Jista' il-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub permezz ta' mistoqsija parlamentari 8666 u cioe' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja taċ-ċirkolari li permezz tagħha kienu ġew iffissati l-ħinijiet illi fihom għandhom jinġabru t-tfal ta' l-iskola filgħodu (tat-22 ta' Settembru 2004)? Jista' jara li dawn il-ħinijiet jiġu rispettati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-Taqsima tat-Trasport ta' l-Istudenti tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tagħmel skruntinju kontinwu tas-sitwazzjoni tat-trasport ta' l-istudenti lejn l-iskejjel u lura lejn id-dar. Dan isir billi jiġi investigat kull ilment li jitressaq mill-Kapijiet ta' l-Iskejjel jew minn ġenituri ħalli l-kondizzjonijiet tal-ftehim li kien sar ma' l-operaturi tat-trasport ta' l-istudenti jiġu mħarsa. Iċ-ċirkulari ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx xi inizjattivi sabiex isir dizzjunarju teżawru għal-lingwa Maltija li jaħdem fis-sistema tal-Windows Microsoft fid-dawl tal-problemi li hemm fuq it-traduzzjoni tal-lingwa Maltija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-diffikulta' ewlenija li qed taffetwa l-interpretazzjoni tal-lingwa Maltija hi n-nuqqas ta' glossarju komplut biex jgħin lit-tradutturi Maltin fil-konsistenza tat-traduzzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant l-Universita' ta' Malta qed tingħata għajnuna mill-Unjoni Ewropea fl-ammont ta' kważi kwart ta' miljun Euro. L-Universita' hi mistennija tixtri pakketti ta' software li jintużaw għat-taħriġ u tibni glossarju Malti dettaljat. Il-proġett mistenni jieħu madwar sentejn u hu iffinanzjat taħt il-programm tat-Transition Facility 2004.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti Ċiniżi fil-foundation courses fis-snin 2002-2004 sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' Ċiniżi fil-Foundation Studies Course ta' l-aħħar tlett snin huwa ta' :
Sena Numru ta' Studenti
2002/2003 31
2003/2004 68
2004/2005 68
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti Ċiniżi fl-Universita' ta' Malta fis-snin 2002-2004 sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' Ċiniżi fl-Universita' ta' Malta f'dawn l-aħħar tlett snin huwa :
Sena Numru ta' Ċiniżi
2002/2003 65
2003/2004 120
2004/2005 218
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-MCAST għandhiex pjanijiet li tapplika għal/tinizjala proġetti tal-European Social Fund u l-European Regional Development Fund fl-2004? Jista' jitfa' ftit dawl fuq dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proġetti li jaqgħu taħt l-European Regional Development Fund u l-European Social Fund u li ġew approvati mill-Kabinet huma :-
Euopean Regional Development Fund
ERDF9 : MCAST Child Care Centre Provision
ERDF13 : Construction of Additional Floors, Refurbishing and Equipment of Existing Buildings.
ERDF25 : MCAST Library and Resource Centre.
ERDF26 : Provision of Didactic Equipment for Motor Vehicle Training Programmes.
European Social Fund
ESF/No.11 - Preservation of Traditional Maltese Crafts.
ESF/No.12 - Retraining & Re-Skilling of Workers for Engineering Industry
ESF/No.13 - Retraining & Re-Workers for Electronics Industry
ESF/No.14 - Technology Skills for Women Returning to the Workforce
ESF/No.15 - Retraining & Reskilling for the Building and Construction Industry
ESF/No.16 - Foundation Training Programme for Adults with no Formal Qualifications
Wara li l-għalliema ta' l-iskola Adelaide Cini fl-Lulju 2002 kienu ġew informati li l-iskola ser tagħlaq minħabba li l-bini kien ikkundannat, jista' il-Ministru jgħid x'xogħol sar u kemm ġie jiswa dan ix-xogħol?
