Legislature:
Category:
Reset
Active:

Arbli tad-dawl fit-toroq arterjali u distributorji — sticker ta' identifikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop li twaħħlu stickers ta' identifikazzjoni individwali ma' kull arblu tad-dawl ta' ħafna toroq arterjali u distributorji? Jista' jgħid kemm swew b'mod komplessiv biex saru, minn liema kumpanija jew supplier ġew ordnati u jekk ix-xiri tagħhom sarx wara sejħa pubblika għall-offerti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istickers li huma mwaħħla ma’ numru t’ arbli tad-dawl f’toroq arterjali w distributorji huma kollha numerati individwalment biex jagħmluha iżjed faċli biex jiġu identifikati l-arbli għal fini ta’ raportaġġ ta’ ħsara jew manutenzjoni u biex jiġu faċilment identifikati dawk l-arbli li jaqgħu taħt ir-risponsabbilta’ tal-Awtorita’ minn dawk li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Enemalta. Dawk l-arbli li għandhom sticker bil-logo tat-TM jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Awtorita’ il-kumplament jaqgħu taħt dik tal-Enemalta. L-istickers li jinsabu fuq arbli li jaqgħu taħt dawn it-toroq segwenti kienu saru mill-kuntratturi li kien ingħataw l-kuntratt ta’ bini mill-ġdid ta’ l-istess toroq: · Triq Garibali, Marsa · Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Luqa · Xatt l-Għassara tal-Għeneb, Marsa · Triq il-Marfa, Ċirkewwa · Triq ta’ Penellu, Mellieħa · L-Underpass li jgħaqqad il-Marsa mas- Sea Passenger Terminal · It-Triq li tgħaqqad ix-Xewkija mar-Rabat ġewwa Għawdex Il-kumplament tal-istickers li huma mwaħħlin m’ arbli tad-dawl f’ċerti toroq arterjali u distributorji li fuqhom hemm il-logo tat-TM, saru bħala parti mill-kuntratti li jipprovdu għal proviżjoni ta’ manutenzjoni fuq is-servizzi elettriċi fir-reġjuni li għalhekk jinkludu l- l-istess arbli. It-tenders għall-manutenzjoni fl-erba’ reġġjuni kienu ntrebħu mill- konsortsjum MNC Limited. L-ammont ta’ arbli li kienu immarkati bl-istickers kien ta’ 722. Il-valur totali tax-xogħol kien ta’ Ewro 14, 440 (inkluż il-VAT). Ta’ min isemmi li dawn l-istickers apparti li għandhom numri uniċi, mhumiex sempliċiment stickers normali iżda huma retro-reflective biex in-numri jkunu jistgħu jinqraw matul il-lejl u huma weather-proof.

Ħal Qormi – Triq Manoel Dimech – dwal taż-Zebra Crossing

Question

Jista’ l-Ministru jara li d-dwal taż-zebra crossing ta’ Triq Manoel Dimech f’Ħal Qormi jiġu rranġati mill-aktar fis għaliex dawn ilhom ix-xhur mhux jiffunzjonaw sew?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat li d-dwal taż-zebra crossing ta’ Triq Manoel Dimech f’Ħal-Qormi kellhom ħsarat minimi li ġew irranġati fis-7 ta’ Jannar 2015. Saret ukoll il-manutenzjoni neċessarja fil-11 ta’ Jannar 2015. Għaldaqstant dawn id-dwal issa qed jaħdmu.

Ħal Qormi – Triq il-Wied — dwal

Question

Jista’ l-Ministru jara li d-dwal il-ġodda li saru fi Triq il-Wied f’Ħal Qormi biex jidderiġu t-traffiku u jgħinu lin-nies jaqsmu t-triq jiffunzjonaw sewwa għaliex qed ikun hemm diversi ilmenti dwar nuqqasijiet u ħsarat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat li d-dwal il-ġodda tal-pelican crossing li saru fi Triq il-Wied f’Ħal-Qormi qed jaħdmu sewwa u l-Awtorita’ tat-Trasport ma kellha l-ebda lmenti dwar nuqqasijiet jew ħsarat.

