Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' tad-djar — Bini ta' housing units

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tip ta' housing units qed tippjana li tibni l-awtorita' tad-djar u d-dipartiment għall-bini u tiswija ta' postijiet tal-gvern? Fil-preżent, liema huma l-applikazzjonijiet li għandha quddiem il-MEPA? Kemm b'kollox hemm units? Liema huma l-lokalitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita' tad-Djar, flimkien mad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar, tibni kemm maisonettes kif ukoll blokki ta' appartamenti b'kmamar tas-sodda minn waħda sa tlieta. Jien infurmata li l-informazzjoni mitluba fil-kumplament tal-Mistoqsija hi kif tidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorita' tad-djar — Servizz ta' care & repair

Question

Tista' il-Ministru tara li l-koppja anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibda tibbenefika mis-servizz care & repair ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet ebda talba mill-familja ndikata mill-Onor. Interpellant għal għajnuna taħt l-inizjattiva tal-care and repair. Ninsab infurmata wkoll li, madankollu, l-Awtorita' mistennija tagħmel spezzjoni fil-post indikat biex jiġi verifikat jekk il-familja konċernata tistax tibbenefika taħt din l-inizjattiva.

Awtorita' tad-djar — Servizz ta' care & repair

Question

Tista' il-Ministru tara li l-koppja anzjana li għandhom tifla b'diżabilita' u li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibda tibbenefika mis-servizz ta' care & repair mill-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet ebda talba mill-familja ndikata mill-Onor. Interpellant għal għajnuna taħt l-inizjattiva tal-care and repair. Ninsab infurmata wkoll li, madankollu, l-Awtorita' mistennija tagħmel spezzjoni fil-post indikat biex jiġi verifikat jekk il-familja konċernata tistax tibbenefika taħt din l-inizjattiva.

Djar — Post tal-gvern li jinsab fi stat perikoluż

Question

Tista' il-Ministru tara li d-dipartiment tal-construction & maintenance tal-postijiet tal-gvern jieħu passi biex jitneħħa l-periklu li l-inkwilina ta' post tal-gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qed tgħid li hemm fil-fond fejn tgħix?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar ser jieħu l-passi neċessarji biex jitneħħa l-periklu ndikat mill-Onor. Interpellant.

Djar — Upgrading ta fond tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tara li jsir upgrading tal-partijiet komuni tal-fond indikat separatament? Tista' tgħid x'irriżulta meta xi xhur ilu saret spezzjoni fuq il-bejt indikat? X'kondizzjoni jinsab fih il-bejt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-partijiet komuni tal-post indikat mill-Onor. Interpellant huma f'kundizzjoni tajba. Ninsab infurmata wkoll li ser issir spezzjoni oħra tal-kontrabejt biex jiġi stabbilit il-kundizzjoni tiegħu.

Djar — Każ dwar xogħol ta' kostruzzjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta l-awtoritajiet se jibdew ix-xogħol ta' kostruzzjoni u/jew irranġar tal-fond indikat separatament? Fiex jikkonsisti dan ix-xogħol? Meta jitlesta dan ix-xogħol, l-inkwilini li kienu jgħixu hemm se jmorru lura bl-istess kondizzjonijiet u kera?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar evalwa x-xogħol meħtieġ fil-fond indikat mill-Onor. Interpellant. Dan ix-xogħol jinkludi bdil ta' soqfa, sistema ġdida ta' dawl, bdil ta' aperturi u tqegħid ta' madum. Ix-xogħol ser isir bil-kuntrattur wara li toħroġ tender. Ninsab infurmata wkoll li l-inkwilini ser jibqgħu bl-istess kundizzjonijiet u kera skond il-kuntratt li kienu ffirmaw.

25 ta' Marzu bħala "Jum it-tarbija qabel it-twelid"

Question

Peress li xi pajjiżi demokratiċi ħadu deċiżjoni li jiddikjaraw l-25 ta' Marzu bħala "Jum it-tarbija qabel it-twelid" (unborn child) u peress illi l-Maltin u l-Għawdxin huma magħrufin għal kemm jgħożżu u jirrispettaw il-ħajja umana sa mit-tnissil tagħha, tista' il-Ministru tgħid jekk il-gvern ikunx lest jistabbilixxi dan l-istess 25 ta' Marzu bħala "Jum it-tarbija qabel it-twelid" jew "Jum it-tarbija mhux imwielda f'Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena l-Gvern fakkar għall-ewwel darba Jum il-Ħajja nhar l-ewwel Ħadd ta' Frar li għadda. Il-gvern hu tal-fehma li jiġi ċċelebrat Jum il-Ħajja wieħed fis-sens wiesa tagħha. Din id-data ġiet magħżula peress li dan il-jum hu diġa' iċċelebrat internazzjonalment bħala tali.

