Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tarxien — Problemi bix-xita

Question

Jista' l-Ministru jara li struzzjonijiet li tajt lid-dipartiment tat-toroq biex isir xi xogħol fil-post li, il-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija u li jien kont staqsejt fuqu fil-mistoqsija parlamentari numru 13853, wara li indagajt fuq it-tweġiba li ġejt mogħti mill-ministru, jidher li l-kunsill lokali m'hu qiegħed jagħmel xejn dwar dan il-każ, għaldaqstant jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa minħabba l-urġenza tal-każ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq u l-Kunsill Lokali qegħdin jiddiskutu l-problema msemmija. Ix-xogħol bħalissa wieqaf sakemm isir xi xogħol ieħor mill-Korporazzjoni ta` l-Ilma, u għalhekk wieħed jispera li tinstab soluzzjoni għall-problema li semma l-Onor. Interpellant.

Minibuses/buses

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-implimentazzjoni tal-liberalizzazzjoni fil-qasam tal-minibuses u buses privati (turisti u bżonnijiet lokali)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari Nru. 11727.

Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-iżvilupp tas-servizz pubbliku f'pajjiżna? Xi pjani hemm biex is-servizz jitjieb u x'inhuwa t-timeframe li dan għandu jsir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għat-trasport pubbliku, jien infurmat li bħalissa għaddejjin taħdidiet bejn il-partijiet kollha konċernati biex is-servizz tat-trasport pubbliku jiġi mtejjeb fl-aħjar interess tal-konsumatur u l-operaturi.

Dipartiment tat-Trasport — Servizz lokali

Question

Peress li jidher li numru ta' kunsilli lokali qed juru interess li jagħmlu servizz lokali sabiex itejbu t-trasport fil-lokal u bejn lokalitajiet, x'qed ikun ir-rwol tad-dipartiment tat-trasport?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dan it-tip ta` servizz diġa` jiżisti fin-Naxxar. Biex wieħed jopera servizz bħal dan, il-Kunsill konċernat irid fuq konsultazzjoni ma` l-Awtorita` jgħid x`tip ta` servizz irid jagħti, u liema servizz jingħata wara `first right of refusal` jingħata lill-Assoċjazzjoni.

Vetturi — Number plate

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi jew vetturi oħra bil-mutur f'pajjiżna li fil-pjanċa tan-numri (number plate) għandhom bħala l-ewwel tlett ittri s-sekwenza ta' ittri li tinqara "SEX"? Jikkonferma l-Ministru li kien hemm ftehim taċitu meta nbiddlu l-pjanċi tan-numri li ċerti kumbinazzjonijiet ta' ittri m'għandhomx jintużaw, jekk jirriżulta li meta jinqraw iwasslu ċerti messaġġi? Min kien responsabbli li ħareġ, jew awtorizza l-ħruġ ta' tali pjanċi, jekk fil-fatt jeżistu fit-toroq tagħna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa hawn tnax-il vettura f`pajjiżna tan-numri (number plate) li għandhom bħala l-ewwel tlett ittri s-sekwenza ta` ittri li tinqara SEX. Jien infurmat li hija `policy` tad-Dipartiment tal-Liċenzji w Testijiet li ċerti kumbinazzjonijiet ta` ittri li jistgħu jiġu nterpretati ħażin ma jinħarġux. Għalkemm il-kumbinazzjoni ta` ittri SEX ma għandha l-ebda sinifikat offensiv (ara l-użu tagħha f`diversi formoli) id-Dipartiment waqqaf il-ħruġ ta` din il-kumbinazzjoni. Sfortunatament dawn il-pjanċi nħarġu waqt l-ewwel fażi tal-bdil ta` l-istess pjanċi, jiġifieri meta d-Dipartiment kien taħt pressjoni straordinarja ta` xogħol.

