Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #26433 Sitting 554 2001-06-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Student

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna se jingħata l-istudent li d-dettalji qed jintbagħtu separatament u jattendi t-tieni sena ta' l-iskola primarja Dun Frans Camilleri, Ħamrun peress li għandu diffikultajiet kbar biex jikteb u jaqra u dan ifisser li se jaqa' lura fl-edukazzjoni tiegħu u jkun diffiċli li jirpilja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudent imsemmi ilu mill-bidu tas-sena skolastika jingħata għajnuna billi jattendi għall-Comlementary Education. Jekk ikun hemm qbil min-naħa tal-ġenituri, t-tifel jista' jirrepeti t-tieni klassi. Hu maħsub li fis-sena skolastika li jmiss l-istudent jibqa' jingħata għajnuna komplementari biex ikun jista' jakkwista u jissaħħaħ fil-ħiliet bażiċi; tal-qari u l-kitba.
Leg 9 PQ #26440 Sitting 554 2001-06-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universitajiet Barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-eżamijiet ta' Universitajiet barranin li mhumiex organizzati u/jew ssiru taħt l-Universita' ta' Malta? Min qed jorganizzhom? Ma ssir l-ebda superviżjoni mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u/jew mill-Universita' ta' Malta? Dawn l-eżamijiet huma kollha rikkonoxxuti f'Malti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull Universita` hi responsabbli għat-tmexxija u superviżjoni ta' l-eżamijiet tagħha. Rikonoxximent ta' distinzjonijiet akkademiċi mogħtija minn Universitajiet barranin jingħata mill-Universita` ta' Malta fuq talba ta' min ikun interessat wara li l-Universita` tifli l-programm li jwassal għal tali distinzjoni u wara li jkun assigurat li jkun hemm komparabilta` ma' distinzjoni simili mogħtija mill-Universita` ta' Malta. Informat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet joffri s-servizzi tiegħu għall-organizzazzjoni ta' għadd ta' eżamijiet ta' istituzzjonijiet jew universitajiet barranin kif ukoll tal-Malta Institute of Accountants. Listi għas-snin 1998, 1999 u 2000 meħudin mir-Rapporti Annwali tad-Dipartiment sabiex jagħtu ħjiel ta' dan is-servizz qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #26443 Sitting 554 2001-06-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26295?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tipjip huwa suġġett li jingħata attenzjoni fis-suġġetti tal-Kurrikulu bħalma huma l-Personal and Social Education (P.S.E), Bijoloġija, Studju Soċjali, Reliġjon u Home Economics. L-istudenti ta' 15-il sena jattendu Seminar ta' tlett ijiem bl-isem 'Irrid Nagħżel Tajjeb' li jsir Villa Rosa, San Ġiljan. F'dawn is-seminars isir emfasi fuq skills importanti bħalma huma Valuri, Kif nieħu deċiżjoni, Relazzjonijiet, eċċ li jgħinu fil-prevenzjoni minn droga alkoħol u tipjip. Il-laqgħat isiru fi gruppi żgħar u l-istudenti jingħataw il-faċilita` li jiddiskutu ma' għalliema professjonali. Fl-aħħar ġurnata tas-seminar l-istudenti jkunu jistgħu jitolbu l-għajnuna ta' tabib li jkun preżenti fis-Seminar. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni permezz tal-P.S.E. teachers taħdem id f'id ma' għaqdiet bħall-Caritas, Sedqa u Oasi biex fost l-istudenti jsir xogħol ta' prevenzjoni mis-sigaretti, alkoħol u droga. Din is-sena it-taqsima tal-Personal and Social Education beda studju pilota tal-P.S.E. f'numru ta' skejjel Primarji. Il-Prevenzjoni mis-sigaretti kien wieħed mis-suġġetti mgħallma.