Pjanti tat-triq tal-Coast Road — bidliet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema bidliet seħħew fil-pjanti tat-Triq tal-Coast Road, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna d-daħla tat-Triq għar-residenti tas-Salina? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti, kemm dawk oriġinali, kif ukoll dawk li tbiddlu, u issa dawk li qed jiġu implimentati fuq il-post? X'wassal għal dawn il-bidliet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-pjanti tal- Coast Road mid-daħla ta’ San Pawl sad-daħla tal-Magħtab ġew approvati f’permess tal MEPA numru PA3758/09, pubblikat fit-22 ta’Diċembru 2012. Dan il-permess kien jinkludi it-twaqqiegħ tad-dħul u ħruġ tal-Hamlet tas-Salina u proposta minn Transport Malta għal aċċess alternattiv. It-triq proposta għad-dħul u ħruġ tas-Salina kienet inżammet bħala reserved matter skont kundizzjoni f’dan il-permess. Ix-xogħlijiet fuq Triq il-Kosta, b'mod partikolari fil-parti fejn twaqqgħu r-rampi ta' aċċess għar-residenzi tas-Salina, qed jimxu mal-pjanti tal-permess u matul il-proċess ta' skavar għall-pedamenti tat-triq u strutturi oħra, diġa’ nstabu u qed jibqgħu jinstabu fdalijiet arkeoloġiċi. Il-pjanti tal-permess, jista' jkun li jiġu rfinati u / jew emendati sabiex jieħdu in-konsiderazzjoni, b'mod speċjali, dawn il-fdalijiet. Min-naħa l-oħra, rigward it-triq ta' aċċess għar-residenti tas-Salina, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12720.

Public Cleansing Service Department — skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' skart li l-public cleansing services department neħħa bejn l-2004 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, minn siti fejn intrema skart kontra l-liġi, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid minn liema żoni nġabru l-ikbar ammonti ta’ skart matul dan il-perjodu? Jista’ jgħid x’tip ta’ skart inġabar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-istatistika mitluba. L-iskart miġbur huwa skart mormi illegalment f’żoni imwarrba, li partikolarment f’dawn l-aħħar xhur qed tingħata attenzjoni partikolari għalihom. L-ammonti tal-iskart kif murija fit-tabella pprovduta, ma jkoprux l-iskart illegali li jintrema fit-toroq arterjali u distributorji. L-ikbar ammonti ta’ skart f’dan il-perjodu inġabru minn: Triq il-Ħotba fiż-Żejtun, Manoel Island, Il-Foss Ħaż-Żabbar kif ukoll minn diversi widien u żoni industrijali. Dan kien jikkonsisti fi skart tal-kostruzzjoni kif ukoll kull tip ta’ skart domestiku partikolarment skart goff.

Transport Malta – rapporti ta’ emissjonijiet ta’ karozzi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13418, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport b’sms daħal għand Transport Malta dwar emissjonijiet ta’ karozzi mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-ġurnata li titwieġeb il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm ittieħdu azzjonijiet f’dan ir-rigward? Kemm-il karozza m’għaddietx mit-test? Kemm jiswa kull sms?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat li daħlu 22,183 rapport dwar emmissjonijiet b’sms għand Transport Malta mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-21 ta’ Jannar 2015. Bejn Marzu tal-2013 u Diċembru tal-2014 inħarġu 681 notifika sabiex vetturi jsirilhom it-test tal-emmissjoni, liema ammont jinkludi wkoll vetturi li nħargitilhom it-tieni notifika. Inħarġu ukoll 155 restrizzjonijiet fuq il-liċenzji tal-vetturi li ma ttelgħux għat-test wara l-ewwel u t-tieni notifika maħruġa. F’dan l-istess perjodu kien hemm 38 vettura li ma laħħqux il-livell stabbilit ta’ emmissjonijiet u għaldaqstant m’għaddewx mit-test. Kull sms jiswa 0.05c.

