Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei – Bordijiet ta’ investigazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6293, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx riferuti l-każijiet imsemmija lill-Pulizija u jekk iva, jekk ġewx sospiżi uffiċjali u/jew impjegati tal-Isptar Mater Dei?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-kaz imsemmi għadha f’idejn il-Pulizija għall-aktar investigazzjoni.
Leg 12 PQ #8797 Sitting 138 2014-04-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – rwol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux xi rwol fil-Ministeru u/jew xi entità/bord li jaqa’ taħt il-Ministeru? Jista’ jgħid xi ħlasijiet qed jingħata għal dan ir-rwol inkluż perkaċċi jekk inhu l-każ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-persuna li qed jirreferi għalih l-Onor. Membru għandu rwol ta' Segretarju Parlamentari.

Tindif ta' appartament minn perikli tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex b'xi mod isir tindif tal-bitħa tal-ground floor flat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li ilu magħluq bosta snin, u li minħabba l-ħmieġ u ilma qiegħed (aktarx drenaġġ) li hemm akkumulat qed ikun ta' periklu għas-saħħa tar-residenti tal-madwar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva diversi lmenti mill-2010 rigward akkumulu ta’ żibel fil-bitħa fil-fond indikat. Saru diversi spezzjonijiet minn uffiċċjali fi ħdan dan id-Direttorat iżda dan il-post instab dejjem magħluq. L-aħħar spezzjoni saret fl-ewwel t’April fejn l-istess ilment reġa ġie kkonfermat. Se jibqgħu isiru kull sforzi sabiex jinstab is-sid u jittieħdu passi oħra sabiex jitneħħa dan l-inkonvenjent.

Stallazzjoni ta’ smart meters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ smart meters li ġew stallati sal-aħħar ta’ Marzu 2014? Kemm fadal meters biex jiġu stallati?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sas-26 ta’ Marzu 2014, l-Enemalta installat 241,956 (mitejn, wieħed u erbgħin elf, disa’ mija u sitta u ħamsin) ‘smart meters’ u kien jonqos jinbidlu 41,720 (wieħed u erbgħin elf, seba’ mija u għoxrin) oħra. Il-focus tal-Gvern huwa fuq l-attivazzjoni tal-meters u mhux sempliċiment l-installazjoni.

Stallazzjoni ta’ meters mal-boreholes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew stallati meters mal-boreholes tal-bdiewa sal-aħħar ta’ Marzu 2014?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 1,218 (elf, mitejn u tmienja u għoxrin) meter stallat ma' boreholes.

Enemalta – każ ta’ individwu

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8296, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul f’paga u allowances separatament xahar b’xahar minn Marzu 2013 sal-lum tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Għal liema responsabilità jew responsabilitajiet ingħataw l-allowances? Kemm kien l-allowance għal kull responsabilità?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija baqa’ jieħu l-istess paga u allowances dovuti lilu skont it-termini ta’ kuntratt indefinit iffirmat f’Jannar 2013.

Billboards – stampar u kiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tiswa l-kampanja fi stampar u kiri ta’ billboards bil-kliem ‘March 31 – cheaper energy bills’, u lil min qed jitħallsu dawn il-flus?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb id-domanda tiegħi 1889 dwar konsulenzi b’direct order fl-entitajiet li għalihom hu responsabbli mill-11 ta’ Marzu 2013 u li minkejja li għamiltha l-ewwel darba fil-15 ta’ Mejju 2013 u anke fit-23 ta’ Mejju 2013 s’issa għadu ma weġibx? Jista’ l-Ministru jikkonferma li wħud minn dawk li ngħataw konsulenzi huma donaturi tal-Partit Laburista?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-Ministru jikkonferma li l-ebda Kumpanija li tat konsulenza lill-Ministeru tal-Enerġija jew lil wieħed mid-Dipartimenti tagħha jew entita’ pubblika li taqa’ fi ħdana, ma hija donatur tal-Partit Laburista. Mill-mod ta’ kif għamel il-mistoqsija l-Onor. Azzopardi joħroġ biċ-ċar li l-Onor. Interpellant għadu jaħseb li dan il-Gvern qed jopera bl-istess kriterji tal-amministrazzjoni ta’ qablu, ċioe’ li jagħti direct orders lin-nies tal-qalba. Eżempju ta’ dan huma d-direct orders li ngħataw lill-kumpanija tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil.