Leg 9 PQ #26445 Sitting 554 2001-06-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Donazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'donazzjonijiet ingħataw minnu jew mis-Segretarju Parlamentari matul is-sena 2000 u sa Mejju 2001? Ta' kemm kienu jew x'kienu u lil min u meta ngħataw?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt illi m'hix il-policy li jingħataw donazzjonijiet, il-Ministeru jgħin inizjattivi partikolari u anke proġetti li għalihom ikunu ippreżentati budgets minn qabel u li wara jintalbu wkoll l-irċevuti. Lista ta' din l-għajnuna qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #25565 Sitting 553 2001-06-13 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Impjiegi Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mall-Ministeru w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-11 ta' Settembru 2000 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu l-applikazzjonjiet għal dawn l-imjiegi? Jekk jirrizulta li ġew impjegati mingħajr ma' ħarġu applikazjonijiet, jista' jgħid kemm dawn l-impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji intużaw biex jingħataw l-imsemmi impjieg? Jista' jgħid f'kull każ x'inhu s-salarju u x'inhuma l-kundizzjonijiet

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25569 dwar ħaddiema ġodda fis-Settur Pubbliku, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-impjegati ġodda fid-Dipartimenti u l-Entitajiet taħt id-dekasteru tiegħi.
Leg 9 PQ #26372 Sitting 553 2001-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Santa Venera - Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa wara li rċieva petizzjoni minn ġenituri ta' l-iskola primarja Dun Xand Cortis ta' Sta Venera biex ikun hemm iżjed sigurta' dwar dħul fl-iskola biex ma jkunx hemm theddid u vjolenza?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li biex ikun hemm iżjed sigurta` dwar dħul fl-iskola, ittieħdu dawn il-miżuri: * Il-ġenituri m'humiex jitħallew jidħlu fil-klassijiet biex jiġbru lil uliedhom. * Il-ħruġ tat-tfal qiegħed isir min naħa differenti ta' l-iskola, biex b'hekk ikun hemm sorveljanza aħjar. * Il-Kap ta' l-iskola tkun preżenti waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal. * Aċċess għal ġo l-iskola mit-terran ser jiġi magħluq. * L-iskola ser tkun armata b'CCTV.
Leg 9 PQ #26373 Sitting 553 2001-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Birzebbuga - Skejjel Primarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni wara ittra li rċeviet bid-data tad-9 ta' Marzu 2001 mill-kunsilli skolastiċi skejjel primarji A u B ta' Birżebbuġa dwar dawk li ssejħu "rregolaritajiet" fit-tmexxija tal-finanzi mill-presidenta tal-kunsill skolastiku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni żammet numru ta' laqgħat mal-partijiet konċernati biex tagħmel l-istħarriġ tagħha.
Leg 9 PQ #26390 Sitting 553 2001-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Marsa - Skola Sekondarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sens jagħmel li l-ġenituri jintalbu jiffirmaw dikjarazzjoni - kopja tagħha qed tintbagħat separatament - li wliedhom jintbagħtu d-dar mill-iskola FX Attard, sekondarja subien, tal-Marsa minħabba t-tinġiż mill-power station? Hemm awtorizzazzjoni mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għal deċiżjoni bħal din?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta t-tfal jesprimu x-xewqa li jmorru d-dar waqt il-ħin ta' l-iskola l-ġenituri jiġu mgħarrfa b'din ix-xewqa. M'hemm bżonn ta' ebda awtorizzazzjoni mid-Diviżjoni f'dan il-każ. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jidhrilha li l-Kap ta' l-Iskola uża d-diskrezzjoni maniġerjali tiegħu f'ċirkostanzi insoliti ta' ġranet sporadiċi fejn id-duħħan tal-Power Station dejjaq numru ta' tfal. Ma hux il-każ li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni trid tati l-awtorizzazzjoni tagħha sabiex il-kap ta' skola jaġixxi f'ċirkostanzi partikolari.
Leg 9 PQ #26325 Sitting 552 2001-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma' min saru konsultazzjonijiet dwar it-twaqqif tal-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi? Meta saru dawn il-konsultazzjonijiet? X'kienu r-riżultati ta' dawn il-konsultazzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-ħtieġa għat-twaqqif tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi irriżultat fil-Kors ta' diskussjonijiet u ħidma dwar it-twettiq ta' programmi speċjali għal dawk it-tfal i jiltaqgħu ma' diffikulta` fit-tagħlim. F'Ottubru li għadda (2000) suppost kellu jibda jitwettaq dan il-programm mill-Istitut għall-Appoġġ tat-Tfal u l-Ġenituri. Sfortunatament inqalgħu diffikultajiet. Wara diskussjoni ma' diversi uffiċċjali fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni irriżultat il-ħtieġa ta' organizzazzjoni ġdida biex tkun ta' appoġġ u kumplimentari għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fl-għoti tas-servizzi edukattivi meħtieġa.
