Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #12522 Sitting 221 2000-01-18 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi tal-marka Daewoo fil-Korp tal-Pulizija? Jistgħu jingħataw dettalji ta' meta nxtraw, kemm bħala flotta u kemm jekk inxtraw separatament? Kemm kienet in-nefqa kumplessivament? Kienet inħarġet sejħa għall-offerti jew inxtraw b'direct order?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Korp jagħmel użu minn 31 vettura tal-marka li rreferit għaliha l-Onor. Interpellant minn 40 li ġew akkwistati. Dawn l-40 ġew akkwistati hekk : Fl-1994 u 1995 inxtraw 30 bil-prezz ta` Lm119,850. Fl-1997 il-kumpanija tat b`donazzjoni 10 vetturi lill-Korp tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #12523 Sitting 221 2000-01-18 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vetturi

Question

B'riferenza għall-vetturi Daewoo li jintużaw għas-servizz fil-Korp tal-Pulizija, jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba kellhom bżonn service jew maintenance mill-ġurnata meta ġew akkwistati sal-ġurnata tal-lum? Kien hemm xi vetturi minn dawn li għamlu xi żmien weqfin minħabba nuqqas ta' spare parts? Jekk iva, kemm damu weqfin? Għad hemm xi vetturi minn dawn li huma weqfin minħabba nuqqas ta' spare parts? Jekk iva, kemm ilhom weqfin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta` statistika għal kull vettura partikolari li għandu l-Korp tal-Pulizija. Pero` infurmat li service u maintenance tal-vetturi isir fuq bażi regolari. Infurmat ukoll li kien hemm okkażżjonijiet fejn xi vetturi, inkluż dawk tal-marka li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, għamlu xi żmien weqfin jistennew spare parts. Fil-preżent ma hemmx vetturi tal-Pulizija weqfin minħabba nuqqas ta` spare parts.
Leg 9 PQ #12524 Sitting 221 2000-01-18 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm għandhom vetturi tas-servizz l-għases tal-Pulizija madwar Malta u Għawdex, għassa, għassa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent il-vetturi tas-servizz fid-Distretti tal-Pulizija huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #12261 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija — Deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjonijiet differenti ttieħdu s'issa mill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija għall-applikazzjonijiet biex jiġi estiż il-ħin tal-ftuħ tal-Palazzo Pescatore, Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar biex joperaw regolarment bħala disco sal-4.00 a.m.?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s`issa ma ttieħdux deċiżjonijiet differenti mill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija. Barra minn dan, il-Bord ta il-parir tiegħu biss dwar parties 'ad hoc' u mhux li l-post jopera regolarment bħala disco sal-4.00am.
Leg 9 PQ #12262 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Palazzo Pescatore — Kawża kontra l-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti kawża li s-sid tal-Palazzo Pescatore, Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, qed jagħmel kontra l-pulizija? Fiex waslet il-kawża?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kawża li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, istitwita kontra l-Kummissarju u l-Awtorita` ta' l-Ippjanar, titlob lill-Qorti tiddikjara li l-attur għandu dritt illi jorganizza żfin sas-1.00am, u li m`hemmx bdil ta` użu li jitlob li dan il-ħin jiġi estiż sal-4.00am, u konsegwentement m`hemmx bżonn permess mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar qabel ma tiġi proċessata l-applikazzjoni tiegħu għal estensjoni. Il-kawża hi differita għat-2 ta` Frar, 2000 (ĊIT. 2582/97GV).
