Jista l-Viċi Prim Ministru jara li l-każ ta' tribunal tax-xogħol jibgħat għal-missier ta' familja li d-dettalji tiegħu qegħdin jidhru separatament min din il-mistoqsija peress li din il-familja ma għandha l-ebda dħul?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' Nazzjoniali tax-Xogħol tappunta s-smigħ ta' l-appelli skond l-ordni ta' kif dawn ikunu daħlu. Il-każ tal-persuna ndikata ġie appuntat għas-smigħ quddiem l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol għat-Tlieta 17 ta' April 2001.
Billi issa ġo l-Olanda saret legali illi jistaw isiru żwieġ bejn omosesswali, jista' l-Ministru jgħid jekk dan iż-żwieġ jiġix rikonoxut mid-dipartiment jekk koppja bħal din tiġi tgħix Malta? Xi tkun il-pożżizjoni tad-dipartiment darba li Malta issir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropeja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, filwaqt li nirreferiħ għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23115 f'Seduta 491, intenni li l-imsemmi Dipartiment mhux l-awtorita' kompetenti Maltija li tirrikonoxxi ż-żwiġijiet. Id-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea ma jbiddel xejn minn din il-pożizzjoni għaliex dan hu qasam li hu mħolli f'idejn il-leġislazzjoni ta' kull pajjiż.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru. 24831, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru ta' nies/kontribwenti tal-N.I. fid-diversi kategoriji u għall-istess perjodu ta' żmien, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali m'għadux responsabbli għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali u għalhekk a jżommx statistika dwar l-informazzjoni mitluba f'din il-Mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Home Study Report li tlesta f'Novembru ta' l-1997?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jidhirlix li hu xieraq li rapport kunfidenzjali, bħal ma' hu Home Study Report dwar koppja li trid taddotta, għandu jiġi ppubblikat. Iżda ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-persuni li dwarhom sar ir-rapport jistgħu jitolbu kopja tiegħu, u tar-rakkomandazzjonijiet relattivi ta' l-Adoption and Fostering Panel, lid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn tfal taħt is-16-il sena li ġew rappurtati abbużati xahar b'xahar matul dawn l-aħħar 48 xahar? Jista' jelenka t-tip ta' abbużi li sofrew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Principal Officer
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 21561, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-increment li ngħata f'Jannar 1994, ta' LM 126 kienx ifisser li fis-sena ta' qabel, 1993, ix-xogħol kien jagħmlu sodisfaċjentement? F'dak iż-żmien dan il-principal officer (administrative office) kien fuq skala nru 10 bħalma kienu l-principal officers (administrative officers) kollha, kemm-il step kellu meta kien fuq skala nru. 10?
Dan il-principal officer kellu xi rapport kontra tiegħu li ġie infilżat fil-file personal tiegħu mingħajr ma dan kellu l-opportunita li jikkontestah sakemm dan jaħdem fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 22070 f'Seduta Numru 462.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-applikazzjoni ta' koppja li d-dettalji qed jintbagħtu separatament għall-għajnuna medika ma' ġietx milqugħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata kienet diġa' ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali fid-29 ta' Marzu 2001. Madankollu, il-persuna ġiet mibgħuta kopja tal-korrispondenza relattiva.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' social impact assessments saru fuq familja li qed jgħixu bl-unemployment benefit ta' madwar Lm140 fix-xahar u jħallsu madwar Lm20 kera fix-xahar lill-gvern għal appartament? Meta saru? X'irriżulta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Interpellanti hi mitluba tagħti d-dettalji tal-familja li għaliha qiegħda tirreferi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni li tqassmet u rakkmandazzjonijiet jew riżultati li nkisbu fil-forum tal-klijenti li ġew organizzati mill-ETC is-sena li għaddiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Waqt il-fora tal-klijenti organiżżati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol ut-Taħriġ is-sena l-oħra ġew imqassma dawn id-dokumenti:
Fl-ewwel forum - A Draft National Plan for an IT Literate Workforce;
Fit-tieni forum - Paper dwar Traineeships;
Fit-tielet forum - Draft Business Plan tal-Korporazzjoni.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-Draft National Plan for an IT Literate Workforce u tal-Paper dwar Traineeships. Kopja tal-Business Plan tal-Korporazzjoni ġiet imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra mat-Tweġiba li jien tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 21024 f'Seduta 422.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm nisa rreġistrati bħala self-employed ma' l-ETC? Jista' jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet tagħhom; il-lokalita' minn fejn ġejjin, meta bdew jaħdmu għal rashom, f'liema qasam huma attivi; u kemm għandhom impjegati magħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li f'Diċembru 2000, n-numru ta' nisa reġistrati bħala self-employed ma' l-ETC kien ta' 2,132. Minnhom kien hemm 35 li ma jimpjegaw lil ħadd, 2,062 li jimpjegaw anqas minn 5 persuni, 26 li jimpjegaw bejn 5 u 10 persuni u 9 li jimpjegaw aktar minn 10 persuni.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni dwar l-etajiet u minn liema lokalitajiet ġejjin dawn in-nisa, kemm ilhom jaħdmu bħala self-employed u f'liema industrija jaħdmu.
