Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien jiswa biljett ta’ ġurnata (noll) għall-persuni anzjani sa qabel ma beda jaħdem l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku (sas-7 ta’ Jannar 2015) u kemm ġie jiswa llum taħt l-operatur il-ġdid l-istess biljett ta’ ġurnata għall-anzjani?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma kien hemm l-ebda tibdil fil-prezz tal-biljetti ta’ ġurnata għall-persuni anzjani minn meta ħa f’idejh is-servizz tat-trasport pubbliku l-operatur il-ġdid. Il-prezz ta’ dan il-biljett huwa ta’ €0.50. Minn Marzu li ġej, il-kumpanija l-ġdida li qed topera t-trasport pubbliku f’pajjiżna, ser tibda kampanja estensiva ta’ informazzjoni dwar kif ser taħdem is-sistema.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fit-tfassil tan-nollijiet tas-servizz tat-trasport pubbliku li beda jitħaddem mill-operatur il-ġdid fl-aħħar jiem, itteħdux in konsiderazzjoni d-destinazzjonijiet lejn u mill-isptarijiet f’pajjiżna, fosthom ir-Residenza San Vinċenz de Paul, Sptar Karen Grech, Sptar Boffa u Sptar Mater Dei?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent, l-istruttura tan-nollijiet ma tagħmel l-ebda distinzjoni għar-rigward tad-destinazzjoni li passiġġier ikollu. Dan japplika ukoll għall-istruttura ta’ nollijiet li ser jiġu introdotti f’ Lulju ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jindika jekk persuni bi bżonnijiet speċjali hux se jkollhom prezzijiet speċjali fejn għandu x’jaqsam is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid li beda jitħaddem fl-aħħar jiem?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuni bi bżonnijiet speċjali li għandhom il-Blue Badge maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni B’Diżabilità (KNPD) se jkollhom l-istess prezzijiet ridotti meta jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku. Fil-fatt diġà saret laqgħa bejn Transport Malta u l-KNPD fejn dan ġie spjegat u anki maqbul li aktar dettalji jinħargu fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jindika jekk is-servizz ta’ filgħaxija lejn u mil-lokalità tal-Mellieħa (night service) hux se jerġa’ jibda jingħata, liema servizz kien ġie mneħħi minn din l-amministrazzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz tan-night service mill-Mellieħa qatt ma ġie mneħħi kif qed jimmaġina l-Interpellant għax jidher li min-naħa tal-Oppożizzjoni tipprova tingħata l-impressjoni li dak li qed isir huwa kollu ħażin, iżda dan għadu jopera kull nhar ta’ Ġimgħa u Sibt permezz tar-rotta N11.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Żieda fil-fees of Office
Question
In vista ta’ dak li ntqal mill-Ministru għall-Finanzi fid-diskors tal-Baġit f’paġna 14 li ‘Se jkun hemm żieda relattiva fil-fees of office mid-dipartimenti tal-Gvern”, jista’ l-Ministru jgħid liema fees of office ta’ dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu diġà għolew u liema huma dawk li huma mistennija li jogħlew matul is-sena 2015? F’kull każ, kemm kienet il-fee fis-sena 2014 u kemm hija issa jew se tkun wara li togħla?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-unika żieda li kien hemm fil-fees of office għas-sena 2015 f’ dak li jikkonċerna il-Ministeru tiegħi hu kif ġej:
Isem tat-Tariffa
Ammont Preċedenti
Ammont Ġdid
Liċenzja ta’ bennej, għall-ħruġ tal-liċenzja u t-tiġdid
€11.65
€13
tagħha ta’ kull sena
Għall-eżami ta’ kandidati li jixtiequ jkollhom il-liċenzja
€23.29
€26
biex jagħmluha ta’ bennejja skont l-artikolu 95 tal-
Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija (Kap. 10) ta’ kull darba li
jsir l-eżami
Min-naħa ta’ Transport Malta ma kien hemm l-ebda fees of office li ser jogħlew matul is-sena 2015.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm sewwieqa li matul l-2014 kellhom punti mnaqqsa minħabba kontravenzzjonijiet tat-traffiku? Kemm kien in-numru ta' persuni li tilfu l-liċenzja tas-sewqan minħabba dawn it-telf ta' punti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li minn informazzjoni li għandha Transport Malta, matul is-sena 2014 kien hemm 1,345 sewwieq li kellhom punti mnaqqsa minħabba kontravenzzjonijiet tat-traffiku.