VRT — Dħul ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mis-sidien ta' vetturi f'tests tal-VRT u kemm naqsu l-inċidenti tat-traffiku b'konsegwenza ta' karozzi li tneħħew miċ-ċirkolazzjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet ma jżommx statistika ta` kemm jitħallsu flus mis-sidien ta` vetturi għall-`Vehicle Roadworthiness Test`. Rigward statistika ta` kemm naqsu l-inċidenti tat-traffiku nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Zurrieq — Posta

Question

Jista' l-Ministru jara x'passi għandhom jittieħdu sabiex il-posta (fergħa Żurrieq) tkun aċċessibbli minn nies anqas ixxurtjati (persuni b'diżabilita')?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dalwaqt jibda programm ta` `refurbishment` fil-fergħat tal-Maltapost fejn hemm bżonn li dan isir. Fejn ikun possibbli, hu ttamat li jsiru arranġamenti għal aċċess għal persuni b`diżabilita`.

Dipartiment tal-Liċenzji — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-Dipartiment tal-Liċenzji mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjieġi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma ġewx impjegati ġodda fid-Dipartiment tal-Liċenzji fil-perjodu msemmi mill-Onor. Interpellant.

Karozzi tal-Linja — Biljetti

Question

Issa li għaddew sitt (6) xhur mindu daħlu fis-seħħ il-prezzijiet ġodda tal-biljetti tal-karozzi tal-linja, jista' l-Ministru jgħid x'titjib sar fis-servizz li bbenefikaw minnu l-passiġġieri?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-trasport Pubbliku f`dawn l-aħħar sitt xhur żiedet l`enforcement` u anke l-kontroll fuq id-`despatching`. Barra minn hekk, wieħed jista` jgħid li minn naħa tagħha l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku, ukoll żiedet fis-sorveljanza fuq in-nies tagħha permezz ta` l-`Inspectors` tagħha. Dak kollu msemmi hawn fuq huwa kkomplimentat b`informazzjoni ta` ħinijiet ta` rotot li jinstabu f`diversi lokalitajiet fuq `notice boards` liema informazzjoni hemm il-ħsieb li tiġi estiża f`aktar lokalitajiet ma` Malta u Għawdex. Fuq talbiet tal-Kunsilli Lokali, n-numru ta` laqgħat triangulari bejn l-Awtorita`, l-Assoċjazzjoni u Kunsilli Lokali żdiedu konsiderevolment għall-għan li dejjem jitjieb is-servizz tat-trasport pubbliku.

Karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' karozzi tal-linja li bħalissa huma liċenzjati biex joperaw f'Malta u f'Għawdex? Kemm kien hemm nies li wżaw is-servizz tal-karozzi tal-linja mill-1 ta' Settembru mindu għolew in-nollijiet? Kif jikkompara ma' l-istess żmien tas-sena li għaddiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija parlamentari numru 6197, jien infurmat li n-numru totali ta` nies li wżaw is-servizz tal-karozzi tal-linja mill-1 ta` Settembru 1999 sal-24 ta` Frar 2000 huwa 13,755,270 jew 77,713 passiġġier kuljum. Fl-istess perijodu fl-1998 sal-25 ta` Frar 1999 kien hemm 14,367,980 passiġġier jew 80,718 passiġġier kuljum, waqt li bejn l-1 ta` Settembru 1997 u t-23 ta` Frar 1998 kien hemm 14,953,710 passiġġier jew 84,964 passiġġier kuljum.

VRT test

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kulħadd iridx jagħmel il-VRT test jew dawk li jibagħtu għalihom l-awtoritajiet? Kemm saru testijiet tal-VRT mindu din ġiet introdotta? Kemm kien hemm li għamluh u l-vettura tagħhom m'għaddietx dan it-test?

Response (GALEA, ĊENSU)

Dawk is-sidien li l-vetturi tagħhom imisshom jagħmlu il-`Vehicle Roadworthiness Test` qed jiġu nfurmati b`dan mid-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet. Minn mindu ġie introdott il-`Vehicle Roadworthiness Test` sal-31 ta` Jannar 2000 kien hemm 26,531 vettura li għamlu il-`Vehicle Roadworthiness Test`. Fl-istess perjodu weħlu 4,230 vetturi.