Leg 9 PQ #26332 Sitting 552 2001-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sec/Matsec — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-bord tal-Matsec se jneħħi s-sessjoni supplimentari ta' l-eżamijiet Sec u Matsec ta' Settembru?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li s-Senat u l-MATSEC Board huma ta' dan il-parir, il-materja baqgħet ma ġietx implimentata u għaldaqstant f'dan l-istadju niċħad li ser titneħħa s-sessjoni supplimentari ta' Settembru. Kull kwestjoni konnessa ma' dan is-suġġett jeħtieġ tiġi mgħarbla bir-reqqa biex id-deċiżjoni dejjem tkun dik fl-aqwa interess ta' l-istudenti u l-kwalita` ta' l-edukazzjoni.
Leg 9 PQ #26333 Sitting 552 2001-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — EU

Question

Jikkunsidra l-Ministru li jieħu l-passi meħtieġa biex matul is-sena d-dieħla, meta mistennija tingrana l-kampanja dwar l-għażla tar-rabtiet ma' l-Unjoni Ewropea li għandhom jagħmlu l-Maltin u l-Għawdxin, u allura l-klima politika tisħon, għallinqas tinżamm barra l-kwestjoni ta' l-EU mill-iskejjel tagħna, tieqaf il-propaganda li għaddejja, biex jierġa' jkun hemm il-kunsens mixtieq fil-qasam edukattiv?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma nemminx li hemm raġuni vera għaliex ma jkomplix jissaħħaħ il-kunsens dwar l-edukazzjoni u jien nibqa' nagħmel il-parti tiegħi biex dan iseħħ. Filwaqt li bl-aktar mod kategoriku niċħad li fl-iskejjel kien hemm jew hemm xi pjan jew sistema ta' propoganda dwar il-kwestjoni ta' l-UE, ser inkompli bil-politika tiegħi li tassigura li l-iskejjel ma jkunux kamp ta' battalja partiġjana fuq xi kwestjoni kurrenti fil-pajjiż. Għaldaqstant nieħu l-passi kollha li hemm bżonn. Beħsiebni wkoll nassigura li studenti, għalliema u ġenituri jibqa' jkollhom l-informazzjoni meħtieġa dwar il-programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropeja biex tiġi assigurata l-aħjar parteċipazzjoni b'ġid għall-istudenti u dawk li jieħdu sehem.
Leg 9 PQ #25509 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

School Girl Mothers Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa in-numru ta' tfajliet ta' l-iskola li mhux jattendu bħalissa għax huma tqal u kemm hemm oħrajn li qed jattendu l-ischool girl mothers unit?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li 19-il tfajla m'humiex jattendu skola matul din is-sena skolastika minħabba tqala. Minn dawn 6 għadhom kif welldu. Bħalissa, (Mejju 2001) 35 tfajla qegħdin jattendu l-programm tat-tfajliet tqal fil-Unit. L-eta` ta' dawn hi minn 18-il sena l-isfel. 15-il tfajla oħra li diġa` huma ommijiet, jattendu s-support group ta' darba fil-ġimgħa. 40 tfajla oħra jattendu l-Unit għall-Counselling peress li komplew bl-iskola jew bix-xogħol.