Transport Malta — Vetturi għar-reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi tagħmel Transport Malta biex jiġu infurzati r-regolamenti dwar vetturi għar-reklamar u speċifikament l-artiklu 9 tar-Regolamenti dwar Tqegħid ta’ Billboards u Reklamanr billi jitħallew fit-toroq f’lokalitajiet bħall-Marsa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa qed isiru diskussjonijiet bejn l-Awtorita’ tat-Trasport u l-Awtorita’ tal-Ambjent u Ippjanar bil-għan li jiġu riveduti r-regolamenti eżistenti sabiex ikun hemm sinerġija bejn iż-żewg Awtoritajiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom.

żwiemel u vetturi kbar fit-toroq

Question

Peress li f’Ottubru 2013, il-perit li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u uffiċjal għoli ta’ Transport Malta, ġew irrapurtati li qalu, f’edizzjoni ta’ Times Talk, li Transport Malta kienet qed tevalwa l-impatt taż-żwiemel u l-vetturi kbar fuq it-traffiku, jista’ l-Ministru jgħid x’sar u x’passi ttieħdu minn dakinhar sal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejin diskussjonijiet mal-partijiet kollha kkonċernati bil-ħsieb li jinħareġ Avviż Legali ġaladarba dawn l-istess diskussjonijiet ikunu konklużi.

MEPA – Policy dwar Parking

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12683, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess tat-tfassil tal-policy tal-parking min-naħa ta' Transport Malta? meta hu mistenni li din l-istess policy tkun finalizzata? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li l-policy tkun maħduma b'mod li lokalitajiet b'diffikultajiet ikbar minn oħrajn ikollhom il-problema tagħhom indirizzata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm ir-reviżjoni tal-polza għall-Parkeġġ fit-Toroq tfasslet, ġie deċiż li wieħed jistenna l-ewwel li t-trasport pubbliku jibda jopera kif ġie miftiehem mal-operatur il-ġdid. Fl-istess waqt, f’dan il-perjodu, se jkun hemm Inter-Ministerial Committee biex jevalwa dak kollu li jiġi affettwat, anke b’mod lokalizzat, speċjalment f’lokalitajiet li jiffaċċjaw diffikultajiet ikbar minn oħrajn.

bennejja liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni, irġiel u nisa, separatament li ngħataw il-liċenzja ta' bennejja matul l-2013 u l-2014, xahar b'xahar? Minn fejn huma dawk li ngħataw il-liċenzja, lokalità lokalità, u kif inhuma maqsuma, f'age groups, dawk li ngħataw il-liċenzja ta' bennejja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ persuni li ngħataw il-liċenzja ta’ bennejja matul l-2013 u l-2014 hija hekk kif ġej: Xahar meta ngħatat Lokalita' Eta' il-liċenzja tal-Individwu Jannar 2013 Birżebbuġia 46 sena Frar 2013 Ħal Kirkop 44 sena San Ġwann 30 sena Marzu 2013 Ir-Rabat, Għawdex 30 sena San Ġwann 32 sena Ħad-Dingli 33 sena Jannar 2014 Is-Sannat, Għawdex 33 sena Il-Għargħur 36 sena Il-Mosta 38 sena Il-Munxar, Għawdex 29 sena Marzu 2014 Raħal Ġdid 41 sena Lulju 2014 Il-Mosta 27 sena Il-Qrendi 35 sena L-individwi kollha li ngħataw il-liċenzja kienu kollha ta’ sess maskili.

Toroq — Inċidenti involuti fihom żwiemel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fit-toroq bejn l-2004 u l-2014, sena b’sena, b’mod separat, li fihom kienu involuti żwiemel? Jista’ jgħid f’liema lokalità seħħ kull inċident? Jista’ jindika jekk f’kull każ kenitx involuta xi vettura jew vetturi? Jista’ jindika kemm kienu involuti vetturi f’kull każ? Jista’ jindika jekk f’kull każ kienx hemm persuni li sfaw midruba? Jista’ jindika f’kull każ jekk iż-żiemel safax midrub jew jekk mietx?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-istatistika ma tinżammx mill-Ministeru tiegħi u għaldaqstant nitolbu sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11301 li oriġinarjament saret fl-14 ta’ Ottubru 2014 u jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet fis-sena 2012, u fis-sena 2013, u kemm hu stmat li tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?