Enemalta — ħlas għal konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 966 li jien għamilt fit-2 ta’ Mejju 2013 dwar konsulenzi legali mogħtija wara l-11 ta’ Marzu 2013 lill-Korporazzjoni Enemalta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4445.

Ministeru għas-Saħħa — Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6541 u ċjoè b’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5494, għal kull każ indikat jgħid: għalxiex ma nħarġitx tender jew request for quotation ; jekk hux se jerġa’ jiġi mġedded mingħajr sejħa pubblika; u min hu l-kuntrattur involut f’kull każ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Settur tas-saħħa – benefiċċji għall-ħaddiema

Question

B’referenza għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6505, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċirkolarijiet/dokumenti/policies/regolamenti/dokumenti simili oħra li jirregolaw dan l-intitolament?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-uniku dokument / Ċirkolari li għandu l-Medicines Approval Section – POYC Unit relatat ma’ dan is-suggett huwa - DH CIRCULAR No. 375/2013 [DH 3847/2013] li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Settur tas-saħħa – benefiċċji għall-ħaddiema

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6505, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem/a ibbenefika minn dan it-tip ta’ intitolament u x’kienet l-ispiża annwali, sena b’sena, mill-2008 sal-2013?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninsab infurmat li skont ir-registru tal-Medicines Approcal Section-POYC Unit, sal-lum hemm 689-il ħaddiem/a li qed jibbenifika minn dan il-benefiċċju. Infurmat ukoll li rigward l-ispiża annwali din l-informazzjoni ma tistax tinġabar peress l-ispiżeriji ġewwa ċertu sptarijiet u Ċentri tas-Saħħa ma jiddistingwux bejn mediċini maħruġa lil pubbliku in ġenerali u dawk li jitqassmu lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.

San Ġiljan – Ċentru Reġjonali għall-Kura Primarja – project brief

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6548, jista’ l-Ministru jagħti data meta se jitlesta l-project brief imsemmi fit-tweġiba?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninsab infurmat li l-project brief qed fi stadju ta’ tħejjija.

San Ġiljan – Ċentru Reġjonali għall-kura primarja – project brief

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6548, jista’ l-Ministru jagħti data meta se jitlesta l-cost benefit analysis imsemmi fit-tweġiba?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f’xi seduta oħra.

San Ġiljan – Ċentru Reġjonali għall-kura primarja

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6549, jista’ l-Ministru jagħti t-tracking number tal-applikazzjoni għall-permess tal-iżvilupp imsemmi fit-tweġiba?

Response (MIZZI, KONRAD)

It-tracking number tal-applikazzjoni huwa 144862.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Dicembru 2010, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-WSC tat xogħol lill-kumpanija msemmija b’kemm jiswew €23,789.33 (tlieta u għoxrin elf, seba’ mija, disgħa u tmenin ewro u tlieta u tletin ċenteżmu), wara sejħa għall-offerti. L-MRA ħallset €655 (sitt mija u ħamsa u ħamsin ewro) għal xogħol li ngħata b’ direct order .
Leg 12 PQ #8794 Sitting 136 2014-04-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu ċ-Chairman tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol? Jista’ jgħid x’remunerazzjoni qed jingħata għal dan ir-rwol inkluż il-perkaċċi jekk inhu l-każ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Iċ-chairman huwa Deo Debattista u għandu renumerazzjoni daqskemm kellha ċ-chairperson ta’ qabel.

Mediċina Out of Stock — Beclomethasone

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-prodott Beclomethasone 250mg inhaler li huwa tant importanti għas-saħħa tal-pazjenti jinsab out of stock? Meta hu mistenni li dan il-prodott ikun provdut? Jista’ jgħid x’alternattivi qed jingħataw lill-pazjenti sakemm dan il-prodott jerġa’ jkun in stock?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninsab infurmat li l-mediċina msemmija mhix out of stock.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – Lift fil-Geriatrics Wards

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-lift li jwassal għal Geriatrics Wards fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li ilu wieqaf għal xi żmien u qed joħloq inkonvenjent lill-istess residenti, issirlu t-tiswija meħtieġa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninsab infurmat li dan il-lift se jissewwa kif jaslu l-parts minn barra minn Malta.

Sptar Ġenerali t’Gġawdex – tenders u direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm: a) ħarġu tenders u b) sar xiri b’direct order għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex f’dawn l-aħħar sitt xhur? Jista’ jindika għalxiex ħarġu dawn it-tenders/direct orders u kemm kienu l-ammonti ta’ kull waħda?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.