Leg 9 PQ #26320 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jtemmu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom f'Ġunju 2001: (1) fil-junior lyceum tal-bniet; (2) fil-junior lyceum tas-subien; (3) fl-area secondary tal-bniet; (4) fl-area secondary tas-subien; (5) fl-ex-opportunity centres tal-bniet; (6) fl-ex-opportunity centres tas-subien?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' Studenti fl-aħħar sena tal-livell sekondarju hu kif ġej: Subien Bniet Total Ex-Opportunity Centres 137 73 210 Junior Lyceums 625 1166 1791 Skejjel Sekondarji 497 721 1218 Total 1122 1887 3009
Leg 9 PQ #26321 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jtemmu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom f'Ġunju 2001; (1) fl-iskejjel ta' l-Istat tas-subien; (2) fl-iskejjel ta' l-Istat tal-bniet; (3) fl-iskejjel tal-knisja tas-subien; (4) fl-iskejjel tal-knisja tal-bniet; (5) fl-iskejjel privati tas-subien; u (6) fl-iskejjel privati tal-bniet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' Studenti li sa jispiċċaw l-edukazzjoni sekondarja tagħhom f'Ġunju ta' din is-sena huwa hekk: Subien Bniet Total Skejjel tal-Knisja 735 589 1324 Skejjel Indipendenti 197 96 293
Leg 9 PQ #26322 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Nazzjonali għall-Kwalifiki Vokazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol għamel s'issa l-kunsill nazzjonali għall-kwalifiki vokazzjonali? F'liema oqsma stabilixxa dawn il-kwalifiki? X'inhu s-sehem tas-settur privat? Min huma l-assessuri li se jevalwaw lill-ħaddiema u l-impjegati biex jinħarġulhom dawn il-kwalifiki? Kemm persuni ġew assenjati s'issa u kemm kwalifiki nħarġu s'issa u f'liema livell?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Kunsill Malti għal Kwalifiki Professjonali u Vokazzjonali qiegħed jaħdem biex iwaqqaf Bordijiet għall-Iżvilupp ta' Livelli Professjonali u Vokazzjonali f'oqsma differenti. Kull bord huwa magħmul minn ħames rappreżentanti li flimkien qegħdin jaħdmu biex jiżviluppaw il-kompetenzi li għalihom huma responsabbli. L-individwi li ġew magħżula mill-Kunsill biex iservu fuq dawn il-Bordijiet ġejjin kemm mill-qasam ta' l-Edukazzjoni u mis-settur privat. Sa issa l-kunsill waqqaf għaxar Bordijiet fl-oqsma ta' Banking, Marketing, Accounting, Office Management, Insurance, Informatika, Industrial Electronics, Telecommunications, Food and Beverage u Room Service. Dawn il-bordijiet bdew jiltaqgħu u jaħdmu biex jistabbilixxu l-kompetenzi u l-kwalifiki. Bħalissa, il-kunsill qiegħed jaħdem biex iwaqqaf ħames bordijiet oħra fil-Qasam tal-Bini u Kostruzzjoni. L-assessuri ta' dawn il-kwalifiki sejrin isiru minn Bordijiet li se jitwaqqfu apposta mill-Kunsill aktar tard. Jeħtieġ iżda, li l-ewwel il-bordijiet li qegħdin jaħdmu fuq il-kwalifiki ilestu x-xogħol fdat lilhom. Il-kwalifiċi għadhom ma ġewx stabbiliti, u għad ma kien hemm ebda persuna li ġiet assessjata. Is-sistemi li huma diġa' stabbiliti fl-Ewropa ħadu s-snin biex ġew stabbiliti imma ma jistgħux japplikaw eżattament għal Malta f'kull qasam. Fil-fatt il-Kunsill qed jaħdem biex jinseġ format għal dawn il-kwalifiki nazzjonali. Dan il-format huwa bbażat fuq stil Ewropew iżda ġie addattat għal Malta. Il-proġett għat-twaqqif ta' Kwalifiki Vokazzjonali huwa wieħed kbir u għalhekk jieħu ċertu żmien. Madankollu l-persuni li qed iservu fuq il-bordijiet għall-Iżvilupp ta' Livelli Professjoniali u Vokazzjonali huma esperti fil-qasam tagħhom. Il-Kunsill qiegħed jafda fil-professjonalita` ta' dawn l-individwi - wara li dawn ġew magħżula bir-reqqa. La kwalifiki bħal dawn qatt ma ġew imwaqqfa għal Malta, hemm bżonn li kull pass li qiegħed jittieħed jiġi meqjus sewwa; il-kummentti u s-suġġerimenti ta' min qiegħed jaħdem fil-qrib fuq dawn il-kwalifiki qegħdin jittieħdu bis-serjeta`. Huwa għalhekk ukoll li l-Kunsill jaħseb biex ilaqqa' lil kull min qed jaħdem fuq dawn il-kwalifiki regolarment, biex tinħoloq diskussjoni u jitgħallmu mill-esperjenza ta' xulxin. Fuq kollox l-għan tal-Kunsill bħalissa huwa li jfassal fis-sod sistema għal-Kwalifiki Vokazzjonali għal Malta.