Leg 9 PQ #12263 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Palazzo Pescatore — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjonijiet differenti ħadu s'issa l-Awtorita' ta' l-Ippajnar dwar l-applikazzjoni (dettalji qed jintbagħtu separatament) tal-Palazzo Pescatore ta' Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej : - PA 5936/95 - Biex jingħalaq terrazzin eżistenti u t-taraġ prinċipali ta` barra biex titjieb is-sistema ta` soundproofing permezz ta` aperturi ta` l-aluminium. Deċiżjonijiet meħuda -------------------- 9 ta` Jannar 1996 Applikazzjoni validata 23 ta` Lulju 1996 Il-Heritage Advisory Committee talab aktar dettalji 8 ta` Awissu 1997 Applikazzjoni rifjutata mid-Development Control Commission 9 ta` Jannar 1998 Rikonsiderazzjoni miċħuda mill-Planning Appeals Board 2 ta` Awissu 1999 Appell miċħud mill-Planning Appeals Board PA 4141/95 - Bdil ta` użu minn bar u restaurant għal disco Deċiżjonijiet meħuda -------------------- 12 ta` Lulju 1995 Applikazzjoni validata 1 ta` Novembru 1995 Talba biex tiġi irtirata applikazzjoni rifjutata mid-Direttur tal-Ippjanar 18 ta` Jannar 1996 Il-Heritage Advisory Committee talab aktar dettalji 22 ta` Awissu 1997 Applikazzjoni rifjutata mid-Development Control Commission 27 ta` Frar 1998 miċħuda mill-Planning Appeals Board 2 ta` Awissu 1999 Talba fuq deċiżjoni tal-1 ta` Novembru 1995 konfermata mid-Direttur tal-Ippjanar 15 ta` Diċembru 1999 Il-permess ġie mpustat 11 ta` Jannar 2000 Il-permess ġie irtirat
Leg 9 PQ #12264 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Palazzo Pescatore — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ippajnar dwar l-applikazzjoni (dettalji qed jintbagħtu separatament) tal-Palazzo Pescatore, Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar? X'deċiżjonijiet ittieħdu dwar din l-applikazzjoni? X'infurzar sar dwar dawn id-deċiżjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12263 f`din l-istess Seduta, ninsab infurmat li l-infurzar li sar fuq is-sit in kwetjoni kien kif ġej : - Nħarġu żewġ avviżi skond l-Att I ta` l-1992 dwar l-Iżvilupp - ECF 688/95 u ECF 989/97. Ta` l-ewwel kontra l-iżvilupp ta` struttura fil-front garden, liema avviż għadu in vigore, u tat-tieni kontra l-bdil fl-użu. Fir-rigward ECF 989/97 inħareġ permess f`Diċembru 1999 liema permess ġie rtirat fil-11 ta` Jannar 2000. F`dan ir-rigward l-Awtorita` qed tikkunsidra l-pożizzjoni legali tagħha u wara tiddeċiedi x`passi ulterjuri tkun tista` tieħu. Passi fir-rigward ta` ECF 688/95 (li jikkonċerna PA 5936/95) jittieħdu f`azzjoni waħda meta jkun deċiż l-ambitu tal-każ ta` l-irtirar tal-permess PA 4141/95.
Leg 9 PQ #12265 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu d-deċiżjonijiet differenti li ngħataw s'issa mill-istrutturi differenti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-applikazzjonjiet differenti tal-Palazzo Pescatore, Triq San Pawl ġo San Pawl il-Baħar?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12263 f`din l-istess Seduta.
Leg 9 PQ #12266 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Palazzo Pescatore — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'permessi attwali għandu "Il-Palazzo Pescatore" ta' Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji tal-Pulizija prevalenti fuq il-post 'Palazzo Pescatore' ta' Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, huma kif ġej : a. Bejgħ ta` nbid, birra u likuri b. Estensjoni tal-ħin ta` l-għeluq ta` ħanut b`liċenzja għall-bejgħ ta` nbid, birra u likuri spiritużi wara l-11p.m. sas-1a.m. c. Bejgħ ta` xorb mhux alkoħoliku, te`, kafe`, confectionery (minbarra ġelati u iced confectionery oħra) d. Estensjoni tal-ħin ta` l-għeluq ta` ħanut għall-bejgħ ta` xorb alkoħoliku wara l-11p.m. e. Sabiex jinżammu dances bejn 6p.m. u 11p.m. f. Daqq ta` kitarri nhar ta` Ħamis u nhar ta` Sibt mit-8p.m. sal-11p.m. g. Estensjoni tal-ħin ta` l-għeluq ta` ħanut b`liċenzja għall-bejgħ ta` nbid, birra u likuri spiritużi sa l-4a.m. h. Estensjoni tal-ħin ta` l-għeluq ta` ħanut b`liċenzja għall-bejgħ ta` xorb mhux alkoħoliku, te`, kafe`, confectionery (minbarra ġelati u iced confectionery oħra) sa l-4a.m.
Leg 9 PQ #12298 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Kartolini