Infurmat ukoll li 58 persuna tilfu l-liċenzja tas-sewqan tagħhom minħabba dawn it-telf ta’ punti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm inħarġu liċenzji ġodda għal sewwieqa ta' vetturi f'Malta matul l-2014? X'tip ta' liċenzja ngħataw dawn l-istess sewwieqa? Kemm minn dawk li ħadu l-liċenzja din is-sena, tilfuha minħabba t-tnaqqis ta' punti minħabba kontravenzzjonijiet tat-traffiku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li minn informazzjoni li għandha Transport Malta, matul is-sena 2014 inħarġu 5,077 liċenzji ġodda għal sewwieqa ta’ vetturi f’Malta. It-tip ta’ liċenzja li ngħataw dawn is-sewwieqa hi bi prova (probationary licence).
Minn dawn il-5,077 persuna li ħadu il-liċenzja din is-sena, kien hemm tlieta minnhom tilfu l-liċenzja tagħhom minħabba t-tnaqqis ta’ punti minħabba kontravenzjonijiet tat-traffiku.
kuntatt mar-residenti tas-Salina rigward ix-xogħol fuq il-coast road
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kuntatt kellu l-Ministeru, mar-residenti tas-Salina, għal dawk li jikkonċernaw id-diffikultajiet li qed jaffaċċjaw l-istess residenti minħabba x-xogħol li qed isir fuq il-coast road, fl-inħawi tal-istess Salina? X'laqgħat saru mar-rappreżentanti tar-residenti u meta saru? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk ix-xogħol li fejn qed jilmentaw ir-residenti ux kopert bil-permessi tal-MEPA?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta għaddiet minn proċess twil ta’ konsultazzjoni li kien parti mill-proċess tal-MEPA. Diversi laqgħat kienu ġew organizzati ma’ nies differenti li seta’ jaffettwahom dan il-proġett, fosthom anke nies minn din iż-żona. Transport Malta kienet diġa’ tkellmet mal-Kunsill Lokali qabel beda x-xogħol fuq Triq il-Kosta kif ukoll dan l-aħħar partikolarment fuq il-fażi li jmiss tax-xogħlijiet li kien tat-tul ta’ triq li tinsab biswit is-Salina Salt Pans u l-Hamlet.
Reċentament, Transport Malta rċeviet numru ta’ lmenti u kummenti mingħand numru ta’ residenti tas-Salina u l-Awtorita’ kienet lesta biex tiltaqa’ magħhom. Madankollu, qabel ma laħqet saret tali laqgħa, l-Awtorita’ ġiet notifikata li ġie ppreżentat Mandat ta’ Inibizzjoni mir-residenti ta’ Triq Ximenes fuq il-proġett ta’ Triq il-Kosta, fil-parti tal-Hamlet. Dan ġara fl-14 ta’ Novembru 2014, meta wkoll saret konferenza stampa li ġiet organizzata mir-residenti stess. Nhar it-Tlieta 18 ta’ Novembru 2014 kien hemm l-ewwel seduta fil-Prim Awla tal-Qorti fejn ġie diskuss il-Mandat u l-partijiet ftehmu li jiltaqgħu sabiex jiddiskutu l-proposti tar-residenti f’laqgha apparti. Dan wara li diġa’ kienu ltaqghu ma’ żewġ rappreżentanti nhar it-Tnejn 17 ta’ Novembru 2014 fejn f’din il-laqgħa l-ebda proposta ma tressqet mir-residenti filwaqt li l-Awtorita’ spjegat id-deċiżjonijiet tekniċi tagħha u tat ukoll xi kjarifiki fuq il-proġett. Peress illi jiena xtaqt li nitkellem magħhom u nisma’ l-ilmenti tar-residenti personalment, ġew identifikati ħinijiet u ġranet sabiex tiġi organizzata laqgha, u sar qbil li din il-laqgha issir fl-20 ta’ Novembru 2014. Sfortunatament, ir-rappreżentanti tar-residenti kkanċellaw l-attendenza tagħhom fl-aħħar minuta. Laqgħa oħra ġiet organizzata minni stess fis-26 ta’ Novembru 2014 fejn meta mistoqsija sabiex jiddiskutu l-proposti tar-residenti, dawn irrispondew li ser jippreżentawhom il-ġurnata ta’ wara waqt is-seduta tal-Qorti. Il-Qorti ma ppermettietx dan għax ma ġiex rikonoxxut id-dritt tar-residenti għall-aċċess msemmi u l-Mandat ġie eventwalment respint.