Jista' jgħid ukoll jekk wara Lulju 2002 dan l-istess bini baqax jiġi wżat. speċjalment bħala skola ta' l-Ingliż? F'każ li x-xogħol fuq dan il-bini li kien ikkundannat tlesta, jista' jgħid kif ser jintuża dan il-bini?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li nirreferi l-Onor. Membru għat-Tweġiba għal-PQ numru 9719, tweġiba għal din il-Mistoqsija tingħata meta ix-xogħol kollu fuq din l-iskola jkun tlesta.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-iskola Adelaide Cini? Jista' l-Ministru jagħti aktar informazzjoni dwar il-futur ta' din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola Adelaide Cini bħalissa ser tiġi ‘Refurbished’ u huwa maħsub illi x-xogħol kollu ser ikun lest sabiex tkun tista tilqa studenti f’Ottubru ta’ 2005.
Il-pjan huwa biex din l-iskola sservi ta’ ‘Relief School’, li jfisser illi waqt li l-istudenti jkunu Adelaide Cini, l-iskola oħra – li tiġi żvojtata – tkun tista issirilha xogħol ta’ Upgrading’ għall-livell ta’ skola t’għada.
Jista' l-Ministru jivverifika ilmenti li rċevejt li tfal fl-iskejjel ta' l-Istat qed jiġu mġiegħla jiġbru l-flus għall programm l-Istrina? Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li għandi li dan il-ġbir qed isir b'impożizzjoni minflok b'mod volontarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jirriżultaw l-ebda lmenti dwar ġbir fl-iskejjel konessi ma l-inizjattiva tal-Community Chest Fund Istrina. Kull ġbir ta' flus fl-iskejjel hu regolat skond iċ-ċirkulari OPS 65/98. Kull ġbir hu volontarju
Jista' l-Minstru jgħid jekk għalliema li jitħajru jagħmlu xi diploma course fl-Universita' ta' Malta jiġux inkoraġġiti u mħajra jagħmlu hekk? Kemm kien hemm għalliema li matul din is-sena applikaw sabiex jagħmlu xi kors jew ieħor? Kemm ġew aċċettati? X'kienu r-raġunijiet li ngħataw dawk li ma ġewx mogħtija l-permess li jagħmlu xi kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalliema li jitħajjru jsegwu courses l-Universita' mhux soltu li jitolbu permess biex jagħmlu dan għaliex kulħadd għandu dritt juża' l-ħin liberu tiegħu kif jixtieq.
Għalhekk mhux possibli li wieħed jgħid kemm applikaw matul din is-sena għaliex m'hemmx bżonn ta' permess għal dan.
Informat ukoll li dwar il-korsijiet ta' filgħodu, l-għalliema jkunu fuq xogħolhom fl-iskola f'dan il-ħin u mhux possibli li wieħed, bħala regola, jaċċetta talbiet biex ikunu assenti mill-iskola sabiex jattendi korsijiet.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy dwar ġbir ta' flus fl-iskejjel ta' l-istat? Xi kriterji jintużaw sabiex jingħataw il-permessi meħtieġa, jekk huwa l-każ, lil dawk li japplikaw? Fil-każ li huwa hekk, jista' jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament applikax u ingħatax il-permess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel jimxu fuq iċ-ċirkulari OPS 65/98 fejn jidħol ġbir fl-iskejjel. Din iċ-ċirkulari tgħid li ma jistgħux isiru aktar minn 5 ġabriet fis-sena u tispeċifika li waħda minnhom għandha tkun lejn il-Community Chest Fund.
Informat ukoll li meta jaslu talbiet minn organizzazzjonijiet differenti għal permess ta' ġbir fl-iskejjel, id-Diviżjoni tikkonsidra il-ġenwinita' tal-organizzazzjonijiet, pero' tħalliha f'idejn il-kap ta' l-iskola jekk jagħżilx organizzazzjoni minn oħra fil-limitu ta' mhux aktar minn dak li jidher fiċ-ċirkulari. Din it-talba għaddiet bil-proċess normali u ingħata l-permess.
