi interpretata bħala abbuż minħabba li l-istess persuna hija membru tal-kumitat li ħoloq il-post ta' Assistent Direttur? Kif se jkun kompost il-bord ta' l-għażla?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-Bord iddeċieda li joħroġ sejħa għal żewġ postijiet ta` Assistent Direttur. Ninsab infurmat li fil-kumitat ta` riforma nterna li waqqfet l-Awtorita` hemm mill-anqas żewġ persuni li jistgħu jikkwalifikaw għal pożizzjoni ta` Assistent Direttur. L-Awtorita` jidhrilha li ma hemm l-ebda konflitt ta` interess għax dan il-Kumitat jagħti biss pariri. Id-deċiżjoni finali hija f`idejn il-Bord tal-Awtorita`. Il-Bord tal-għażla ġie kompost minn fost il-membri tal-Bord u d-Direttur tal-Ippjanar.
Leg 9 PQ #12128 Sitting 214 1999-12-17 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Russa miżżewwġa Malti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari li kont għamilt dwar il-possibbilta' li mara Russa miżżewwġa Malti ġġib tgħix magħha lil ommha, fejn inti tlabtni ngħaddilek id-dettalji, jista' il-Minstru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar dan il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Kif għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10754, jinħtieġu d-dettalji eżatti tal-persuni nvoluti sabiex il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ikun jista` jiġi verifikat.
Leg 9 PQ #12145 Sitting 214 1999-12-17 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Żabbar — Triq in-Nissieġ

Question

Jista' l-Ministru jara li fi Triq in-Nissieġ, Ħaż-Żabbar, il-persuna li fil-pjanta li qed tintbagħat separatament qed titħalla tipparkeġġja coaches/tal-linja fil-garaxx immarkata bil-Plot No.43, ma tostakulax l-entratura ta' quddiem il-Plot No.69 fejn jgħixu r-residenti u għandhom l-vettura tagħhom u wkoll biex f'kull każ ssir barrier quddiem ir-residenza ta' Plot No. 69 u dan peress li x-xufier tal-coach qed wkoll jitla' l-bankina ta' quddiem din ir-residenza? Jaħseb il-Ministru li dan huwa każ ta' urġenza u li l-awtoritajiet diġa' jafu bih?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ilment li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant qed ikun investigat mill-Pulizija li ser tieħu azzjoni skond il-liġi.
Leg 9 PQ #11697 Sitting 213 1999-12-17 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni fuq liberta' proviżorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq liberta' proviżorja llum? X'tip ta' reat allegatament għamlu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hawn 1,122 persuna fuq liberta` proviżorja wara li ġew akkużati fuq reati li jinkludu omiċidju, attentat ta` omiċidju, serq, offiżi fuq il-persuna, frodi, abbuż/traffikar ta` droga, ħsara volontarja, misapprojazzjoni, stupru, offiżi fuq pudur, prostituzzjoni, korruzzjoni ta` minorenni, rapport falz, sewqan perikoluż, vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi, ksur tal-Liġi ta` l-Immigrazzjoni, ksur ta` bon ordni.
Leg 9 PQ #12016 Sitting 213 1999-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Kors tas-Social Work

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex, kif kien jiġri snin oħra, persuni fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin jinxtrawlhom il-kotba u jiġu mgħejjuna anke fil-miżati ta' l-eżamijiet biex ikomplu jistudjaw? X'sar min-naħa tal-faċilita' biex tappoġġja lil dawk li applikaw biex jagħmlu kors tas-social work fl-Universita'?

Response (BORG, TONIO)

Meta jkun hemm il-bżonn ta` xi kotba biex jintużaw minn priġunieri li jkunu qegħdin jistudjaw, dawn jinxtraw mill-Faċilita` u jitpoġġew fl-Educational Unit. Fir-rigward ta` priġunieri li jkunu ser jagħmlu eżamijiet tal-MATSEC ninsab infurmat li dawn huma eżentati mill-ħlas dovut lill-Universita`. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li l-awtoritajiet tal-Ħabs kienu lesti biex jagħtu l-għajnuna u l-faċilitajiet kollha neċessarji liż-żewġ priġunieri li applikaw biex jattendu kors fl-Universita`. Saħansitra kienu anke ingħataw l-opportunita` li jattendu għall-Interviews li saru in konnessjoni ma` dan il-kors, pero` dawn iż-żewġ priġunieri ma ġewx aċċettati mill-Universita`.
Leg 9 PQ #11990 Sitting 212 1999-12-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — PC Lawrence Gabriel

Question

Issa li għaddew diversi ġimgħat mill-każ tat-towing tal-vettura ta' PC Lawrence Gabriel f'San Ġiljan, jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet tiegħi ġietx konkluża (Ara mistoqsija parlamentari numru 11240)? Min qed imexxi l-investigazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-investigazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet konkluża u ser jittieħdu passi dixxiplinarji kontra l-kuntistabbli nvolut.
Leg 9 PQ #11991 Sitting 212 1999-12-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni maħruba

Question

Nirriferi lill-Ministru għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 11823. Jista' f'kull każ imsemmi jgħid minn fejn ħarbu t-tmien barranin minn taħt il-kustodju tal-pulizija? Ittieħdu xi passi kontra xi membri tal-Korp tal-Pulizija dwar dan il-ħrib? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.