Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — Xogħlijiet lil individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn l-1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet)? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament ma ġiex mogħti xogħol mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – baġit approvat

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8866, 5377, 5141 u 5462, jista' l-Ministru jgħid jekk wara it-tnaqqis fil-bagit li sofra l-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Socjali kienx hemm allokazzjoni ta’ fondi addizjonali mill-Ministeru għall-Finanzi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Filwaqt li nassigura lill-Onor. Interpellant li kuntrarju għal dak li ntqal fil-pubbliku minn ċerti membri parlamentari tal-oppożizzjoni, il-pensjonijiet u benefiċċji oħra se jkun hemm il-fondi għalihom, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista’ l-ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8868 u ċjoe: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5148 u 5389, li kontra kif indikat mill-Ministru ma jweġibx il-mistoqsija b’mod sħiħ, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji kollha inkluż it-tip ta’ xogħol, karigi, esperjeza u kwalifiki, salarji u perkaċċi, ta’ dawk il-persuni kollha li mid-9 ta’ Marzu ‘l hawn ġew ingaġġati b’xi mod jew ieħor, mal-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, inkluż u dak tas-Segretarju Parlamentari, u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, bħala persons of trust? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid x’inhu t-total ta’ pagi tagħhom fis-sena b’mod kumulattiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja – żieda

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8869, 8638 u 6988, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi diffikulta partikolari biex tingħata l-informazzjoni kif mitluba? Jista’ jkun aktar speċifiku u jgħid jekk iċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja, li se jkunu żvilupp fuq iċ-Ċentri Aċċess diġà eżistenti filwaqt li jibqgħu jużaw l-istess operat tagħhom, hux se jkunu aktar jew anqas miċ-Ċentri Aċċess li diġà jeżistu? Jekk hemm differenzi, jista’ jagħti l-ammont eżatt involut?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju m’għandix x’inżid ma t-tweġibiet li diġa ngħataw dwar dan is-suġġett.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja — operat

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8870, 8639 u 6990, jista’ l-Ministru jgħid issa li ġew konklużi n-negozjati finali mal-awtorità amministrattiva tal-Fond Soċjali Ewropew, meta se jiġi ffirmat il-ftehim?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 9188.

Djar tal-Anzjani — pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu pazjenti fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern bejn Diċembru 2013 u Jannar 2014, xahar b’xahar, u jagħti l-informazzjoni għal kull dar tal-anzjani b’mod separat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta` pazjenti li ddaħħlu fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern dar b`dar kienu kif ġej: DAR Dicembru 2013 Jannar 2014 TOTAL Mellieħa 3 1 4 Mosta 1 3 4 Mtarfa 2 5 7 Msida 0 0 0 Floriana 2 1 3 Zejtun 4 2 6 Bormla 1 2 3 Zammit Clapp 2 3 5 SVPR 33 87 120 TOTAL 48 104 152

Dar residenzjali għall-aħwa – Manual of Procedures

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 7011 u 8817 u peress li d-Dar Residenzjali għall-Aħwa diġà qed tilqa fiha t-tfal, jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar ta’ din is-sena se jkun finalizzat il-Manual of Procedures li huwa l-linji gwida li bihom kull min qed ikollu x’jaqsam mad-dar , inkluż diriġenti, ħaddiema u residenti ikun jaf x’inhu mistenni minnu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Manual of Procedures li qiegħed jistaqsi dwaru għandu jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena.

Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja — għajnuna

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet paralamentari 6997, 8631, 8632 u 8826, u filwaqt li l-Interpellant jifhem t-taħriġ hu intiż li jikseb kompetenzi soċjali u li l-programm ta’ xogħol speċifiku se jkun qed jitfassal bejn l-organizzazjoni li se tkun qed tospita lill-dawn il-persuni u mis-social–mentors, jista’ iżda l-Ministru jiċċara x’tip ta’ xogħol f’entitajiet soċjali qed jipprovdu dawk il-200 persuna bla xogħol li qed jingħataw it-taħriġ permezz tal-programm LEAP? X’inhi id-diffikulta li jingħad x’kategorija ġenerika ta’ xogħol qed jingħataw dawn il-persuni bħal skrivan, telephone operator, handyman eċċ.? Jekk in-nuqqas ta’ risposta s’issa kienet sempliċiment nuqqas ta’ ftehim u mhemmx diffikulta biex tingħata l-informazzjoni jista’ jagħti dawn il-kategoriji u n-numri relatati magħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra

Programm LEAP – tip ta’ impjieg

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8827, 6997, 8631, 8632, u 8633 u peress li t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8827 ma tweġibx b’mod ċar il-mistoqsija, u wara li-Gvern iddikjara li l-200 persuna li qed jingħataw taħriġ permezz tal-programm LEAP għandom isibu xogħol sa Ġunju 2015, jista’ l-Ministru jgħid b’mod ċar x’tip ta’ xogħol qed jiġu ppreparati għalih dawn il-persuni? La darba l-Gvern iddikjara li sa Ġunju 2015, 200 persuna se jkunu sabu impieg b’taħriġ imfassal minnu taħt il-kappa tal-programm LEAP, jista’ jgħid hemmx xi diffikultà biex il-Gvern jgħid għal liema tip ta’ impjieg iwassal it-taħriġ li fassal il-Gvern stess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Programm LEAP – tip ta’ taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8828 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6980 u 8634, jista’ l-Ministru jgħid b’mod ċar jekk fil-fatt il-programm LEAP kellux programm ta’ taħriġ lest meta ġie mħabbar? Jista’ jpoġġi dan il-programm fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma kienx lest, jista’ jgħid meta tlesta dan il-programm ta’ taħriġ jew meta se jitlesta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – baġit approvat

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8866, 5377, 5141 u 5462, jista' l-Ministru jwieġeb id-domanda b’mod sħiħ? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni wara t-tnaqqis fil-baġit? B'kemm tnaqqas il-baġit, mhux biss bħala ammont totali iżda anke bħala persentaġġ? Liema huma (numru u isem) il-line items li tnaqqsu? X'konsegwenzi se jkollu dan it-tnaqqis fuq il-ħidma tal-Ministeru?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – baġit approvat

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8866, 5377, 5141 u 5462, jista' l-Ministru jgħid jekk wara it-tnaqqis fil-bagit li sofra l-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Socjali kienx hemm bżonn ta’ virements? Fil-każ fejn u kif saru dawn il-virements?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Djar Residenzjali tal-Anzjani – Involviment tar- residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk id-djar residenzjali tal-anzjani li jinvolvu direttament lir-residenti tagħhom fit-tmexxija ta’ dawn id-djar? Jista’ jgħid kemm-il darba jiltaqgħu biex jiddiskutu mar-residenti dwar it-tmexxija tal-post?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Sptar Monte Karmeli – Appartamenti Allokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar tliet snin, sal-lum, kemm-il flat jew appartament ġew allokati mill-Awtorità tad-Djar lill-Isptar Monte Karmeli jew lil xi għaqda volontarja sabiex fihom jiġu allokati persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Sheltered Housing — Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar hux ser tibni appartamenti biex jiġu utilizzati bħala sheltered housing għall-anzjani? Jekk iva, meta u fejn sejrin jinbnew dawn l-appartamenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Awtorità tad-Djar – skemi ta’ għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx skemi ta’ għajnuna permezz tal-Awtorità tad-Djar jew xi entità oħra, sabiex familji jbiddlu l-aperturi tar-residenza tagħhom biex jippreservaw l-enerġija (eż. twieqi double glazed eċċ..)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar preżentament m’għandhiex skema fejn tingħata għajnuna finanzjarja lill-familji sabiex ikunu jistgħu jbiddlu l-aperturi tar-residenza għall-preservazzjoni tal-enerġija. Madanakollu l-Awtorità tad-Djar tissussidja xogħol relatat ma’ bdil ta’ aperturi sabiex il-proprjetajiet jilħqu livell ta’ standard aċċettabli. F’każ li l-aperturi jkollhom bżonn jinbidlu u r-residenti jagħzlu li jinstallaw aperturi double glazed, allura l-Awtorità tad-Djar tissussidja skont ir-rati stabbiliti minnha. Ta’ min jgħid ukoll li f’kull proġett mibni mill-Awtorità tad-Djar l-aperturi li jiġu nstallati jkunu kollha double glazed.

Awtorità tad-Djar — fond

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament hux battal u jekk hemmx inkwilin rikonoxxut fuqu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar m’għandhiex pussess fuq dan il-post.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – rwol ta’ individwu

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 9058 u 8790, jista' l-Ministru jispeċifika f’ammonti ta’ flus kemm kien is-salarju tal-konsulent għall-anzjanità attiva, u jispeċifika f’ammonti f’euros l-allowances ta’ fuel u mobile li kien qed jingħata? Jista’ jgħid jekk dan l-individwu għadux iservi ta’ konsulent fl-istess Ministeru u jekk iva, x’inhu r-rwol tiegħu fi ħdan il-Ministeri jew xi dipartment li jaqgħu taħtu fil-preżent?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Benefiċċju tal-Mard — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jinforma fiex waslet l-applikazzjoni tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għall-benefiċċju tal-mard?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni msemmija ġiet proċessata u l-persuna ġie infurmat bil-miktub meta se jiġi eżaminat mill-bord mediku.