Wara li fil-budget għas-sena 2005 il-gvern ħabbar żieda fil-prezz għat-trasport pubbliku, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li l-istudenti fil-junior college u l-Universita' ma jikkwalifikawx għall-eżezjoni minn din iż-żieda?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li nitlob lil Onor. Membru Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat, tajjeb jiġi notat li n-noll speċjali għall-istudenti dejjem kien japplika sa 16 il-sena.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-bini ta' l-iskola l-ġdida fil-Karwija sad-data li tiġi mwieġba din l-interpellanza? Meta huwa maħsub li titlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ix-xogħol tal-bini ta' l-iskola l-ġdida fil-Karwija huwa avvanzat ħafna. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qed tagħmel kull ma tista' biex l-iskola titlesta sa Ottubru tas-sena d-dieħla.
Jista’ il-Ministru jgħid x’attivitajiet saru fl-iskejjel tal-primarja, fis-snin kollha separatament għal Malta u Għawdex matul il-ħin ta’ l-iskola? Fiex kienu jikkonsistu dawn l-attivitajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Nissuġerixxi li l-Onor. Membru jerġa jgħaddi l-iskola primarja minn Kinder 1 sa Year 6 u jkun jaf.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema każwali fis-snin ta’ l-edukazzjoni primarja, sena b’sena separatament?
X’inhuma l-kwalifiki ta’ dawn l-għalliema każwali?
Jista’ jagħti l-informazzjoni separatament għal Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm ġew mogħtija laptops lill-għalliema tal-primarja sena b’sena, minn meta ġiet introdotta din is-sistema sal-lum?
X’użu għandhom dawn il-laptops għall-għalliema tal-primarja? Saret evalwazzjoni ta’ kif u kemm qed jintużaw?
X’maintenance issir ta’ dawn il-laptops u min hu responsabbli li jieħu ħsieb li ssir din il-maintenance?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' laptops mogħtija lill-għalliema fl-iskejjel primarji sena b'sena huwa hekk :
Sena Numru ta' Laptops
1996 173
1997 162
1998 166
1999 187
2000 209
2001 205
2002 28
L-Użu tal-Laptops u evalwazzjoni
Informat li l-għalliema kollha fl-iskejjel statali primarji (Year 1 – Year 6) huma fornuti b’laptop. F’dawn il-laptops hemm installat is-softwer kollu meħtieġ mill-għalliema biex jippreparaw il-lezzjonijiet tagħhom, inkluż is-softwer edukattiv kollu li jinsab fil-kompjuters tal-klassi kif ukoll il-Microsoft Office.
L-għalliema jużaw il-laptops id-dar biex ikollhom l-opportunita’ li:
· Joħolqu t-teaching aids meħtieġa għal-lezzjonijiet ippreparati;
· Jiffamiljarizzaw rwieħhom mas-softwer li jinsab fil-kompjuters tal-klassijiet;
· Joħolqu preżentazzjonijiet permezz tal-Microsoft PowerPoint li jkunu jistgħu jintużaw fil-klassi waqt sessjonijiet plenarji;
· Joħolqu attivitajiet interattivi (on-screen activities) skond is-sillabu u adattati għall-abilta’ tat-tfal tal-klassi;
· Jużaw il-Microsoft Office biex jorganizzaw l-iSchemes of Work, il-pjanijiet ta’ lezzjonijiet u materjal edukattiv ieħor.
L-għalliema jużaw il-laptops fil-klassi biex ikunu jistgħu isiru dawn l-attivitajiet:
· Jispjegaw ċerti lezzjonijiet permezz ta’ preżentazzjonijiet maħluqin bl-MS PowerPoint u softwer ieħor. Dawn il-preżentazzjonijiet huma meħtieġa waqt lezzjonijiet b’attivitajiet li jonvolu lill-klassi kollha (whole-class approach);
· Juru grafika u materjal multimedjali fuq l-iscreen il-kbir tal-klassi waqt diskussjonijiet u attivitajiet whole-class;
· Jispjegaw lill-klassi kollha kif jinħadem is-softwer qabel ma t-tfal jaħdmu fuqu fi gruppi fuq il-kompjuters tal-klassi;
· Jużaw il-printer tal-klassi permezz tan-network ħalli jistampaw materjal minn fuq il-laptop;
· Jużaw in-network biex jaċċessaw xogħol it-tfal li jkun miżmum fil-kompjuters tal-klassi, u biex tittrasferixxu ammont ta’ files mill-laptop għall-kompjuters tal-klassi ħalli t-tfal ikunu jistgħu jaħdmu bihom;
· Jużaw in-network biex ikunu jistgħu jaċċessaw l-Internet u jniżżlu files fuq il-laptop, u l-Intranet ta’ l-iskola biex ikunu jistgħu jaqsmu materjal edukattiv mal-membri l-oħra ta’ l-istaff.