Traffic Control Board — Zabbar

Question

Possibbli li t-Traffic Control Board jara għaliex tneħħew id-double yellow lines minn Sqaq San Ġużepp, Zabbar? Jista' l-Ministru jinnota li konsegwenza ta' dan persuna li hija nieqsa għal kollox mid-dawl saret ma tistax tgħaddi minn dan l-isqaq biex tmur il-quddies?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku m`għandu l-ebda rekord li approva biex isiru jew jitneħħew `double yellow lines` ġo Sqaq San Guzepp, Ħaż Żabbar.

Dipartiment tal-Liċenzji — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Liċenzji? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mis-16 ta` Settembru 1999 sal-4 ta` Jannar 2000 ġew trasferiti żewġ impjegati fid-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet għal Dipartimenti oħra minħabba fl-esiġenzi tas-servizz.

Swieqi — Swieqi Rd - Upgrading

Question

Jista' l-Ministru jgħid min għandu r-responsabbilta' għal upgrading ta' Swieqi Road, Swieqi, jekk hux il-kunsill lokali jew il-gvern ċentrali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol ta` `upgrading` fi Swieqi Road qed isir mill-Kunsill Lokali u d-Dipartiment tat-Toroq fuq pjanti li qed jiġu ppreparati mid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet u d-Dipartiment tat-Toroq.

Dipartiment tat-Toroq — Laboratorju

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx il-ħsieb li jintrama laboratorju għat-taħriġ mid-dipartiment tat-toroq? Jekk fl-affermattiv, fejn se jsir dan il-laboratorju u kemm hu stmat li se jqum flus?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jaħdem flimkien mal-Malta Standardisation Authority sabiex jitwaqqaf laboratorju fejn ikunu jistgħu jsiru testijiet għax-xogħol fit-toroq. Diġa` ħarġet sejħa għall-offerti għal biex jinxtara apparat li s`issa għad ma kienx hemm bħalu għand il-Gvern biex dan il-proġett jibda jitwettaq.

Pembroke — Misraħ il-Fortizza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu minn Settembru 1999 'l hawn biex issir it-triq u dak kollu meħtieġ f'Misraħ il-Fortizza f'Pembroke?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kien hemm kuntatti bejn il-Kunsill Lokali, il-Maltacom u d-Dipartiment tat-Toroq dwar ix-xogħol ta` asfalt u ċaqliq ta` `cables` li hemm bżonn isiru fiż-żona. Jien infurmat ukoll li ser tiġi ppubblikata sejħa għal offerti għal biex dan ix-xogħol ikun jista` jitwettaq wara li d-diffikultajiet li kien fadal ġew solvuti.

Naxxar — Pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux mistenni li jitwaħħlu traffic/pelican lights fil-pjazza tan-Naxxar? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa issa m`hemmx ħsieb li jitwaħħlu `pelican lights` fil-post issuġġerit mill-Onor. Interpellant. L-installazzjonijiet ta` `pelican lights` għandhom isiru skond il-bżonnijiet u l-prijoritajiet li hemm fit-toroq u l-lokalitajiet kollha tal-pajjiż.

Naxxar — Triq San Pawl - Pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux mistenni li jitwaħħlu traffic jew pelican lights fi Triq San Pawl, Naxxar, kantuniera ma' Triq Markiż Scicluna, Naxxar? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari Nru. 14123.

VRT — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'jiġri issa li ddaħħlet il-VRT meta persuna li jkollha bżonn tagħmel xi tiswijiet ta' vettura tagħha biex tkun konformi mal-liġi, jkollna tistenna biex tagħmel dan minħabba li l-aġent ma jkollux l-ispare parts għal vettura partikolari? Min se jkun responsabbli għal dan id-difett fil-vettura?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 13734.