Reġistru Pubbliku — Maltin li żżewwġu persuni ta' nazzjonalita' barranija
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm Maltin li matul dawn l-aħħar sentejn iżżewwġu barranin u x'nazzjonalita' kellhom dawn il-barranin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` żwiġijiet ta` Maltin ma` persuni ta` nazzjonalita` barranija fis-snin 2001 u 2002 kienu kif ġej:-
Sena f`Malta ` f`Għawdex
2001 291 16
2002 337 20
Il-barranin kienu ġejjin mill-pajjiżi kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu immigranti klandestini din is-sena f'pajjiżna? Kemm hawn miżmuma llum? Kemm ħarbu u kemm qed jiswew lill-pulizija biex jinżammu kull wieħed, kull jum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena waslu Malta 350 immigrant illegali. 148 oħra ġew ripatrijati mill-Italja u dawn kollha intbagħtu lura f`pajjiżhom.
F`detenzjoni hemm 549 persuna. In-numru totali ta` persuni li mill-2002 kienu f`detenzjoni fid-diversi Ċentri jaqbeż l-2000 ruh. Hemm 39 klandestin li baqgħu ma nstabux wara li ħarbu.
Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid fi Tweġibiet preċedenti dwar is-suġġett, ma jinżammux kontijiet separati tan-nefqa għal immigranti illegali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru kollużjonijiet din is-sena? Kemm mietu jew weġġgħu persuni f'dawn l-inċidenti? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu tfal? Kemm kienu barranin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u t-30 ta` Settembru 2003, in-numru ta` inċidenti tat-traffiku irrapurtati lill-Pulizija kien ta` 10,474. B`riżultat ta` dawn l-inċidenti 14 il-persuna, fosthom 4 nisa, tilfu ħajjithom. Kien hemm ukoll 701 persuna li sofrew feriti, li minnhom 334 kienu nisa u 60 kienu tfal ta` taħt is-16-il sena.
Xi dritt għandhom il-persuni li qed jagħtu fastidju lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li jagħmlu tagħhom post fil-Bisqra, limiti tal-Mellieħa, jgħidu li hu tagħhom u ma jridu lil ħadd jersaq lejn dawk l-inħawi?
B'riferenza għall-intervista tal-Ministru li dehret fuq il-ġurnal Malta Today tal-Ħadd 2 ta' Novembru, 2003, jista' il-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jgħaddi l-emendi maħsuba għad-Dangerous Drugs Ordinance, lill-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Soċjali tal-Parlament qabel jiġu diskussi fl-istadju plenarju? Ma jaħsibx li in vista tan-nuqqas ta' qbil li kien hemm meta kienu ġew introdotti emendi għal din l-Ordinanza fil-leġislatura l-oħra u b'turija ta' rispett lejn l-Oppożizzjoni li dak iż-żmien kienet talbet hekk, l-emendi l-ġodda maħsuba għandhom tabilħaqq jiġu mixtarra mill-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Soċjali?
Response (BORG, TONIO)
L-aħħar darba li ġiet emendata l-Ordinanza, l-Oppożizzjoni kienet oġġezzjonat li titneħħa l-priġunerija bilfors fil-każ ta` pussess ta` droga għal użu personali fil-mument tal-importazzjoni, tant li ivvotat kontra b`"division" fit-Tieni Qari - mhux għaliex l-emenda ma ġietx diskussa fil-Kumitat referut mill-Onor. Interpellant iżda għal eżiġenzi politiċi.
Minn dakinhar jidher li kelliema ta` l-Oppożizzjoni bidlu fehmiethom dwar tali oppożizzjoni; jekk u meta jsiru l-emendi, wara diskussjoni ma` Kumitat ġa eżistenti li fih jipparteċipaw l-għaqdiet volontarji u l-Pulizija, isir proċess ta` konsultazzjoni.