L-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, wettaq stħarriġ estensiv dwar l-użu tal-kompjuters fl-iskejjel, ir-riżultat ta’ dan l-isħarriġ għadu ma ġiex ippubblikat. Sar stħarriġ kwalitattiv minn għalliem li qed jistudja l-ICT fl-Edukazzjoni f’livell ta’ M.Ed. li wera li l-laptops għenu ħafna biex l-għalliema li ġew intervistati ffamiljarizzaw ruħhom ma’ l-użu tal-kompjuters. Numru ta’ għalliema peripatetic jagħmlu żjajjar fl-iskejjel b’mod regolari u jagħtu pariri dwar kif l-għalliema jistgħu jagħmlu l-aħjar użu tar-riżorsi ta’ l-ICT li għandhom.
Manteniment
Informat ukoll li l-manteniment ta’ dawn il-laptops huwa r-responsabbilta’ tad-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Dan id-dipartiment bħalissa għandu kuntratt mal-Malta Information Technology and Training Services Ltd. (MITTS Ltd.) li jkopri x-xogħol ta’ manteniment u ta’ tiswija tal-laptops u apparat ieħor.
Jista' l-Ministru jagħti r-riżultati li setgħu ħarġu mill-questionnaireta' l-istudenti li ġew jistudjaw l-Ingliż bejn Jannar u Diċembru ta' l-2003 li kien ingħata lill-kapijiet ta' l-iskejjel ta' l-Ingliż, maqsuma skond it-tabella mibgħuta separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif għadu ma wasalx tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Skejjel — Studenti jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw permess f'dan l-ewwel term tas-sena skolastika biex tfal jitilqu mill-iskola qabel ma jkunu għalqu 16-il sena? Kemm kienu subien u kemm kienu bniet? X'kienu r-raġunijiet prinċipali li għalihom ingħataw il-permess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-raġunijiet prinċipali li għalihom ingħataw il-permessi kienu għal xogħol u għal raġunijiet umanitarji. In-numru ta' permessi li ngħataw fl-ewwel term tas-sena skolastika (mill-15 ta' Settembru 2004 sal-10 ta' Diċembru 2004) lil studenti biex jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu 16-il sena kien hekk :
Studenti taħt is-16 Spiċċaw il-Kors Ma spiċċawx il- Totali
-il sena li ġew eżentati Skolastiku Kors Skolastiku
Subien 6 15 21
Bniet 13 5 18
Totali 19 20 39
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li huma co-educational fil-livell sekondarju? Liema huma? Kemm hemm studenti subien u bniet f'kull skola? X'inhi l-politika tal-gvern dwar skejjel li jgħallmu subien u bniet fl-istess klassi? Il-gvern qatt kellu ħsieb li jagħmel l-iskejjel tiegħu b'din is-sistema?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta ftit taż-żmien ilu twaqqfu seba' empowerment centres ma' dak ta' Birkirkara, fiż-Żejtun ma twaqqafx ċentru simili meta d-dipartiment jaf li l-kunsill lokali, flimkien ma' grupp ta' żgħażagħ, ħadmu ħafna f'dan il-qasam? Xi kriterji ntużaw biex ġew magħżula dawn il-postijiet? Jista' jagħti din l-informazzjoni separatament għal kull post?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru din hi inizjattiva ġdida li nixtiequ nifirxu f'ħafna postijiet skond il-possibilitajiet finanzjarji li jkollna.