Response (MIZZI, JOE)

Peress li l-Onor. Interpellant qed jitlob informazzjoni addizzjonali għal dik diġà mitluba, nitlob l-istess Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 11301.

Birkirkara –bus shelter fil-venda

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 12726 u 4925, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ċara meta se jitwaħħal il-bus shelter fil-venda ta’ Birkirkara ħdejn il-BOV?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13118

Autobuses de Leon — kuntratt iffirmat

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat mal-Autobuses de Leon?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tingħata f’xi seduta oħra.

Bus Shelters

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' bus shelters li twaħħlu f'Malta u Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Fejn jinsabu dawn il-bus shelters li twaħħlu matul dan il-perjodu? Kemm u fejn hu mistenni li jitwaħħlu bus shelter matul l-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu tas-sena 2013 sal-lum twaħħlu total ta’ 27 bus shelter kif ukoll żewġ tined (canopies). 4 minn dawn il-bus shelters qegħdin fl-aħħar fażi ta’ twaħħil. Il-bus shelters ġew installati f’ Bormla, il-Fgura, Ħal-Balzan, Pembroke, Ta’ Xbiex, Iklin, Mrieħel, Mqabba, Attard, 2 ġewwa Marsaskala, 2 ġewwa il-Marsa, 3 ġewwa Ħal-Kirkop, 3 ġewwa iċ-Ċirkewwa, 4 ġewwa Birżebbuġia u 4 ġewwa tas-Sliema (fl-aħħar fażi ta’ twaħħil). Il-canopies ġew installati quddiem l-Isptar Mater Dei u iċ-Ċirkewwa. Fl-istess perjodu, Transport Malta applikat u akkwistat il-permessi neċessarji sabiex tkun tista’ tinstalla 43 bus shelter ġdid f’lokalitajiet diversi. Huwa ippjanat illi fl-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena jitwaħħlu 18-il bus shelter ġdid fis-sussegwenti lokalitajiet: · 4 ġewwa il-Fgura; · 3 ġewwa Ħal-Luqa; · 3 ġewwa San Pawl il-Baħar; · 2 ġewwa Birkirkara; · 2 ġewwa Ħal-Tarxien; · 2 ġewwa il-Mosta; · 1 ġewwa iż-Żurrieq; · 1 ġewwa Fleur De Lys. Dawn il-Bus Shelters huma diġa’ koperti bil-permessi kollha neċessarji.

Is-Salina — toroq fi stat ħażin

Question

Billi r-residenti tas-Salina, limiti tan-Naxxar qed ikunu mistennija li jibdew jidħlu fir-residenza tagħhom billi jgħaddu minn toroq li lanqas biss huma fi stat tajjeb, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'miżuri se jittieħdu biex l-aċċes propost ma jkunx wieħed li joħloq periklu għar-residenti? X'xogħol hu mistenni li jsir biex il-periklu jitneħħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li r-residenti tas-Salina qegħdin jgħaddu minn ġo żewg toroq biex jaslu għal- Hamlet. Waħda hija aċċess temporanju minn ġol-art tal-Coastline Hotel, u l-oħra hija minn ġo Triq il-Katakombi. L-imsemmija toroq ġew spezzjonati minn uffiċjali tal-Awtorita’u kull mezz neċessarju biex tiżdied is-sigurta ġie introdot, bħal per eżempju iktar tabelli eċċ. Għalhekk, ninsab infurmat li ma hemm l-ebda periklu għall-pubbliku. L-Awtorita’ qegħda wkoll tagħti importanza kbira lil kwalunkwe ilment u/jew mistoqsija mill-pubbliku u dan biex tassigura illi kull periklu jitneħħa u biex kull inkonvenjent ikun il-minimu possibli.

Transport Malta – approvazzjoni ta’ one-way system fiż-Żejtun

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Transport Malta tatx l-approvazzjoni tagħha għall-one-way system li saret dan l-aħħar fi Triq San Klement, iż-Żejtun, u parti minn Triq Santa Katarina, bejn Triq A. Cachia Zammit u Triq Toni Zahra, fiż-Żejtun? Jekk iva, x'kienu r-raġunijiet li saru fis-sens li qegħdin u mhux bil-kontra?"