Għalkemm m`hemm ebda obbligu li tali emendi jintbagħtu lill-Kumitat referut mill-Onor. Interpellant, tittieħed deċiżjoni meta l-emendi jkunu lesti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Settembru 2003? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Settembru 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Settembru 2003 kien hemm 516 persuna misjuba ħatja ta` reati kriminali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serq matul Settembru 2003? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Settembru 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Settembru 2003 il-każi ta` serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 46 każ ta` serq.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Ottubru 2003? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Ottubru 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Ottubru 2003 kien hemm 361 persuna misjuba ħatja ta` reati kriminali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serq matul Ottubru 2003? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Ottubru 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Ottubru 2003 il-każi ta` serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 44 każ ta` serq.
Jista' il-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' kemm intnefqu flus f'overtime lill-membri tal-korp tal-pulizija fis-snin 1998, 1999, 2000, 2001, 2002 u sa l-aħħar ta' Ottubru 2003, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta` overtime li tħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija mill-1998 sa Ottubru 2003, huwa kif jidher hawn taħt:
Sena Ammont imħallas
1998 Lm276,954
1999 Lm246,586
2000 Lm259,791
2001 Lm441,157
2002 Lm323,860
2003 Lm369,691
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru annullamenti, kemm ta' l-istat u kemm tal-Knisja fl-aħħar sentejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-aħħar sentejn kien hemm 140 annullament ta` l-Istat f`Malta u 4 f`Għawdex.
Ninsab infurmat ukoll illi t-tagħrif dwar kemm kien hemm annullamenti tal-Knisja mhux disponibbli.
Reġistru Pubbliku — Twelid ta' trabi barra miż-żwieġ
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm twieldu tfal mhux fiż-żwieġ fl-aħħar sentejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fir-Reġistru Pubbliku ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Din l-informazzjoni toħroġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi. Madankollu dawn infurmawni li fl-2001 u fl-2002 in-numru ta` twelid barra ż-żwieġ kien ta` 499 u 569 rispettivament.
Jista' il-Ministru jgħid mit-twaqqif tat-tribunali lokali: 1) kemm kien hemm seduti tat-tribunal lokali f'Għawdex; 2) kemm kien hemm każijiet f'kull seduta; 3) kemm kienu dawk li kkontestaw l-akkuża f'kull seduta; 4) kemm kien hemm liberati; 5) kemm kien hemm multi mħallsa minn qabel; 6) kemm kien hemm li ġew kundannati u li wara nstabu li kienu tħallsu; 7) kemm kien hemm irċevuti manwali; 8) ir-raġuni li nħarġu r-riċevuti manwali meta s-sistema hija waħda state of the art; u 9) hemmx statistika ta' gwardjani lokali li jitħarrku għas-seduta iżda ma jixhdux għax l-imputat ma jidhirx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk dettaljat kif mitlub mill-Onor. Interpellant. Biex jinġabar dan it-tagħrif jinħtieġ ħafna żmien u riżorsi u ma jidhirlix li l-użu ta` dan il-ħin u riżorsi biex jinġabar dan it-tagħrif hu ġustifikat.
Fleur-de-Lys — Kumitat tal-Hamlet - minuti tal-laqgħa
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-minuti tal-laqgħa tat-18 ta' Diċembru, 2002 tal-Kumitat tal-Hamlet ta' Fleur-de-Lys fil-kunsill lokali ta' Birkirkara għadhom mhux iffirmati kif titlob il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Dipartiment tal-kunsilli lokali — Ittri mibgħuta mill-kunsillieri tal-Floriana
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-dipartiment tal-kunsilli lokali għadu ma weġibx l-ittri li bagħtu l-kunsillieri Mary Dimech u John Mary Brincat (tal-kunsilli lokali tal-Floriana) rigward quotations ta' bozoz u materjal ieħor? Jaf li ntbagħtu diġa' tliet ittri li baqgħu mhux imwieġba u li l-ewwel ittra ntbagħtet fit-28 ta' Jannar, 2003? Jaf li l-kunsill qed jistenna d-deċiżjoni tad-dipartiment u li l-proġett partikolari jinsab wieqaf?
Response (BORG, TONIO)
Jiena nfurmat li fil-fatt id-Dipartiment għadu kemm irrisponda l-ittra tal-kunsillieri Mary Dimech u John Mary Brincat fejn fiha ngħatat il-fehma tad-Dipartiment dwar is-suġġett.