Abbozz ta' Liġi dwar vjolenza domestika

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jitressaq fil-Parlament l-Abbozz ta' Liġi dwar vjolenza domestika li ilu li tħejja minn Marzu tas-sena 2000?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-intenzjoni tiegħi hi li l-Abbozz tal-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika jiġi ppublikat u mressaq quddiem il-Parlament fl-aqsar żmien possibbli wara li jiġi finalizzat.

Djar — Appartament tal-gvern - fili miftuħin

Question

Tista' il-Ministru tara li tiġi ndirizzata l-problema ta' fili miftuħin li hemm f'appartament tal-gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba l-ilmijiet li jidħlu fl-appartament kull meta jagħmel il-maltemp?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u ninsab infurmata li diġa' ntbagħtu uffiċjali tekniċi ta' l-istess Dipartiment biex jagħmlu spezzjoni neċessarja.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar relief

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex kien inqata' ir-relief tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u reġgħet qabdet tieħu mis-17 ta' April?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta' l-identita' provdut mill-Onor. Interpellant ma jappartjenix lill-persuna ndikata u għalhekk nitolbu jivverifika d-dettalji.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi mfissra lilha kif id-dipartiment tas-sigurta' soċjali wasal għall-ammont ta' pensjoni li qed jirċievi, peress li qed jilmenta li qed jirċievi inqas minn two thirds tal-paga?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tinqatagħlu persentaġġ anqas mill-pensjoni għall-over payment li rċieva?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Ċentru Detox — Persuni li talbu l-għajnuna

Question

Tista' il-Ministru tgħid fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena, xahar b'xahar, kemm kien hemm persuni li talbu l-għajnuna tas-servizzi tad-Detox? Kemm minnhom marru hemm għall-ewwel darba? Kemm kienu ta' nazzjonalita' barranija? Tista' tgħid ukoll kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Kemm kienet l-akbar eta' fil-każ ta' l-irġiel u tan-nisa? Tista' tagħti l-figuri komparattivi għas-sena li għaddiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentru Detox — Kura għal dawk li jabbużaw mid-droga

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm sewa lill-gvern il-kura għal dawk li jabbużaw mid-droga u li fittxew l-għajnuna tas-servizzi tad-Detox fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena? Tista' telenka l-mediċini jew kura li jingħataw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ispiża għat-tmexxija taċ-Centru Detox fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena kienet ta' Lm28,309. Il-maġġoranza kbira ta' dawk li jattendu dan iċ-Ċentru għandhom dipendenza ta' l-eroina u dawn jingħataw il-methadone. Wħud li jattendu ċ-Ċentru jkollhom problemi oħra ta' natura medika u dawn jingħataw dawk il-mediċini ndikati skond il-każ partikolari.

Sigurta' Soċjali — Persuni li ġew boarded out

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm persuni li ġew boarded out din is-sena? Kemm minn dawn huma self-employed, kemm impjegati tal-gvern u kemm impjegati tal-privat? Fir-rigward ta' impjegati mal-gvern, ma' liema dipartiment tal-gvern kienu jaħdmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mill-1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' April 2004, kien hemm 493 persuna li rċevew għall-ewwel darba Pensjoni għall-Invalidita mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Ninsab infurmata wkoll li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jżommx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fil-kumplament tal-Mistoqsija.

Ministeru tal-Familja — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tagħha, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li hija responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tagħha fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Birgu — Fond li jinsab f'periklu strutturali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5282, tista' il-Ministru tgħid x'indika l-perit tal-gvern mill-ispezzjoni rigward saqaf li jinsab f'periklu? Meta se jibda x-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s-soqfa tal-kuritur u l-intrata fil-post indikat iridu jinbidlu. Sakemm isiru dawn it-tiswijiet wara sejħa għall-offerti, parti mis-saqaf tal-kuritur ser jiġi ppuntaljat biex jiġi evitat kull periklu. Is-soqfa tal-kmamar l-oħra għandhom bżonn xi tiswijiet li se jsiru milll-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fil-futur immedjat.

Ħal Luqa — Każ dwar kont tal-kera

Question

Tista' il-Ministru tara li l-kont tal-kera ta' familja minn Ħal Luqa li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġi ċċekkjat sewwa minħabba li huma qed jallegaw li qed jiġi għoli ħafna u jħossu li l-ilmenti tagħhom ma' l-awtoritajiet qed jiġu njorati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-kwistjoni dwar is-sussidju tal-kera lill-familja ndikata mill-Onor. Interpellant issa ġiet risolta. Ninsab infurmata wkoll li l-ilmenti li rċieva d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali dwar il-każ kollha ngħatatilhom risposta fil-waqt mid-Dipartiment.

Sigurta' Soċjali — Żwieġ bejn l-istess sessi

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk id-dipartiment tas-sigurta' soċjali jirrikonoxxix same sex marriages li saru ġewwa pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23115 f'Seduta 491 tal-Leġislatura preċedenti.

Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni H18571, quddiem id-dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali? X'tama hemm li la darba għandha madwar 150 punt tiġi pprovduta akkomodazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.