Jita' l-Viċi Prim Ministru jara li tingħata attenzjoni għall-installazzjoni mill-ġdid tas-servizz tat-telecare lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s-servizz tat-Telecare lill-persuna ndikata jingħata wara li l-Maltacom jistallaw il-linja tat-telefon.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kunsiderazzjoni serja ngħataw s'issa l-applikazzjonijiet 687/99 u 470/2000 tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li għandhom bżonn urġenti ta' akkomodazzjoni alternattiva peress li dik preżenti mhix tajba għal binthom li għandha bżonnijiet speċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-familja li tagħha intbagħtu d-dettalji m'għandha l-ebda applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament kienet għolitilha l-kera minn Lm36 fis-sena għal Lm66 fis-sena meta l-membri tal-familja kienu naqsu fin-numru xi snin ilu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-kera ssussidjata li qegħdin iħallsu l-aħwa ndikati ilu ta' Lm63 fis-sena minn mindu ngħataw rikonoxximent flok ommhom f'Ġunju 1996. L-omm kienet tħallas kera skond skema apposta għar-romol. Uliedha, li mhux romol, kellhom iħallsu l-kera skond l-Avviż 202 tat-13 ta' Marzu 1987.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn familji fil-gżejjer Maltin li: (1) huma childless; (2) għandhom wild wieħed; (3) għandhom żewġt itfal; (4) għandhom tliet itfal; (5) għandhom erbgħat itfal; (6) għandhom ħamest itfal; (7) adottaw tfal minn Malta stess; u (8) adottaw tfal minn barra minn Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda wieħed mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm l-istatistika mitluba fl-ewwel sitt partijiet tal-Mistoqsija.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li bejn l-1987 u l-2000 ġew adottati 165 tifel u tifla Maltin minn koppji Maltin filwaqt li fl-istess perijodu ġew adottati 492 tifel u tifla barranin.
Peress li l-blokki ta' appartamenti f'Ħal Farruġ, Ħal Luqa, huma proprjeta' tal-gvern u peress li hemm bini ma' blokk G li kienu ppjanati bħala ħwienet u li sal-lum għadhom magħluqin, jaf il-Viċi Prim Ministru li hemm boundary wall ta' dawn il-ħwienet li jiġi livell ma' twieqi ta' appartamenti b'riskju ta' sigurta' għal dawn il-familji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellanti lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga. Billi f'din iż-żona ser isir proġett ta' "landscaping" mid-Dipartiment flimkien mal-Kunsilli Lokali aktarx li jekk ikun hemm bżonn isir xi xogħol, dan jiġi inkorporat fil-proġett.
Peress li l-area ta' Ħal Farruġ, Ħal Luqa hija area fejn il-gvern għandu ħafna proprjeta' u fejn hemm proprjeta' tal-gvern magħluqa u li kienet ippjanata meta nbniet biex isservi għal ħwienet biex jagħtu servizz ta' kuljum lir-residenti, jista' l-Viċi Prim Mnistru jgħid meta din il-proprjeta' se tingħata għal ħwienet bil-għan li l-għadd ta' familja fl-area jibdew jinqdew fil-bżonnijiet ta' kuljum mingħajr ma jkomplu jbatu minn inkonvenjenzi kbar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ħwienet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant ser jinħarġu għall-bejgħ bl-offerti f'qasir żmien mill-Awtorita' tad-Djar.
Jista' l-Ministru jinfurmani bl-aħħar żviluppi tas-sitwazzjoni tal-cables tad-dwal mirduma f'erba pulzieri fil-ħamrija li hemm fl-Imtarfa?
Jista' jgħid li l-Awtorita' tad-Djar ma ddumx ma tieħu deċiżjoni dwar is-sitwazzji u tara li tiġi rispettata t-talba tal-Kunsill Lokali ta' l-Imtarfa, qabel ma' sseħ xi traġedja fatali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s-sistema tad-dawl madwar il-barracks blocks fl-Imtarfa ġiet stallata madwar sitt snin ilu. Is-sistema kienet approvata minn inġiniera kif ukoll mill-Enemalta li tat is-servizz tad-dawl u stallat il-meters. Is-sistema kienet taħdem u kemm il-darba saret manutenzjoni fuqha.
Minn dak iż-żmien saru ħsarat kawża ta' vandaliżmu. L-Awtorita' tad-Djar flimkien mal-Kunsill Lokali u l-Enemalta diġa' għamlu diversi laqgħat biex tinstab l-aħjar soluzzjoni biex is-sistema titranġa b'mod li eventwalment tiġi mqabbda mas-sistema tad-dawl tat-toroq u ssir il-manutenzjoni regolarment.
Hu ttamat li jintlaħaq ftehim f'qasir żmien biex jinbdew ix-xogħolijiet meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kunsiderazzjoni qed jagħti d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali lill-applikazzjoni H001698 - dokument mibgħut separatament - peress li l-familja għaddejja minn problema serja u għandha bżonn li tiġi mgħejjuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ qiegħed ikun ikkunsidrat flimkien ma każijiet oħra b'ċirkustanzi simili jew aktar urġenti.