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kartolini, f'envelopes u f'pustaġġ biex intbagħtu l-kartolini tal-Milied 1999 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' jgħid f'kull każ fejn ġew stampati dawn il-kartolini u jekk intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' jgħid lil minn intbagħtu dawn il-kartolini?

Response (BORG, TONIO)

Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Leg 9 PQ #12333 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Ta' Ġiorni — Triq Bertha K.IIG - Garaxx

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex garaxx bin-numru 3 u l-bejt tiegħu li jinsab quddiem Block A fi Triq Bertha K.IIG f'Ta' Ġiorni jibda jintuża skond ir-regolamenti tad-dipartiment konċernat u mhux kif qiegħed jintuża preżentement jiġifieri għat-trobbija tat-tiġieġ u animali oħra?

Response (BORG, TONIO)

Minn informazzjoni li waslitli kemm mill-Pulizija kif ukoll mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, ma jirriżultax li fil-garaxx li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant qed jintuża għat-trobbija ta` tjur jew annimali simili.
Leg 9 PQ #12344 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Valletta — Strada Stretta - Fond Nru. 43/8

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt ta' xiri tal-fond 43/8, Strait Street, Valletta? Jista' l-Ministru jara li jitħaffef il-proċess peress li taħt dan il-fond perikoluż joqogħdu residenti kif ukoll jinstabu uffiċini u stabbilimenti kummerċjali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tender għall-bejgħ tal-fond li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant qiegħed għal 'adjudication' tal-Kumitat tal-Kuntratti. Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment ta` l-Artijiet lest li jagħmel il-kuntratt appena jiġi nfurmat mill-Kumitat imsemmi li l-prezz li ġie offrut għax-xiri tal-fond huwa aċċettabli.
Leg 9 PQ #12348 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permessi għal swali

Question

B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 12193, fejn intqal li l-Bord tad-DCC ħareġ tliet permessi għal sala tat-tiġijiet, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull permess li nħareġ inkluż is-site plan? X'kien iz-zoning ta' l-areas li fihom iħarġu dawn il-permessi?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #12369 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Raħal Ġdid - Każin Laburista

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar fiex waslet l-inkjesta maġisterjali, inkluża l-investigazzjoni tal-pulizija, wara l-każ ta' tqegħid ta' bomba fil-Każin Laburista ta' Raħal Ġdid xi snin ilu?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-isplużżjoni li kienet saret fl-Oxford Photo Studio fil-Pjazza ta` Raħal Ġdid matul il-lejl tas-17 u 18 ta` Marzu 1992 li biha kien waqa` xi bini, inkluż il-każin Laburista, ninsab infurmat li kienu nbdew proċeduri kriminali kontra erba` persuni. Wieħed minn dawn il-persuni miet f`April 1997. Fil-każ tat-tlieta l-oħra dawn mistennija li jgħaddu ġuri.
Leg 9 PQ #12373 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Soċjeta' Eureka

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt li ngħata lis-soċjeta Eureka fir-Reġistru Pubbliku tard fl-1999 ngħatax b'direct order? Jista' jgħid kemm se jiġi jiswa lill-gvern dan il-kuntratt? Jekk il-kuntratt ngħata b'direct order, jista' jgħid għaliex ma ntalbux offerti mingħand terzi?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 10635 u 10750.
Leg 9 PQ #12374 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Azzabi - Investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-investigazzjonijiet jew l-inkjesta interna, jekk hemm, dwar il-ħarba tal-priġunier Azzabi? Saru xi tibdiliet dwar kif għandhom ikunu skortati persuni akkużati bi traffikar tad-droga?

Response (BORG, TONIO)

M'għandi xejn xi nżid mat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 9873 u 11020.
Leg 9 PQ #12375 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħataw il-promozzjonijiet għar-rank ta' supritendent fil-korp tal-Pulizija? Hemm xi raġuni speċifika għal dan id-dewmien?

Response (BORG, TONIO)

Ma' għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10531 dwar dan is-suġġett.
Leg 9 PQ #12376 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħa sigħat overtime fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin il-persuna li ismha qed jintbagħat separatament fix-xhur ta' Lulju, Awissu, Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru ta' l-1999?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant ma taħdimx fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal PS 1404, matul ix-xhur minn Lulju sa Diċembru 1999, dan ħadem 654 siegħa f`overtime. Ninsab infurmat ukoll illi fl-aħħar ġurnata ta` kull xahar fuq in-notice board ta` l-impjegati titwaħħal lista bl-ismijiet ta` l-uffiċjali kollha li jaħdmu fil-Faċilita` u li turi s-sigħat f`overtime li jkunu ħadmu kull wieħed individwalment.
Leg 9 PQ #12170 Sitting 219 2000-01-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija matul l-1999? Kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti sabiex jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-1999 in-numru ta` persuni li ħadu ċ-ċittadinanza Maltija kien ta` 133, li minnhom 79 saru permezz ta` reġistrazzjoni filwaqt li 54 saru permezz ta` naturalizzazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa hemm 327 applikazzjoni li għadhom qed jiġu ipproċessati.
Leg 9 PQ #12167 Sitting 218 2000-01-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku rrapportati lill-pulizija matul l-1999? Kemm minn dawn il-każi kellha tintervjeni l-pulizija permezz ta' l-SAG?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-1999, il-Pulizija kellha 11,461 rapport ta` kolliżjonijiet tat-traffiku, li f`55 każ minnhom kellha tintervjeni l-S.A.G.