Apparti minn hekk, bħala proċedura normali, numru ta’ residenti qed jistabilixxu kuntatt ma’ rapprezentanti ta’ Transport Malta sabiex iwasslu l-ilmenti jew kummenti tagħhom u Transport Malta qed tiltaqa’ ma dawn l-individwi sabiex tindirizza dawn l-ilmenti.
Ix-xogħol li qed isir bħalissa fuq ir-rampi eżistenti quddiem dan il-Hamlet, huwa approvat mill-MEPA, fejn fil-permess għal dan l-iżvilupp, dawn ir-rampi huma ppjanati li jitneħħew sabiex ma jkunx hemm aċċess dirett għal Triq il-Kosta (li ser tkun upgraded) imma minflok isir aċċess permanenti min-naħa ta’wara tal-Hamlet li joffri aktar sigurta’ lir-residenti u lil kull min ikollu bżonn juża’ dan l-aċċess.
Rifużjoni ta’ taxxa żejda mħallsa fuq ir-reġistrazzjoni ta’ karozzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li bbenefikaw matul l-2014 mill-pagament ex gratia għal dawk li ħallsu taxxa żejda fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozza tagħhom bejn l-2004 u l-2008? Kemm kienet l-ispiża fuq din il-miżura?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellat li fl-2014 kien hemm 29,126 applikazzjoni eliġibbli għall-iskema biex jibbenefikaw mill-pagament ex-gratia għal dawk li ħallsu taxxa żejda fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozza tagħhom bejn l-2004 u l-2008. L-ispiża totali fuq din il-miżura għas-sena 2014 kienet tammonta għal Eur3,171,335.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-nurmu ta' road side checks/inspections li saru matul din is-sena? Fejn saru? Meta saru? X'irriżulta waqt dawn l-istess inspections? Kemm ittieħdu passi kontra min kien bil-vetturi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li saru 1,634 road side checks/inspections matul is-sena 2014. Dawn ir-roadside checks/inspections saru fl-lokalitajiet li ġejjin:
Lokalità
Numru ta’ Sessjonijiet ta’ Spezzjonijiet
Burmarrad
3
Kordin
2
Birżebbuġa
11
Għawdex
11
Il-Gudja
5
Ħal Far
11
Il-Fgura
9
Il-Mosta
15
In-Naxxar
3
Ħal Kirkop
2
Wied il-Għajn
2
L-Imġarr
1
Mtarfa Bypass
2
Ħ'Attard
5
San Ġwann
1
Is-Siġiewi
4
San Pawl il-Bahħr
3
Ta’ Qali
2
Ta’ Kandja
1
Ir-Rabat, Malta
5
Ħal Tarxien
6
Ħal Luqa
3
Ix-Xemxija
3
Dawn ir-roadside checks/inspections saru matul il-ġimgħa mit-tnejn sal-ġimgħa. 49.4% tal-vetturi li saritilhom tar-roadside checks/inspection m’għaddewx. Il-passi li ttieħdu kienu li nħarġu mitejn u tlieta u sebgħin (273) ċitazzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti l-passi neċessarji biex tiġi rranġata l-ħsara li saret fuq it-terrazzin tal-każin nazzjonalista ta' San Pawl il-Baħar, wara x-xogħol li sar fuq iż-żuntier tal-Knisja parrokjali ta' San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Nikkonferma li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant tlesta.