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li t-talba li saret mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun, sabiex Triq San Klement issir f’direzzjoni waħda, ma ġietx approvata mill-Awtorita’ tat-Trasport fil-31 t’Awwissu, 2014. Jien infurmat ukoll li, minn riċerka li saret fl-arkivji tal-Awtorita’ tat-Trasport sa mill-1996, ma nstabet l-ebda approvazzjoni sabiex Triq Santa Katerina minn k/m Triq A. Cachia Zammit sa k/m Triq Toni Zahra issir f’direzzjoni waħda.

Esplorazzjoni għaż-żejt u gass — liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu liċenzji għal tħaffir u esplorazzjoni għaż-żejt jew gass mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-ġurnata li titwieġeb il-mistoqsija? Jista’ jgħid għal-liema areas ħarġu dawn il-liċenzji? Jista’ jgħid lil min ingħataw dawn il-liċenzji u l-perjodu tal-validità tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum sar ħafna xogħol f’dan il-qasam. Il-Gvern beda billi ppubblika avviż fuq il-ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex kumpaniji nteressati jkunu jistgħu japplikaw għal-liċenzji. Il-Gvern sal-lum irċieva żewġ applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ studji esploratorji u bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet. Saru wkoll preżentazzjonijiet fuq livell internazzjonali sabiex jiġi promoss il-potenzjal taż-żejt fl-ibħra Maltin. Saru wkoll diversi żjarat minn kumpaniji interessati sabiex jaraw informazzjoni siżmika u informazzjoni minn bjar li tħaffru fil-passat biex b’hekk jevalwaw il-potenzjal tal-ibħra Maltin. Wara aktar minn għaxar snin, is-sena li għaddiet ħaffirna bir ieħor u għalkemm ir-riżultat ma kienx pożittiv, xorta waħda dan il-bir għen biex tiżdied l-informazzjoni fir-reġjun. Sfortunatament il-prezz taż-żejt mhux jgħin is-sitwazzjoni u bħalissa mhux faċli ssib min jinvesti f’dan il-qasam minħabba ir-riskju li hemm konness ma’ l-esplorazzjoni għaż-żejt. Tajjeb inżid li l-Gvern għamel ukoll tibdil fil-leġiżlazzjoni dwar il-blata kontinentali sabiex din tiġi konformi mal-UNCLOS 1982. Bħalissa il-Gvern qed jaħdem sabiex jiddaħħlu regolamenti ġodda kemm dwar attivitajiet fuq il-blata kontinentali kif ukoll regolamenti skont Direttiva tal-Unjoni Ewropea fuq is-saħħa, siġurtà u ambjent minn operazzjonijiet offshore. Għaddejja wkoll inizjattiva sabiex informazzjoni dwar it-tiftix għaż-żejt tkun mibdula għal format diġitali sabiex din l-informazzjoni issir aktar aċċessibli.

Transport Malta – rapporti ta’ emissjonijiet ta’ karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport b’sms daħal għand Transport Malta dwar emissjonijiet ta’ karozzi? Jista’ jgħid kemm ittieħdu azzjonijiet f’dan ir-rigward? Kemm-il karozza m’għaddietx mit-test? Kemm jiswa l-sms?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tispeċifika għal-liema perjodu qed tirreferi.

Trasport Pubbliku – karozzi tal-linja low floor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm, mill-flotta l-ġdida tat-trasport pubbliku, hu n-numru ta’ karozzi li qed jipprovdu faċilità tal-low floor li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-anzjani u l-persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-flotta kollha tal-operatur tat-trasport pubbliku illi qed tintuża fis-servizz hija tat-tip low floor. Mill-banda l-oħra, l-vetturi li fil-preżent qegħdin jiġu mikrija mingħand operaturi privati Maltin sabiex jagħtu servizz fuq ċertu rotot m’humiex kollha tat-tip low floor. Kif diġa ġie mħabbar l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku ser jkun qiegħed jissostitwixxi dawn il-vetturi fil-ġimgħat li ġejjin b’vetturi oħra tat-tip low floor, liema vetturi ser ikunu mikrija mir-Renju Unit.