Leg 9 PQ #26323 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol għal ftuħ tal-kulleġġ ta' l-arti, xjenza u teknoloġija? Liema ħatriet saru s'issa? Min inħatar? Liema istituti se jiftħu f'Ottubru 2001? Min se jgħallem fihom? Meta se jiġu reklutati? X'sillabu se jgħallmu? Min qed ifassal dawn is-sillabi? Kemm studenti se jiddaħlu f'kull istitut u b'liema kwalifiki?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed isiru l-preparamenti meħtieġa biex f'Ottubru li ġej sitt Istituti jibdew il-ħidma tagħhom fi ħdan il-Kulleġġ, l-MCAST. L-Istituti huma: L-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika L-Istitut ta' l-Iniġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni L-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u Kommunikazzjoni L-Istitut tan-Negozju u Kummerċ L-Istitut ta' l-Arti u Disinn L-Istitut Marittimu Bħalissa qed jiġi finalizzat il-proċess tal-ħatra tal-kapijiet ta' dawn l-Istituti. Sejħa għal applikazzjonijiet għall-għalliema ser tiġi pubblikata fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla. In-numru ta' studenti jkun magħruf wara li jiftħu l-applikazzjonijiet relattivi. Fi żmien qasir ser jiġi pubblikat il-Prospektus.
Leg 9 PQ #26324 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Sigurta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti qed jittieħdu biex tiżdied is-sigurta' fl-iskejjel biex ma jkunx hemm persuni li jidħlu b'faċilita' fl-iskejjel u jgħeddu u jsawtu min jaħdem jew lil min ikun qed iżur l-iskejjel, bħall-inċidenti li kellna dan l-aħħar meta ssawwtu kap, segretarja u omm f'żewġ skejjel differenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Kull skola qed tieħu u tibqa' tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li l-aċċess għall-iskola jkun kontrollat. Għandu jingħad ukoll li f'kull każ, il-persuni li daħlu u aggredew lil xi ħadd fl-iskejjel ġew mill-ewwel arrestati, mressqa quddiem il-Qorti u kundannati. Is-suġġett ta' sigurta` fl-iskejjel jibqa' dejjem suġġett taħt konsiderazzjoni ta' l-awtoritajiet edukattivi.
Leg 9 PQ #25546 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pubblikazjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm-il pubblikazjoni ġiet maħruġa mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 1999, 2000 u 2001? Jista' jgħid separatament f'kull każ x'kienet ir-raġuni tal-pubblikazzjoni, liema kienet u kemm-il kopja ġiet stampata? Jista' jgħid f'kull każ min stampa u għamel l-artwork u colour sepations? Jista' jgħid separatament f'kull każ kemm sar ħlas għall-istampar, artwork, colour separations, posta, distribuzzjoni etc?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #26247 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Photocopy machines/scanners

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi statistika għall-perijodu 1995-2000 dwar; l-ammont ta' photocopy machines jew scanners li ntużaw mit-taqsimiet edukattivi li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? Kemm minnhom kienu mikrija/ leased jew mixtrija mid-dipartiment konċernati? Kemm sar użu minnhom f'dan il-perijodu? Kemm inxtraw photocopy paper A4/A3 permezz ta' xiri mingħand l-aġenti u /jew li ġew ipprovduti mill-government supply stores?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru japprezza x-xogħol meħtieġ biex tinġabar din l-informazzjoni. B'danakollu se nipprovaw niġbru l-informazzjoni mitluba u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #26272 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Taqsima SpLD

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex it-taqsima SpLD tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni tissaħħaħ biex ikollha r-riżorsi umani u faċilitajiet meħtieġa biex tilħaq iżjed studenti li huma dyslexic u bħalissa qed jintilfu u jaqgħu lura fl-iskejjel bi ħsara kbira għall-futur tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Pass konkret kien is-sejħa għall-applikazzjonijiet minn għalliema li jixtiequ jaħdmu f'din il-Unit. Din is-sejħa kellha tweġiba minn għalliema nteressati.