L-Imsida – pelican light quddiem il-Monument tal-Ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-pelican light ta' quddiem il-Monument tal-Ħaddiema għadu ma ġiex installat peress li ħafna nies, fosthom diversi anzjani, ikunu jridu jużawh biex jaqsmu minn naħa għal oħra tal-Imsida?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li x-xogħol tal-proġett tal-Imsida għadu fil-fażi tas-snag list, liema xogħol, inkluż l-istallazzjoni tal-pelican lights, ser jitlestew fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-build-out ta' quddiem l-Għassa tal-Imsida ħarġet daqshekk il-barra bil-konsegwenza li karozza tal-linja li tkun trid tmur lejn il-Belt ikollha taqsam minn ġo żewġ lanes u għalhekk tkun ta' periklu għal vetturi oħra li jkunu jridu jitilgħu lejn Rue D'Argens kif ukoll iżżid il-konġestjoni tat-traffiku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li din il-mistoqsija parlamentari qed tirreferi għall- bus stop u għall- bus lane li huma distinti minn xulxin bħala disinn u bħala funzjoni. Għaldaqstant id-disinn huwa sabiex jaqdi dawn iż-żewġ funzjonijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-pelican crossing li kien hemm f’Rue D’Argens, il-Gżira, ftit ’il fuq mill-Għassa tal-Pulizija, issa saret aktar ’l isfel, lejn Triq il-Kunċizzjoni, bil-konsegwenza li min ikun qed jaqsam it-triq ikun f’periklu li jiġi mtajjar minn xi vettura li tkun qed iddur minn Triq il-Kunċizzjoni għal Rue D’Argens?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li din il-faċilita’ sabiex jaqsmu l-pedonali ser tiġi mplimentata bħala zebra crossing. Minħabba l-linja tal-bini u l-bankini wesgħin fil-kantuniera m’hemmx problemi ta' visibita għan-nies.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar l-aħħar żviluppi fuq il-kwistjoni tat-tneħħija tar-rampi miż-żona tas-Salina u jekk wasalx għall-konkluzzjoni fuq liema triq alternattiva se tkun qed tintuża mit-tnejn indikati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li x-xogħol fuq is-sit ta’ Triq il-Kosta kompla skont il-permessi approvati u ninsab infurmat ukoll li sal-lum Transport Malta ma kellha l-ebda konklużjoni fuq l-aċċess permanenti għaż-żona tas-Salina Hamlet.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10885 jista’ l-Ministru jgħid jekk hux konxju li skont rapport li poġġa huwa stess fuq il-Mejda tal-Kamra, biex jiġġustifika x-xogħol li sar mingħajr ebda konsultazzjoni fi Triq l-Imdina/Manuel Dimech (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) u ġibed ir-rabja tar-residenti Qriema għaliex żied il-konġestjoni tat-traffiku f’Ħal-Qormi, kien iffirmat mill-istess persuna li implikat fuq ix-xandir li t-traffiku f’Malta huwa perċezzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif ingħad diġa’ fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10885, wara l-intervent li sar fi Triq l-Imdina/Manwel Dimech, l-aċċidenti f’din iż-żona naqqsu kif ukoll kien hemm titjieb fit-traffiku f’din l-istess żona. Għaldaqstant m’għandi xejn x’inżid iktar fuq dan is-suġġett.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10886 u peress li r-responsabbiltà finali ta’ pjan ħolistiku għat-traffiku fil-lokalitajiet ta’ Malta hija tal-gvern ċentrali u l-Awtorità dwar it-Trasport, u peress li l-Ministru qed jgħid li ma rċieva l-ebda pjan ħolistiku għall-immaniġġar tat-traffiku mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jieħu r-responsabiltà hu biex jitlob lill-Awtorità tat-Trasport biex tfassal pjan li ma jħallix lil Ħal Qormi, u l-kwalità tal-ħajja tal-Qriema, tkompli titmermer? Jekk għandu l-intenzjoni li jagħmel dan il-pjan, jista’ jara li jikkonsulta mall-Kunsill Lokali u anke mar-residenti qabel ma jieħu deċiżjonijiet finali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huma l-kunsilli lokali li jfasslu pjanijiet għat-toroq tal-lokalitajiet tagħhom li mhumiex arterjali jew distributorji. Dawn il-proposti jitħejjew mill-kunsilli lokali rispettivi b’konsultazzjoni kompleta mar-residenti. Sussegwentament, dawn jissottomettu l-proposti tagħhom għall-kunsiderazzjoni u konsultazzjoni ma’ Transport Malta.
Nixtieq infakkar ukoll, li sa mill-bidu ta’ din il-leġislatura, bdew isiru laqgħat mal-kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex, li kienu mmirati biex ikun hemm kommunikazzjoni u konsultazzjoni aħjar bejn il-Gvern Ċentrali u dak lokali, u fejn l-istess kunsilli setgħu iressqu it-talbiet u l-proposti tagħhom f’dak li jikkonċerna l-lokalita’ tagħhom.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10886 fejn il-Ministru qed jgħid li għandu pjan ħolistiku għall-imaniġġjar tat-traffiku għall-pajjiż kollu u li jinkludi wkoll lil Ħal-Qormi, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-parti tar-rapport li titkellem speċifikament dwar Ħal-Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10886.